L-istorja

Skopri aktar dwar l-avvenimenti u t-trattati li stabbilixxew r-rwoli tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Grupp tal-Euro u s-Summit taż-Żona tal-Euro.

1951

It-Trattat ta' Pariġi

It-Trattat ta' Pariġi jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) li toħloq suq komuni għall-faħam u l-azzar. Dan inaqqas l-isfiduċja u t-tensjonijiet bejn pajjiżi ġirien Ewropej wara t-Tieni Gwerra Dinjija. It-Trattat dwar il-KEFA, li skada fl-2002, huwa l-ewwel trattat fundatur tal-Komunità Ewropea.

1952

8 ta’ Settembru

L-ewwel laqgħa tal-Kunsill Speċjali tal-Ministri tal-KEFA

Issir fil-Lussemburgu l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Speċjali tal-Ministri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li eventwalment sar il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

1958

L-1 ta' Jannar

It-Trattati ta' Ruma

It-Trattati ta' Ruma jistabbilixxu l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). Issir l-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-KEE fil-25 ta' Jannar 1958 b'Victor Larock, il-Ministru Belġjan għall-Affarijiet Barranin bħala president.

1960

Mejju

Il-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura

Jinħoloq il-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura (KSA) biex iħejji l-aspetti tekniċi tal-Politika Agrikola Komuni. Il-Kunsill tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tal-KEE jinqasam fil-Coreper I (Deputati) u l-Coreper II (Ambaxxaturi). Il-Coreper I u II għadhom jeżistu sal-lum u huma responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Kunsill tal-UE.

1965

L-1 ta' Lulju

Il-kriżi tas-"siġġu vojt"

Fl-1965 Franza tħabbar li mhix ser tattendi l-laqgħat tal-Kunsill minħabba li ma taqbilx man-negozjati dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni. Il-kriżi tissolva aktar tard permezz tal-kompromess tal-Lussemburgu tal-1966, li jimplimenta l-votazzjoni b'unanimità meta jkunu involuti interessi kbar.

1967

8 ta’ April

It-Trattati li Jgħaqqdu

Dawn iż-żewġ trattati (1967 u 1971) jintroduċu Kunsill uniku, Kummissjoni unika u baġit uniku għat-tliet Komunitajiet (KEFA, Euratom u KEE). Il-Coreper huwa formalizzat bħala korp preparatorju tal-Kunsill.

1973

L-1 ta' Jannar

L-ewwel tkabbir

Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej, b'hekk l-għadd ta' Stati Membri jitla' għal disgħa.

1975

11 ta’ Marzu

L-ewwel laqgħa tal-Kunsill Ewropew

Il-Kunsill Ewropew il-ġdid jiltaqa' għall-ewwel darba f'Marzu 1975 f'Dublin.

1981

L-1 ta' Jannar

Il-Greċja tissieħeb fl-UE

L-għadd ta' membri tal-UE jilħaq ċifri doppji meta tissieħeb il-Greċja.

1985

14 ta' Ġunju

Il-Ftehim ta’ Schengen

Jiġi ffirmat il-Ftehim ta’ Schengen dwar it-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri mill-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands f'Schengen (il-Lussemburgu).

Il-Ftehim ta’ Schengen b'mod gradwali ser jippermetti li n-nies jivvjaġġaw mingħajr ma jiġu ċċekkjati l-passaporti tagħhom fuq il-fruntieri interni. L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen tibda aktar tard, fl-1995.

1986

L-1 ta' Jannar

Spanja u l-Portugall isiru membri tal-UE

Spanja u l-Portugall jissieħbu fl-UE, u jtellgħu l-għadd ta' membri tal-Komunitajiet Ewropej għal 12.

1987

L-1 ta' Lulju

L-Att Uniku Ewropew

L-Att Uniku Ewropew (SEA) jistabbilixxi s-suq intern, li jipprevedi l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital. Huwa jniedi l-kooperazzjoni dwar politika barranija u jestendi l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-Kunsill.

L-Att Uniku Ewropew jagħti wkoll bażi legali lill-Kunsill Ewropew, b'hekk jifformalizza l-laqgħat tal-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern.

1992

11 ta' Diċembru

Sessjonijiet pubbliċi

Il-Kunsill Ewropew ta' Edinburgu tal-1992 iniedi d-dibattiti pubbliċi, u din il-prattika ġiet estiża b'mod sostanzjali matul is-snin, l-aktar reċentement bit-Trattat ta' Lisbona.

Illum id-dibattiti pubbliċi u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill jistgħu jiġu segwiti fuq is-sit web.

1993

L-1 ta' Novembru

It-Trattat ta’ Maastricht

Jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Maastricht, li joħloq l-Unjoni Ewropea bbażata fuq pilastru 'Komunitarju' estiż. Dan joħloq l-unjoni ekonomika u monetarja u jistabbilixxi żewġ pilastri ġodda: il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni (ĠAI).

Il-Kunsill Ewropew jikseb status formali fit-Trattat ta’ Maastricht. Huwa definit bħala dak li jagħti l-impetu u linji gwida politiċi ġenerali għall-iżvilupp tal-UE. 

It-Trattat ta' Maastricht jibda wkoll il-mixja lejn l-euro u jniedi l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK). 

1995

L-1 ta' Jannar

Ir-raba' tkabbir tal-UE

L-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja jissieħbu fl-UE. Il-15-il membru issa jkopru kważi l-Ewropa tal-Punent kollha.

1997

It-13 ta' Diċembru

Il-ħolqien tal-Grupp tal-Euro

Il-Kunsill Ewropew japprova l-ħolqien tal-Grupp tal-Euro, korp informali li jlaqqa' l-ministri tal-finanzi tal-pajjiżi li l-munita tagħhom hija l-euro. L-ewwel laqgħa tal-Grupp tal-Euro ssir fl-4 ta' Ġunju 1998 fix-Chateau de Senningen fil-Lussemburgu.

1999

L-1 ta' Mejju

It-Trattat ta' Amsterdam

It-Trattat ta' Amsterdam jistabbilixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u jintegra l-Ftehim ta’ Schengen fil-liġi tal-UE. It-trattat jimmodifika r-rwol tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li jsir ukoll ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni.

2002

L-1 ta' Jannar

L-euro jidħol fiċ-ċirkolazzjoni

Fl-1 ta' Jannar 2002 l-euro jibda jiċċirkola bħala karti tal-flus u muniti, minflok il-muniti nazzjonali.

2003

L-1 ta' Frar

It-Trattat ta' Nizza

It-Trattat ta' Nizza jintroduċi r-riforma tal-istituzzjonijiet tal-UE, bi tħejjija għall-UE mkabbra futura ta' 27 stat membru. Il-Kunsill huwa riformat biex jiġi estiż l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata, u biex jiġi introdott il-prinċipju ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-istati membri.

2004

L-1 ta' Mejju

L-akbar tkabbir tal-UE

Għaxar pajjiżi ġodda ngħaqdu mal-UE flimkien: ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja. Dan huwa l-akbar tkabbir waħdieni tal-UE f'termini ta' nies u numru ta' pajjiżi.

Issa hemm 25 stat membru tal-UE.

2007

L-1 ta' Jannar

Il-Bulgarija u r-Rumanija jissieħbu fl-UE

Il-Bulgarija u r-Rumanija jsiru Membri tal-UE, biex b'hekk l-għadd ta' stati membri jitla' għal 27.

2009

L-1 ta' Diċembru

It-Trattat ta' Lisbona

Jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, li jirriforma l-istruttura tal-UE u l-mod kif tiffunzjona.

Huwa jestendi l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

Il-Kunsill Ewropew isir istituzzjoni fiha nfisha li għandha l-President tagħha stess. Qabel, il-Kunsill Ewropew kien korp informali u l-kariga ta' kap tal-Kunsill Ewropew kienet pożizzjoni mhux uffiċjali. Ir-rwol kien jittieħed mill-kap ta' stat jew ta' gvern tal-istat membru li jkollu l-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE. 

2012

10 ta' Diċembru

L-UE tirċievi l-Premju Nobel għall-Paċi

L-UE tirċievi l-Premju Nobel għall-Paċi tal-2012 għall-avvanzi li għamlet fil-kawżi tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa.

Waqt l-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi lill-UE, il-Kumitat Norveġiż tal-Premju Nobel jgħid li d-deċiżjoni tiegħu hija bbażata fuq ir-rwol ta' stabbilizzazzjoni li kellha l-UE fit-trasformazzjoni tal-parti l-kbira tal-Ewropa minn kontinent fi gwerra għal kontinent ta' paċi.

2013

L-1 ta' Lulju

Il-Kroazja tissieħeb fl-Unjoni Ewropea

Il-Kroazja ssir it-tieni pajjiż mill-eks-Jugoslavja li jissieħeb fl-UE, wara s-Slovenja. 

L-UE issa għandha 28 stat membru.