Kunsill Ambjent, 13/10/2017

Kunsill tal-UE

Riżultati ewlenin

Setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS: Kondiviżjoni tal-isforzi u l-LULUCF

Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjonijiet ta' negozjar tiegħu dwar ir-regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi u r-regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF). Dawn l-atti leġislattivi ser inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra f'setturi li ma jaqgħux fl-ambitu tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (UE ETS).

Dawn il-leġislazzjonijiet ser jippermettu lill-UE tqarreb aktar lejn il-kisba tal-għan ġenerali tagħha li jitnaqqsu l-emissjonijiet b’mill-inqas 40% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u b’hekk tissodisfa l-impenji tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Is-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS ser jikkontribwixxu speċifikament għal dik il-mira permezz ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 30% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005.

“Dawn iż-żewġ regolamenti ser jippermettu lill-UE tnaqqas l-emissjonijiet fis-setturi kollha ta’ kondiviżjoni tal-isforzi u jiżguraw li l-art u l-foresti jiġu ġestiti aħjar. Bħala riżultat, aħna ser nibnu futur favur l-ambjent għalina lkoll u nilħqu l-miri klimatiċi tagħna skont il-ftehim ta’ Pariġi. Nilqa’ l-isforzi tal-istati membri llum u ninsabu lesti li nibdew in-negozjati mal-Parlament.”

Siim Kiisler, Ministru għall-Ambjent tar-Repubblika tal-Estonja

COP23 - Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Ftehim ta' Pariġi u bi tħejjija għat-23 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 23) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li ser issir mis-6 sas-17 ta' Novembru 2017 f'Bonn.

L-UE hija determinata li tibqa’ fuq quddiem fl-isforzi globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-ministri għall-ambjent esprimew appoġġ sħiħ għal dawn il-konklużjonijiet u enfasizzaw l-importanza li jsir progress sostanzjali fil-livell nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi (il-programm ta’ ħidma ta’ Pariġi), fit-tħejjijiet għad-Djalogu Faċilitattiv tal-2018 u fl-implimentazzjoni tal-kontributi determinati fil-livell nazzjonali (NDCs).

Il-ministri laqgħu wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-finanzjament għall-klima adottati fl-10 ta’ Ottubru. L-UE u l-istati membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn sħiħ tagħhom li jikkontribwixxu għall-mira kollettiva tal-pajjiżi żviluppati li b’mod konġunt jimmobilizzaw USD 100 biljun fis-sena mill-2020 sal-2025.

Assemblea tan-NU għall-Ambjent

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-tielet laqgħa tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEA-3), li ser issir bejn l-4 u s-6 ta’ Diċembru 2017 f’Nairobi taħt it-tema ġenerali tat-tniġġis.

Dawn il-konklużjonijiet jagħtu sinjal qawwi tal-impenn tal-UE li tipproteġi l-ambjent tagħna u tnaqqas l-impatt tat-tniġġis fuq il-pjaneta tagħna.

Il-ministri ser jikkontribwixxu b’mod attiv għal għadd ta’ riżoluzzjonijiet u wegħdiet volontarji bil-ħsieb li tittieħed azzjoni ulterjuri fl-indirizzar tat-tniġġis fl-għamliet kollha tiegħu.

Waqt ikla ta’ ħidma, il-ministri kellhom skambju utli ta’ fehmiet mad-Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, Erik Solheim, bi tħejjija għall-assemblea. Huma identifikaw oqsma għall-azzjoni konkreta kontra t-tniġġis fil-livell nazzjonali u dak tal-UE.

Tagħrif dwar il-laqgħa

  • Laqgħa nru 3565
  • Lussemburgu
  • 13/10/2017

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Uffiċjal tal-istampa
+32 22815612
+32 470884374

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Suġġetti: