L-istorja

Skopri aktar dwar l-avvenimenti u t-trattati li stabbilixxew r-rwoli tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Grupp tal-Euro u s-Summit taż-Żona tal-Euro.

1997

It-13 ta' Diċembru

Il-ħolqien tal-Grupp tal-Euro

Il-Kunsill Ewropew japprova l-ħolqien tal-Grupp tal-Euro, korp informali li jlaqqa' l-ministri tal-finanzi tal-pajjiżi li l-munita tagħhom hija l-euro. L-ewwel laqgħa tal-Grupp tal-Euro ssir fl-4 ta' Ġunju 1998 fix-Chateau de Senningen fil-Lussemburgu.

1999

L-1 ta' Jannar

Titwieled l-euro bħala munita virtwali

Tiġi introdotta fi 11-il Stat Membru: l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja.

2001

L-1 ta' Jannar

Il-Greċja tissieħeb fiż-żona tal-euro

Il-Greċja ssir it-12-il stat membru tal-UE li jissieħeb fiż-żona tal-euro.

2002

L-1 ta' Jannar

L-euro jidħol fiċ-ċirkolazzjoni

Fl-1 ta' Jannar 2002 l-euro jibda jiċċirkola bħala karti tal-flus u muniti, minflok il-muniti nazzjonali.

2003

L-1 ta' Frar

It-Trattat ta' Nizza

It-Trattat ta' Nizza jintroduċi r-riforma tal-istituzzjonijiet tal-UE, bi tħejjija għall-UE mkabbra futura ta' 27 stat membru. Il-Kunsill huwa riformat biex jiġi estiż l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata, u biex jiġi introdott il-prinċipju ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-istati membri.

2004

10 ta’ Settembru

L-ewwel President permanenti tal-Grupp tal-Euro

Il-Grupp tal-Euro jiddeċiedi li jkollu president permanenti, maħtur għal perjodu ta’ sentejn.

F’laqgħa informali tal-Ecofin f’Scheveningen, Jean-Claude Juncker ġie elett bħala l-ewwel President permanenti tal-Grupp tal-Euro. Il-mandat tiegħu jdum mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2006.

2006

Settembru

Jean-Claude Juncker jinħatar mill-ġdid President tal-Grupp tal-Euro

Huwa jiġi elett bħala President tal-Grupp tal-Euro għal tieni mandat.

2007

1 ta' Jannar

Is-Slovenja tissieħeb maż-żona tal-euro

Is-Slovenja ssir it-13-il stat membru tal-UE li adotta l-euro bħala l-munita tiegħu.

2008

L-1 ta' Jannar

Ċipru u Malta jidħlu fiż-żona tal-euro

Issa hemm 15-il membru taż-żona tal-euro.

12 ta' Ottubru

Jitwieled is-Summit taż-Żona tal-Euro 

Il-President Franċiż, Nicolas Sarkozy, jipproponi laqgħa regolari tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern taż-żona tal-euro. L-ewwel laqgħa ssir fit-12 ta' Ottubru 2008. Isiru summits sussegwenti f'Mejju 2010, Marzu 2011, Lulju 2011, u Ottubru 2011 fi Brussell.

Il-laqgħat tas-Summit taż-Żona tal-Euro jgħinu biex tiġi kkoordinata l-politika ekonomika taż-żona tal-euro u jattendu għalihom ukoll il-President tas-Summit taż-Żona tal-Euro u l-President tal-Kummissjoni Ewropea. 

2009

L-1 ta' Jannar

Is-Slovakkja tissieħeb fiż-żona tal-euro

Is-Slovakkja ssir is-16-il membru taż-żona tal-euro.

L-1 ta' Diċembru

Il-Protokoll 14 għat-Trattat ta' Lisbona

Il-Protokoll 14 għat-Trattat ta’ Lisbona jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, billi jistabbilixxi r-rwol tal-Grupp tal-Euro. Il-ministri tal-istati membri li l-munita tagħhom hija l-euro ser jiltaqgħu b’mod informali biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-munita unika u huma ser jeleġġu president għal sentejn u nofs.

It-Trattat ta’ Lisbona jemenda wkoll ir-regoli tal-Kunsill tal-UE sabiex meta l-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (Ecofin) jivvota kollu kemm hu dwar kwistjonijiet li jaffettwaw biss iż-żona tal-euro, il-membri tal-Grupp tal-Euro biss jitħallew jivvotaw.

2011

L-1 ta' Jannar

L-Estonja tissieħeb fiż-żona tal-euro

L-Estonja ssir is-17-il pajjiż li ssieħeb fiż-żona tal-euro.

2012

Jannar

Elezzjoni tal-President tal-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro

Minn Jannar 2012, fil-kariga ta' President tal-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro kien hemm Thomas Wieser, li huwa wkoll il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Il-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro huwa korp preparatorju li jgħaqqad flimkien lir-rappreżentanti tal-istati membri taż-żona tal-euro tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew.   

2013

21 ta' Jannar

Elezzjoni tal-President tal-Grupp tal-Euro

Jeroen Dijsselbloem, Ministru tal-Finanzi Olandiż, jiġi elett President tal-Grupp tal-Euro. Huwa b'hekk it-tieni President permanenti tal-Grupp tal-Euro fl-istorja tal-Grupp tal-Euro.

2014

L-1 ta' Jannar

Il-Latvja tissieħeb maż-żona tal-euro

Il-Latvja ssir it-18-il membru taż-żona tal-euro.

2015

L-1 ta' Jannar

Il-Litwanja tissieħeb fiż-żona tal-euro

Iż-żona tal-euro issa għandha 19-il membru: l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja.

13 ta' Lulju

Jeroen Dijsselbloem elett bħala president tal-Grupp tal-Euro għat-tieni mandat

Jeroen Dijsselbloem maħtur mill-ġdid President tal-Grupp tal-Euro għat-tieni mandat ta' sentejn u nofs.