Impjieg mas-Segretarjat Ġenerali

Opportunitajiet ta' impjieg permanenti

Is-Segretarjat Ġenerali (SĠK) jimla l-pożizzjonijiet vakanti prinċipalment billi jirrekluta uffiċjali permanenti minn istituzzjonijiet oħrajn tal-UE jew mil-listi ta' riżerva ta' kandidati li rnexxew f'kompetizzjonijiet miftuħa.

Il-kompetizzjonijiet jiġu organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO). Dawn huma eżamijiet ta' reklutaġġ kompetittivi mfasslin biex jivvalutaw il-ħiliet tal-kandidati permezz ta' sensiela ta' testijiet differenti, li jiżguraw li jintgħażlu biss l-aħjar kandidati. Il-kompetizzjonijiet miftuħa jiġu organizzati għal profili differenti u jistgħu jeħtieġu minnek ħiliet u kwalifiki speċifiċi. Il-kandidati li jirnexxu fil-kompetizzjoni jitqiegħdu f'lista ta' riżerva u li minnha l-istituzzjonijiet tal-UE jimpjegaw in-nies kif u meta jeħtieġu.

Kultant is-SĠK jista' jorganizza kompetizzjoni skont il-ħtiġijiet tiegħu, biex jimla karigi speċjalizzati ħafna. Dawn il-pożizzjonijiet vakanti jiġu ppubblikati kemm f'dan is-sit web, taħt "opportunitajiet attwali ta' impjieg", kif ukoll fis-sit web tal-EPSO.

Jekk int interessat li taħdem magħna, għandek tfittex regolarment fis-sit web tal-EPSO, fejn tista' ssib informazzjoni dwar kompetizzjonijiet futuri u kif tista' tħejji ruħek għalihom.

Opportunitajiet ta' impjieg mhux permanenti

Persunal b'kuntratt

Is-SĠK jimpjega għadd limitat ta' aġenti kuntrattwali, magħżulin minn fost kandidati reġistrati fil-bażi tad-data CAST tal-EPSO jew minn listi ta' riżerva jew bażijiet tad-data miġbura minn istituzzjonijiet oħrajn.

Fit-tfittxija għal persunal kuntrattwali, l-uffiċċju tar-reklutaġġ tas-SĠK jikkuntattja lill-kandidati bi profili li l-aktar jaqblu mal-profil tal-kariga. Għaldaqstant nirrakkomandaw li żżomm is-CV tiegħek aġġornat fil-bażi tad-data li inti tagħmel parti minnha.

Persunal temporanju

Minn żmien għal żmien, is-SĠK jorganizza proċeduri tal-għażla għal aġenti temporanji. Dan isir prinċipalmentbiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti għal profili speċjalizzati ħafna li f'dak iż-żmien ma jkunux disponibbli fil-listi ta' riżerva tal-EPSO. Kwalunkwe proċedura għall-għażla ta' aġenti temporanji tiġi rreklamata fuq dan is-sit web, taħt opportunitajiet ta' impjieg, kif ukoll fuq is-sit web tal-EPSO.

Applikazzjonijiet spontanji

Il-kuntatti kollha mal-kandidati jiġu ttrattati mill-Uffiċċju tar-Reklutaġġ tas-SĠK. Minħabba l-politika tar-reklutaġġ u tal-għażla, l-uffiċċju tar-reklutaġġ ma jistax jittratta applikazzjonijiet spontanji, saħansitra minn kandidati li rnexxew f'kompetizzjoni.

F'konformità mar-regoli tas-SĠK dwar il-protezzjoni tad-data, l-applikazzjonijiet kollha mhux issolleċitati jitħassru mhux iktar tard minn sitt xhur wara li jaslu. L-applikazzjonijiet mhux issolleċitati jirċievu tweġiba awtomatika b'informazzjoni ġenerali dwar ir-reklutaġġ fis-SĠK.

Ikkuntattja lill-Uffiċċju tar-Reklutaġġ tas-SĠK

Proċedura għal ilmenti

Aħna nistinkaw biex noffru l-ogħla standards ta’ servizz.

Madankollu, jekk inti taħseb li kont soġġett għal amministrazzjoni ħażina, għandek dritt tressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew. Nixtiequ ngħarrfuk li qabel ma l-Ombudsman ikun jista’ jaċċetta l-ilment tiegħek, jenħtieġ li l-ewwel tindirizza l-preokkupazzjonijiet tiegħek lilna.

Pożizzjonijiet permanenti Pożizzjonijiet mhux permanenti
Għal proċeduri tal-għażla għal pożizzjonijiet permanenti, ikkuntattjana billi tuża dan l-email. Għal proċeduri ta’ għażla għal pożizzjonijiet mhux permanenti, uża dan l-indirizz elettroniku.