Protezzjoni tad-data personali fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

Segretarjat Ġenerali

Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huwa dritt fundamentali stabbilit fit-Trattati tal-UE.

Il-Kunsill tal-UE u s-Segretarjat Ġenerali tiegħu josservaw b'mod strett ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali. L-atti legali li japplikaw għalihom huma:

ir-Regolament 45/2001

L-iskop tar-regolament huwa li jipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-individwi relatati mal-ipproċessar tad-data personali fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

Huwa jiddetermina l-prinċipji u l-obbligi li għandhom josservaw u jissodisfaw l-istituzzjonijiet tal-UE meta jipproċessaw data personali. Skont dawn il-prinċipji, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżguraw li d-data personali:

  • tiġi pproċessata biss għal skopijiet definiti b'mod ċar u leġittimi
  • tkun preċiża, adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva
  • tiġi pproċessata b'mod ġust u legali u b'mod sigur
  • ma tinżammx aktar minn kemm meħtieġ
  • tiġi pproċessata wara li l-individwi jkunu ġew infurmati u jiġu rrispettati d-drittijiet tagħhom
  • ma tiġix trasferita lil partijiet terzi mingħajr il-prekawzjonijiet adegwati.

Huwa jiddefinixxi l-obbligi tal-persuni li jipproċessaw id-data personali (kontrolluri tad-data) u d-drittijiet tal-individwi li qed tiġi pproċessata d-data personali tagħhom (suġġetti tad-data).

Ir-regolament jipprevedi wkoll il-ħatra ta' uffiċjal tal-protezzjoni tad-data (UPD) f'kull istituzzjoni.

Ir-rwol tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

Ir-rwol tal-UPD huwa li jiżgura, b'mod indipendenti, l-applikazzjoni korretta tar-regoli tal-protezzjoni tad-data fl-istituzzjoni tiegħu. Huwa wkoll responsabbli milli jżomm reġistru tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data personali li tagħmel l-istituzzjoni. Barra minn hekk, l-UDP jibgħat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dawk l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data li x'aktar huma ta' riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

Ir-regolament jipprevedi wkoll il-ħatra tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) fil-livell Ewropew.

id-deċiżjoni tal-Kunsill li timplimenta r-regolament 45/2001

Dawn huma r-regoli applikati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jiżviluppaw aktar id-dispożizzjonijiet tar-regolament 45/2001. Huma jistabbilixxu:

  • l-istatus tal-Uffiċjal Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill
  • l-obbligi tal-kontrolluri tad-data
  • il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-eżerċitar tad-drittijiet mis-suġġetti tad-data
  • il-proċedura għall-investigazzjonijiet mill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

X'inhuwa r-reġistru tal-protezzjoni tad-data tal-Kunsill?

Ir-reġistru jinżamm mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill. Huwa reġistru pubbliku li jista' jikkonsultah kulħadd.

Ir-reġistru huwa bażi tad-data li fih informazzjoni dwar kull tip ta' operazzjoni ta' pproċessar ta' data personali li jwettaq il-Kunsill jew is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK).

Din l-informazzjoni tinkludi l-iskop tal-operazzjoni, l-isem tal-kontrollur, il-bażi legali tagħha, is-suġġett tad-data kkonċernat, dawk li ser jirċievu d-data, it-tip ta' data pproċessata u għal kemm żmien ser tinżamm id-data.

Liema data personali tiġi pproċessata fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill?

Ħafna mid-data personali pproċessata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill hija relatata mal-persunal tiegħu.

Id-data personali tiġi pproċessata wkoll fir-rigward tal-attivitajiet tal-Kunsill. Din id-data tista' tkun relatata mad-delegati għall-Kunsill mill-istati membri tal-UE jew minn pajjiżi terzi, ma' ġurnalisti u ma' individwi maħtura permezz ta' atti tal-Kunsill.

Għajr għal dawn l-individwi, ħafna mid-data personali taċ-ċittadini tiġi pproċessata biss meta jkollhom kuntatt mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, pereżempju, jekk jitolbu dokument, iżuru l-binjiet tal-Kunsill jew jikkuntattjaw lis-SĠK.

Sorveljanza bil-vidjo fil-bini tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

Għas-sikurezza u s-sigurtà tal-persunal tagħna, il-viżitaturi, il-bini, l-assi u l-informazzjoni, u għal raġunijiet loġistiċi, xi partijiet tas-SĠK huma mgħammra b'sistema ta' protezzjoni bil-vidjo.

Il-politika tas-SĠK dwar l-użu ta' sistemi bil-vidjo tiddeskrivi s-salvagwardji meħuda biex tiġi protetta d-data personali, il-privatezza u d-drittijiet fundamentali u interessi leġittimi oħra tal-individwi li jidhru fuq il-kameras tal-protezzjoni bil-vidjo fil-bini tas-SĠK.

Il-politika hija kompletament konformi mar-rekwiżiti tar-regolament dwar il-protezzjoni tad-data u mal-linji gwida tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għas-sorveljanza bil-vidjo.

Informazzjoni prattika dwar il-protezzjoni tad-data tiegħek

Kif tista' ssir taf jekk is-SĠK huwiex qed jipproċessa d-data personali tiegħek?

Ir-reġistru tal-Kunsill tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data personali jgħinek issib x'tipi ta' operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data jistgħu japplikaw għalik.

X'inhuma d-drittijiet tiegħek bħala suġġett tad-data?

Bħala suġġett tad-data għandek id-dritt li:

  • tkun infurmat dwar l-eżistenza ta' operazzjoni tal-ipproċessar tad-data li tikkonċernak u l-karatteristiċi ewlenin tagħha
  • tikseb komunikazzjoni tad-data li tkun qed tiġi pproċessata
  • tikseb rettifika mill-kontrollur mingħajr dewmien ta' kull data mhux preċiża jew mhux kompluta

F'ċerti ċirkostanzi tista' titlob lill-kontrollur biex jeżerċita d-drittijiet speċifiċi tiegħek, pereżempju jimblokka jew iħassar data.

It-talbiet jistgħu jintbagħtu permezz ta' formola disponibbli mingħand l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill. Tista' tikseb il-formola tat-talba permezz tal-email. Jekk jogħġbok indika b'liema lingwa tixtieq li tkun il-formola.

Ibgħat email

It-taqsima 5 tad-deċiżjoni tal-Kunsill li timplimenta r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet.

Tista' wkoll tippreżenta lment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe mument. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tal-KEPD.

Kuntatti

Kontrolluri tad-data

Jekk tixtieq aktar informazzjoni dwar operazzjoni partikolari tal-ipproċessar tad-data, għandek tikkuntattja lill-kontrollur tad-data tal-operazzjoni tal-ipproċessar, u tibgħat ukoll kopja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data.

L-identità u d-dettalji tal-kuntatt ta' kull kontrollur tad-data huma indikati fir-reġistru tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data.

Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

Tista' tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għal parir jew biex titlob li tiġi investigata kwistjoni jew sitwazzjoni partikolari relatata direttament mal-kompiti tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. Ikkuntattja lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data permezz tal-email. Jekk jogħġbok indika l-lingwa li tippreferi.

Data Protection Officer
General Secretariat of the Council
Rue de la Loi/Wetstraat 175
B-1048 Bruxelles/Brussel
Belgique/België

Tel: + 32 22816111
Ibgħat email

Sorveljanza bil-vidjo

Tista' tuża din il-formola biex tagħmel it-talba tiegħek.

Għal aċċess għad-data personali tiegħek li tirriżulta mill-użu tal-vidjokamera fil-bini tagħna, jekk jogħġbok indirizza t-talba tiegħek lil:

Director of the Security Office
Rue de la Loi/Wetstraat 175
B-1048 Bruxelles/Brussel
Belgique/België

B'kopja lil:

Data Protection Officer
Rue de la Loi/Wetstraat 175
B-1048 Bruxelles/Brussel
Belgique/België

Jekk jogħġbok innota: Jeħtieġ tehmeż ritratt reċenti tiegħek ta' kwalità tajba kif ukoll kopja tal-karta tal-identità/passaport tiegħek mat-talba tiegħek.