Stabbiliment tal-aġenda politika tal-UE

Kunsill Ewropew

Il-Kunsill Ewropew huwa wieħed mis-7 istituzzjonijiet tal-UE. Madankollu, mhuwiex wieħed mill-korpi leġislattivi tal-UE, u b'hekk ma jinnegozjax jew jadotta liġijiet tal-UE. Minflok, ir-rwol prinċipali tiegħu hu li jiddetermina d-direzzjoni politika ġenerali u l-prijoritajiet tal-UE - li essenzjalment jistabbilixxu l-aġenda politika għall-UE. 

Tradizzjonalment, dan isir billi jiġu adottati konklużjonijiet matul kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew. Dawn il-konklużjonijiet jidentifikaw kwistjonijiet speċifiċi ta' tħassib għall-UE u jiddeskrivu azzjonijiet partikolari li għandhom jittieħdu jew għanijiet li għandhom jintlaħqu. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jistgħu wkoll jistabbilixxu data ta' skadenza biex jintlaħaq qbil dwar punt partikolari jew biex tiġi ppreżentata proposta leġislattiva. B'dan il-mod, il-Kunsill Ewropew jista' jinfluwenza u jiggwida l-aġenda politika tal-UE.

Aktar reċentement, il-Kunsill Ewropew adotta 'aġenda strateġika' ta' oqsma ta' prijorità għal azzjoni u attenzjoni aktar fit-tul mill-UE.

Aġenda strateġika għall-UE

Fil-laqgħa tiegħu fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill Ewropew qabel dwar ħames oqsma ta' prijorità biex jiggwidaw il-ħidma tal-UE tul il-ħames snin li jmiss. Dawn il-prijoritajiet huma stabbiliti f'dokument imsemmi 'Aġenda strateġika għall-Unjoni fi żminijiet ta' bidla'. Din l-aġenda strateġika ser tintuża biex tiġi ppjanata l-ħidma tal-Kunsill Ewropew u wkoll biex isservi ta' bażi għall-programmi ta' ħidma ta' istituzzjonijiet oħrajn tal-UE. 

1. Impjiegi, tkabbir u kompetittività

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-bżonn li jiġi inkoraġġit it-tkabbir, li jiżdiedu l-investimenti, li jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar, u li tiġi inkoraġġita r-riforma biex tiżdied il-kompetittività. Azzjonijiet speċifiċi jinkludu:

  • l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali sal-2015
  • aċċess aħjar mill-SMEs għall-finanzjament u l-investiment
  • investiment aħjar fl-infrastruttura
  • l-ikkompletar tan-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) sal-2015
  • aktar governanza taż-żona tal-euro u aktar koordinazzjoni tal-politika ekonomika

2. L-abilitazzjoni u l-protezzjoni taċ-ċittadini

Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-prijoritajiet li jagħtu l-opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll biex jiġu trattati kwistjonijiet bħall-faqar u l-esklużjoni soċjali. Azzjonijiet partikolari jinkludu:

  • l-issoktar tal-kampanja kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ
  • azzjoni biex jiġu indirizzati l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali

3. Linji ta' politika għall-enerġija u l-klima

Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-ħtieġa li tonqos id-dipendenza fuq l-importazzjoni ta' fjuwil u gass u tinħoloq enerġija aċċessibbli, sikura u sostenibbli fl-UE. Il-prijoritajiet ewlenin jinkludu:

  • l-ikkompletar tas-suq tal-enerġija tal-UE
  • id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija tal-UE u tar-rotot tagħhom u l-iżvilupp ta' infrastruttura tal-enerġija
  • l-istabbiliment ta' miri ambizzjużi għat-tibdil fil-klima għall-2030 u li titkompla titmexxa l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima 

4. Libertà, sigurtà u ġustizzja

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni tajba tal-UE rigward kwistjonijiet ta' sigurtà bħat-terroriżmu u l-ġestjoni tal-flussi migratorji. Prijoritajiet speċifiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew jinkludu:

  • ġestjoni aħjar tal-aspetti kollha tal-migrazzjoni, inkluża l-migrazzjoni irregolari, l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri
  • il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu
  • kooperazzjoni ġudizzjarja aħjar bejn il-pajjiżi tal-UE

5. L-UE bħala attur globali b'saħħtu

Il-Kunsill Ewropew jappella lill-UE biex tassigura l-impenn b'saħħtu tagħha fix-xena dinjija, filwaqt li jenfasizza b'mod partikolari l-prijoritajiet li ġejjin:

  • tassigura l-konsistenza bejn l-għanijiet tal-politika barranija tal-istati membri u tal-UE
  • tippromwovi l-istabbiltà, il-prosperità u d-demokrazija fil-pajjiżi l-aktar qrib lejn l-UE
  • tinvolvi lis-sħab globali f'firxa wiesgħa ta' materji bħall-kummerċ, iċ-ċibersigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġestjoni ta' kriżijiet
  • issaħħaħ politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE

Linji gwida ta' politika

Semestru Ewropew

Is-Semestru Ewropew huwa ċiklu ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali fl-UE

Il-Kunsill Ewropew mhux biss jistabbilixxi l-prijoritajiet politiċi tal-UE permezz tal-aġenda strateġika u tal-konklużjonijiet tiegħu, iżda għandu wkoll rwol formali fil-proċess annwali tal-UE tas-semestru Ewropew. Dan hu ċ-ċiklu annwali ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali tal-UE.

Fil-laqgħa annwali tiegħu ta' Marzu, il-Kunsill Ewropew jagħmel valutazzjoni kemm tas-sitwazzjoni ekonomika fl-UE kif ukoll tal-progress li sar fil-miri ta' Ewropa 2020. Imbagħad jagħti orjentazzjonijiet politiċi għal dawk li huma riformi fiskali, ekonomiċi u strutturali. Fil-laqgħa tiegħu ta' Ġunju, il-Kunsill Ewropew japprova r-rakkomandazzjonijiet finali speċifiċi għall-pajjiżi, li jistabbilixxu l-prijoritajiet għal kull stat membru għat-12-18-il xahar li jmiss.

Linji strateġiċi għall-ġustizzja u l-affarijiet interni

Dawn il-linji gwida, adottati mill-Kunsill Ewropew, jiddefinixxu l-prijoritajiet għas-snin li ġejjin

Skont l-artikolu 68 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), il-Kunsill Ewropew hu responsabbli mid-definizzjoni tal-linji gwida strateġiċi għall-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Dan tqiegħed fil-prattika għall-ewwel darba bil-linji gwida l-aktar reċenti, adottati f'Ġunju 2014. Dawn ġew żviluppati f'konformità mal-prijoritajiet strateġiċi tal-aġenda u jkopru aspetti bħall-kontroll fil-fruntieri, il-politika dwar il-migrazzjoni u l-asil, u l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja.