Kif tapplika għal traineeship

Segretarjat Ġenerali

L-applikazzjonijiet għat-traineeships fl-2018 - l-ewwel perjodu issa huma magħluqa. Xorta jista' jkollok aċċess għal applikazzjoni tiegħek.

1. Traineeships bi ħlas

L-applikazzjonijiet għall-ewwel perjodu ta' traineeships fl-2018 issa huma magħluqa. Tista' tapplika għat-tieni perjodu ta' traineeships fl-2018 meta jiftħu l-applikazzjonijiet. L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu permezz tas-sistema online.

  • applika bejn il-15 ta’ Jannar (12:00 nofsinhar)u l-15 ta’ Marzu (12:00 nofsinhar) 2018 għat-tieni perjodu ta’ traineeship (bejn l-1 ta’ Settembru 2018 u l-31 ta’ Jannar 2019)

L-indirizz fil-profil tiegħek

Il-korrispondenza kollha tintbagħat lill-indirizz mogħti fil-profil elettroniku tiegħek. Jekk jogħġbok ħu ħsieb li taġġorna l-profil tiegħek jekk l-indirizz tiegħek jinbidel. Dan l-indirizz ser jintuża kemm fl-offerta ta' traineeship kif ukoll għall-ipproċessar amministrattiv tal-fajl tiegħek, u ser jitqies bħala l-post fejn tkun ġejt reklutat.

Emails mingħand l-uffiċċju tat-traineeships spiss jispiċċaw fil-folder tal-ispam tal-Gmail, il-Hotmail u diversi tipi oħra ta’ kontijiet tal-posta elettronika. Jekk jogħġbok iċċekkja l-folder tal-ispam tiegħek regolarment għal messaġġi li jkunu daħlu mill-“bureau de stages” (stages@consilium.europa.eu). Barra minn hekk, jekk jogħġbok ara li tipprovdi numru tat-telefon fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek, sabiex inkunu nistgħu nikkuntattjawk jekk ikun meħtieġ.

Proċedura tal-għażla

Il-kandidati magħżulin għall-ewwel perjodu ser jiġu kkuntattjati mhux aktar tard minn Diċembru, il-kandidati magħżulin għat-tieni perjodu ser jiġu kkuntattjati mhux aktar tard minn Mejju.

Kandidati li jintgħażlu

Jekk tintgħażel, inti tintalab tagħti d-dokumenti ta’ prova li ġejjin:

  • kopja li tista' tinqara tal-passaport jew il-karta tal-identità tiegħek
  • kopja tad-diplomi jew iċ-ċertifikati uffiċjali tiegħek
  • fejn meħtieġ, prova tal-esperjenza professjonali tiegħek, u prova jew dikjarazzjoni sostanzjata tal-għarfien tiegħek tal-lingwi msemmija fil-formola tal-applikazzjoni.

Kull dokument mhux obbligatorju ieħor li jakkumpanja l-applikazzjoni tiegħek għal traineeship, bħal referenzi, jista' jintbagat flimkien mad-dokumenti ta’ prova.

M'hemmx bżonn li tibgħat id-dokumenti ta' prova meta titfa’ l-applikazzjoni tiegħek online. Tintalab tipprovdihom jekk tiġi offrut traineeship. Ma tiġix aċċettat jekk ma tipprovdix il-fajl sħiħ. Tkun trid tagħti prova tal-informazzjoni kollha fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek (edukazzjoni, esperjenza professjonali, għarfien tal-lingwi). Għalhekk fil-formola tal-applikazzjoni għandek tinkludi biss informazzjoni li għaliha għandek dokumenti ta' prova.

Żomm kopja tad-dokumenti kollha li tibgħat lill-uffiċċju tat-traineeships. Jekk jogħġbok tibgħatx id-dokumenti oriġinali taċ-ċertifikati tal-lawrja.

Il-kandidati magħżulin jirċievu offerta bl-email li tgħid il-perjodu tat-traineeship tagħhom u d-dipartiment fejn ser ikunu qed jaħdmu. Wara li jaċċettaw l-offerta, l-Uffiċċju tat-Traineeships jibgħatilhom ftehim ta’ traineeship.

Kandidati li ma jintgħażlux

Is-SĠK jirċievi madwar 4,000 applikazzjoni fis-sena għat-traineeships bi ħlas. Sfortunatament, hemm biss 100 post disponibbli.

Kandidati li ma jintgħażlux ser jiġu infurmati bl-email jew fil-kont tagħhom tal-EPSO fl-aħħar ta’ Jannar 2018 (għal traineeships li jibdew fi Frar) u fl-aħħar ta’ Ġunju 2018 (għal traineeships li jibdew f’Settembru).

Jekk ma tintgħażilx tista’ terġa' tapplika matul il-perjodu ta' reklutaġġ li jmiss.

2. Traineeships obbligatorji mingħajr ħlas

Dawn it-traineeships huma għal studenti universitarji tat-tielet, ir-raba' jew il-ħames sena li jridu jagħmlu perjodu ta' taħriġ obbligatorju bħala parti mill-istudji tagħhom. Jistgħu japplikaw ukoll studenti li huma meħtieġa jagħmlu riċerka għal teżi jew dottorat.

L-applikazzjonijiet għal traineeships obbligatorji għandhom jiġu ppreżentati skont l-iskeda ta' hawn taħt:

  • Traineeship mill-1 ta' Frar sat-30 ta' Ġunju: id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-1 ta' Ottubru tas-sena ta' qabel; il-proċedura tal-għażla ssir bejn Ottubru u Diċembru
  • Traineeship mill-1 ta' Settembru sal-31 ta' Jannar: id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-1 ta' April tal-istess sena; il-proċedura tal-għażla ssir bejn April u Ġunju

Jekk tintgħażel, jiġi ffirmat miegħek ftehim għal traineeship. L-ebda ftehim ieħor jew konvenzjoni oħra (eż. mal-università tiegħek) mhu ser jiġi ffirmat.

Applikazzjoni

Applikazzjonijiet għal traineeships obbligatorji mingħajr ħlas għandhom jintbagħtu bl-email u għandhom jinkludu:

  • formola ta' applikazzjoni kompluta,
  • ċertifikat uffiċjali mill-istabbiliment edukattiv tiegħek li jiċċertifika li inti meħtieġ twettaq traineeship bħala parti mill-istudji tiegħek jew għal aċċess għal professjoni, jew li inti meħtieġ tagħmel riċerka għal teżi jew dottorat.

M'hemmx għalfejn jintbagħtu dokumenti ta’ prova mal-formola tal-applikazzjoni. Inti tintalab tipprovdihom jekk tiġi offrut traineeship. Ma tiġix aċċettat jekk ma tipprovdix il-fajl komplut. Jekk tintgħażel tkun trid tagħti prova tal-informazzjoni kollha fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek (jiġifieri edukazzjoni, esperjenza professjonali, għarfien tal-lingwi). Għalhekk fil-formola tal-applikazzjoni għandek tinkludi biss informazzjoni li għaliha għandek dokumenti ta' prova. Fil-fajl tiegħek tista' tinkludi wkoll dokumenti ġustifikattivi fakultattivi, pereżempju referenzi.

Formola ta' applikazzjoni għal traineeships obbligatorji mingħajr ħlas.

Għandek tibgħat l-applikazzjoni kompluta tiegħek bl-email flimkien mal-formola tal-applikazzjoni u ċ-ċertifikat mill-università tiegħek f’format PDF:
Ibgħat l-applikazzjoni

L-indirizz fil-profil tiegħek

Il-korrispondenza kollha tintbagħat fl-indirizz indikat fil-formola tal-applikazzjoni. Jekk jogħġbok ħu ħsieb li tavża lill-uffiċċju tat-traineeships bl-email jekk l-indirizz tiegħek jinbidel. Dan l-indirizz ser jintuża kemm fl-offerta ta' traineeship kif ukoll għall-ipproċessar amministrattiv tal-fajl tiegħek, u ser jitqies bħala l-post fejn tkun ġejt reklutat.

Kandidati li jintgħażlu

Jekk tintgħażel, tirċievi offerta bl-email li tindika l-perjodu tat-traineeship tiegħek u d-dipartiment fejn tkun ser taħdem. Ser tintalab tipprovdi d-dokumenti li ġejjin biex tagħti prova tal-informazzjoni fil-formola tal-applikazzjoni:

  • kopja li tista' tinqara tal-passaport jew il-karta tal-identità tiegħek,
  • kopja tad-diplomi jew iċ-ċertifikati uffiċjali tiegħek (fejn meħtieġ),
  • prova tal-esperjenza professjonali tiegħek (fejn meħtieġ),
  • prova jew dikjarazzjoni sostanzjata tal-għarfien tiegħek tal-lingwi indikati fil-formola tal-applikazzjoni.

Żomm kopja tad-dokumenti kollha li tibgħat lill-Uffiċċju tat-Traineeships. Jekk jogħġbok tibgħatx id-dokumenti oriġinali taċ-ċertifikati tal-lawrja.

Wara verifika tad-dokumenti ta’ prova, l-Uffiċċju tat-Traineeships jibgħatlek ftehim ta’ traineeship għall-iffirmar. L-ebda ftehim ieħor jew konvenzjoni oħra (eż. mal-università tiegħek) mhu ser jiġi ffirmat.

Kandidati li ma jintgħażlux

Jekk ma tintgħażilx tiġi infurmat bl-email wara li tintemm il-proċedura tal-għażla. Tista' terġa' tapplika matul il-perjodu ta' applikazzjoni li jkun imiss.

3. Traineeships għal studenti ta’ skejjel nazzjonali tal-amministrazzjoni

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu lid-direttur tar-riżorsi umani tal-Kunsill mill-iskola nazzjonali tal-amministrazzjoni tal-kandidati.

Ikkuntattja lill-uffiċċju tat-traineeships għal aktar informazzjoni.

Kuntatt

Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntattja lill-uffiċċju tat-traineeships: