Traineeships - mistoqsijiet frekwenti

Segretarjat Ġenerali

Traineeships

Jista' jkolli traineeship fis-sajf?
Le. Ma jsirux traineeships f’Lulju u f’Awwissu.

Jiġu kkunsidrati applikazzjonijiet spontanji?
Le. Kull applikazzjoni għal post fi traineeship għandha ssegwi l-proċedura deskritta fuq is-sit web.

Min jista' japplika

Għadni ma rċevejtx il-Baċellerat tiegħi. Nista’ napplika għal traineeship bi ħlas?
Tista’ tapplika, jekk id-data fuq iċ-ċertifikat tal-lawrja tal-Baċellerat tiegħek tkun qabel id-data tal-iffirmar tal-ftehim ta' traineeship.

Nista’ napplika kemm għat-traineeship bi ħlas kif ukoll dik obbligatorja?
Iva. Tista’ tapplika kemm għat-traineeship bi ħlas kif ukoll dik obbligatorja kemm-il darba tissodisfa ż-żewġ kriterji tal-eliġibbiltà (pereżempju jekk tkun student fil-livell ta’ Masters u diġà għandek lawrja tal-BA u tkun meħtieġ tagħmel traineeship bħala parti mill-istudji tiegħek fil-livell ta’ Masters).

Nista’ napplika għal traineeship f’aktar minn istituzzjoni waħda tal-UE fl-istess waqt?
Tista’ tapplika għal traineeship f’aktar minn istituzzjoni waħda tal-UE fl-istess waqt, kemm-il darba tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà.

Wara r-riżultat tar-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016 fir-Renju Unit, it-traineeships bi ħlas għall-2018 għadhom miftuħin għal ċittadini tar-Renju Unit?
Iċ-ċittadini tar-Renju Unit jibqgħu eliġibbli u jistgħu japplikaw għal traineeships fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Skont it-Trattati li r-Renju Unit irratifika, il-liġi tal-UE tkompli tapplika bis-sħiħ għar-Renju Unit u ġewwa r-Renju Unit.

Proċedura tal-għażla

Kif jintgħażlu t-trainees?
It-trainees jintgħażlu abbażi tal-mertu skont l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni.

Il-kandidati tista’ ssirilhom intervista telefonika jew online. F’dak il-każ, l-uffiċċju tat-traineeships jagħmel kuntatt minn qabel mal-kandidati biex jiġi miftiehem ħin adegwat. Fil-każ li jkun hemm parità fil-mertu bejn il-kandidati, l-uffiċċju tat-traineeships jagħmel l-almu tiegħu biex jiżgura bilanċ tajjeb kemm ġeografiku (jiġifieri li jkun rappreżentat l-akbar għadd possibbli ta’ nazzjonalitajiet) kif ukoll bejn is-sessi (bil-mira li 40% jkunu mis-sess sottorappreżentat) tat-trainees magħżula. L-applikazzjonijiet jinflew u jitqabblu mal-profil imfittex mid-dipartimenti differenti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Wara l-għażla

Għandi nipprovdi traduzzjoni tad-dokumenti ta' xhieda?
Le. Id-dokumenti ta' xhieda huma aċċettati bil-lingwi kollha tal-UE. Ikun ta’ għajnuna li tipprovdi wkoll il-verżjoni bl-Ingliż jew bil-Franċiż tad-diplomi, jekk din tkun disponibbli.

Jinħtieġ li l-kopji tad-dokumenti ta' xhieda jiġu ċċertifikati bħala kopji awtentiċi tal-oriġinali?
Le. Jinħtieġ li d-dokumenti ta' xhieda jintbagħtu bl-email. M’għandekx għalfejn tipprovdi kopji ċċertifikati. Hekk kif jaslu, it-trainees jintalbu jippreżentaw il-verżjoni oriġinali tad-dokumenti ta' xhieda.

Matul it-traineeship

Inkun intitolat għal leave annwali?
Għal kull xahar li taħdem, inti intitolat għal jumejn leave, minbarra l-btajjel pubbliċi u l-jiem li fihom ma jiftħux l-uffiċċji tal-Kunsill.

L-assigurazzjoni medika hija obbligatorja. Il-karta Ewropea tal-assigurazzjoni medika għal pajjiżi hija biżżejjed?
Iva. Naċċettaw il-kopja tal-karta Ewropea tal-assigurazzjoni medika tiegħek bħala xhieda. Ir-responsabbiltà li tivverifika l-kopertura li din toffri taqa’ fuqek.

Fin-nuqqas ta’ kopertura oħra (pereżempju l-karta Ewropea tal-assigurazzjoni medika), it-trainees jistgħu jagħżlu assigurazzjoni medika permezz tal-Kunsill. F’dan il-każ, it-trainees bi ħlas iħallsu bejn wieħed u ieħor €13-il fix-xahar, li jikkorrispondi għal terz tal-primjum, u l-Kunsill iħallas iż-żewġ terzi l-oħra. Għat-trainees fuq bażi obbligatorja, il-Kunsill iġarrab l-ispiża tal-primjum kollu tal-assigurazzjoni.

It-trainees huma assigurati?
It-trainees kollha huma assigurati kontra l-inċidenti.

Aspetti finanzjarji

L-għotja kemm hi?
Bħalissa l-għotja hija ta’ €1159,44 netti fix-xahar.

L-ispiża biex nivvjaġġa mill-post fejn nirrisjedi għal Brussell tiġi koperta mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea?
It-trainees jirċievu konċessjoni għall-ivvjaġġar bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom.

It-trainees li jiġu reklutati minn post li jkun imbiegħed aktar minn 50 km minn Brussell huma intitolati għal kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar fil-bidu u fit-tmiem tat-traineeship. Din il-konċessjoni tinħadem b’metodu bbażat fuq id-distanza ġeografika bejn Brussell u l-indirizz indikat fil-formola tal-applikazzjoni (0–500 km: €0,30 kull km, 501-1500 km: €0,20 kull km, aktar minn 1500 km: €0,10 kull km u rduppjat, sa limitu massimu ta’ €800. Ma jingħatawx konċessjonijiet għal distanzi iqsar minn 50 km minn Brussell). Sabiex tkun intitolat, trid tlesti mill-inqas nofs il-perjodu tat-traineeship tiegħek. Ma tintlaqa’ l-ebda talba għal bidla fl-indirizz wara li l-ftehim tat-traineeship jiġi ffirmat mill-Kunsill.