Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) hu l-korp tal-persunal responsabbli biex jassisti lil żewġ istituzzjonijiet tal-UE :

  • il-Kunsill Ewropew
  • il-Kunsill tal-UE, inklużi l-presidenzi tiegħu, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) u l-kumitati u l-gruppi ta' ħidma l-oħrajn tal-Kunsill

Is-SĠK jgħin fl-organizzazzjoni u l-iżgurar tal-koerenza tal-ħidma tal-Kunsill u l-implimentazzjoni tal-programm tiegħu ta' 18-il xahar. Huwa jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-President tiegħu kif ukoll jappoġġa lill-presidenza tal-Kunsill fin-negozjati fil-Kunsill u mal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE.

Kompiti ewlenin

Il-kompiti ewlenin tas-SĠK huma:

  • li jassisti, jagħti pariri u jgħin fil-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, inkluż l-implimentazzjoni tal-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill
  • li jappoġġa lill-presidenza tal-Kunsill f'negozjati fil-Kunsill u ma' istituzzjonijiet oħrajn tal-UE
  • li jipprovdi appoġġ loġistiku u jieħu ħsieb l-organizzazzjoni prattika ta' laqgħat (inkluż il-kmamar tal-laqgħat, il-produzzjoni u t-traduzzjoni tad-dokumenti)
  • li jħejji abbozzi ta' aġendi, rapporti, noti u minuti tal-laqgħat fil-livelli kollha

Fejn meħtieġ, is-SĠK jieħu ħsieb ukoll l-organizzazzjoni prattika ta' laqgħat ta' livell għoli ma' kapijiet ta' stat u ta' gvern jew ambaxxaturi minn pajjiżi li mhumiex parti mill-UE.

Barra minn hekk, is-servizz legali tas-SĠK jagħti opinjonijiet lill-Kunsill u lill-kumitati tiegħu, sabiex jiġi żgurat li l-atti tal-Kunsill ikunu legali u abbozzati sewwa. Huwa jirrappreżenta wkoll lill-Kunsill fi proċeduri ġudizzjarji fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Is-SĠK għandu wkoll għadd ta' responsabbiltajiet speċifiċi ħafna.

Appoġġ għal ċerti kumitati u gruppi ta' ħidma tal-Kunsill 

Korpi preparatorji tal-Kunsill

Il-Kunsill hu megħjun minn iktar minn 150 grupp ta' ħidma u kumitat, magħrufin bħala l-'korpi preparatorji'

Minbarra l-ġestjoni tal-organizzazzjoni prattika tal-laqgħat u t-tħejjija ta' dokumenti tal-laqgħa relatati magħhom, is-SĠK jippresiediwkoll il-kumitati u l-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill li ġejjin:

  • Il-Kumitat tas-Sigurtà u l-oqsma sussidjarji tiegħu (Assigurazzjoni tal-Informazzjoni, Esperti tal-GNSS, Bord ta' Akkreditament ta' Sigurtà)
  • Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Informazzjoni
  • Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Leġislazzjoni Elettronika
  • Il-Kumitat ta' Koordinament għas-Sistemi ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni
  • Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kodifikazzjoni tal-Leġislazzjoni
  • Il-Grupp ta' Ħidma tal-Ġuristi-Lingwisti

Il-Kunsill jipprovdi wkoll is-segretarjat għall-Kumitat tal-Innovazzjoni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (KŻER), iż-żewġ gruppi ta' ħidma tiegħu u l-bord ta' tmexxija tiegħu.

Il-KŻER huwa wieħed mill-korpi preparatorji tal-Kunsill responsabbli għall-għoti ta' appoġġ għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress tal-inizjattiva tal-Unjoni ta' Innovazzjoni tal-UE u l-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Dan hu appoġġat minn żewġ gruppi ta' ħidma ad hoc, imsejħin il-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ipprogrammar Konġunt (GPC) u l-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika Internazzjonali (SFIC).

Is-SĠK hu responsabbli għall-organizzazzjoni loġistika/amministrattiva tal-laqgħat tal-KŻER u għall-abbozzar ta' konklużjonijiet fil-qosor tal-laqgħat.

Reġistru pubbliku online ta' dokumenti awtentiċi tal-identità u tal-ivvjaġġar (Prado)

Is-SĠK hu responsabbli għall-iżvilupp u ż-żamma ta' Prado, sit elettroniku multilingwistiku ddedikat li jagħti informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà tad-dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar mill-UE, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvizzera.

Prado għandu l-għan li jipprovdi informazzjoni preċiża lil setturi speċifiċi bħal:

  • min jimpjega
  • servizzi postali
  • banek, awtoritajiet tal-kreditu
  • kumpanniji li jipprovdu servizzi ta' sigurtà u viġilanza
  • aġenziji għall-kiri ta' vetturi

Arkivji

Is-SĠK hu responsabbli għall-ġestjoni tal-arkivji tal-Kunsill. Il-parti l-kbira tal-fajls huma relatati jew mal-laqgħat tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill, il-laqgħat tal-Coreper, il-laqgħat ta' kumitati u gruppi ta' ħidma oħrajn, jew mat-tħejjija tal-leġislazzjoni tal-UE

Il-Kunsill għandu dipartiment ċentrali tal-arkivji li jiġbor, jipproċessa u jipprovdi aċċess għad-dokumenti prodotti mill-Kunsill jew li l-Kunsill jirċievi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.