Traineeships fis-Segretarjat Ġenerali

Segretarjat Ġenerali

Kuntatt

Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntattja lill-uffiċċju tat-traineeships:

Tipi differenti ta' traineeship

1. Traineeships bi ħlas

Is-SĠK joffri madwar 100 traineeship bi ħlas kull sena lil ċittadini tal-UE li, sad-data ta' meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, ikunu temmew tal-inqas l-ewwel parti tal-istudji universitarji tagħhom u jkollhom ċertifikat ta' lawrja jew l-ekwivalenti.

It-traineeships jinqasmu f'żewġ perjodi differenti, ta' ħames xhur kull wieħed:

  • mill-1 ta' Frar sat-30 ta' Ġunju (l-ewwel perjodu)
  • mill-1 ta' Settembru sal-31 ta' Jannar (it-tieni perjodu)

2. Traineeships obbligatorji mingħajr ħlas

Is-SĠK joffri madwar 20 traineeship mingħajr ħlas kull sena. Dawn it-traineeships huma għall-istudenti universitarji tat-tielet, ir-raba' jew il-ħames sena li jridu jagħmlu perjodu ta' taħriġ obbligatorju bħala parti mill-kors tagħhom.

It-traineeships jinqasmu f'żewġ perjodi differenti, ta' bejn xahar u 5 xhur kull wieħed:

  • mill-1 ta' Frar sat-30 ta' Ġunju
  • mill-1 ta' Settembru sal-31 ta' Jannar

3. Traineeships għal uffiċjali nazzjonali

Dan il-programm hu maħsub għal uffiċjali minn ministeri, aġenziji tal-gvern jew reġjonali u l-korpi diplomatiċi tal-istati membri tal-UE jew ta' pajjiż kandidat.

L-uffiċjali nazzjonali li jagħmlu traineeship mas-SĠK huma impjegati u mħallsa mill-amministrazzjoni nazzjonali tagħhom.

Min jista' japplika?

Ċittadinanza

It-traineeships tas-SĠK huma miftuħin għal:

  • ċittadini tal-UE
  • ċittadini minn pajjiżi kandidati li jkunu kkonkludew negozjati dwar l-adeżjoni mal-UE

Għat-traineeships imħallsa, l-applikanti jkunu jridu ggradwaw reċentement minn università jew minn istituzzjoni ekwivalenti tal-edukazzjoni għolja u jkollhom ċertifikat ta’ lawrja jew l-ekwivalenti.

Lingwi

Peress li l-Franċiż u l-Ingliż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni interna fis-SĠK, huma meħtieġa għarfien tajjeb tal-Franċiż jew tal-Ingliż u l-kapaċità ta' komunikazzjoni b’waħda minn dawn il-lingwi.

Profili

Attwalment, il-maġġoranza tal-applikazzjonijiet jiġu minn kandidati bi kwalifiki fil-liġi, ix-xjenza politika, ir-relazzjonijiet internazzjonali, studji dwar l-UE u l-ekonomija.

Is-SĠK qiegħed ukoll ifittex trainees bi kwalifiki f'oqsma oħrajn, bħal:

it-traduzzjoni, ir-riżorsi umani, il-komunikazzjoni, l-istudji edukattivi, l-informatika, id-disinn grafiku, il-multimedja, it-teknoloġija agrikola, l-inġinerija bijokimika, is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel, il-ġestjoni tal-enerġija, l-ambjent, l-inġinerija aerospazjali.

Min ma jistax japplika?

L-applikazzjonijiet minn persuni li jkunu diġà ħadu aktar minn 8 ġimgħat taħriġ fis-servizz (imħallas jew mhux) fi kwalunkwe istituzzjoni jew korp tal-UE ma jiġux aċċettati.

Proċedura għal ilmenti

Aħna nistinkaw biex noffru l-ogħla standards ta’ servizz.

Madankollu, jekk taħseb li kont soġġett għal amministrazzjoni ħażina, għandek dritt tressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew. Ħu nota li qabel ma l-Ombudsman ikun jista’ jaċċetta l-ilment tiegħek, jeħtieġ li l-ewwel tressaq il-preokkupazzjonijiet tiegħek quddiem l-Uffiċċju tat-Traineeships.

Tista’ tikkuntattjana bl-email.