Grupp tal-Euro, 11/05/2015

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 11/05/2015
  • 15:00
  • Brussell

Riżultati ewlenin

Il-Greċja

Il-Grupp tal-Euro ġie infurmat dwar id-diskussjonijiet li għaddejjin bejn l-awtoritajiet Griegi u l-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali dwar il-lista komprensiva ta’ riformi tal-Greċja.

Il-Grupp tal-Euro nnota li t-taħditiet kienu avvanzaw u saru aktar effiċjenti, iżda kien meħtieġ aktar żmien biex jiġu riżolti l-lakuni li fadal u biex jilħqu ftehim komprensiv. L-iżburżar tal-bqija tal-assistenza finanzjarja lill-Greċja tista’ ssir biss ladarba dawn ir-riformi jkunu ġew maqbula u r-reviżjoni mit-tliet istituzzjonijiet tkun ikkonkludiet li dawn ġew implimentati.

“Nixtieq intenni li l-ftehim tal-20 ta’ Frar jibqa' l-qafas għan-negozjati u li hu meħtieġ ftehim komprensiv qabel ma jkun jista' jsir kwalunkwe żborż.”

Jeroen Dijsselbloem, President tal-Grupp tal-Euro

Sitwazzjoni ekonomika

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta wkoll is-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona tal-euro abbażi tal-previżjoni ekonomika tar-rebbiegħa tal-2015 mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa ħares ukoll lejn l-iżviluppi tal-inflazzjoni u r-rata tal-kambju. 

L-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi qed jiżdiedu fiż-żona tal-euro, filwaqt li r-riskji ta’ deflazzjoni naqsu. Il-Ministri qablu li ż-żona tal-euro teħtieġ tkompli r-riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir kif ukoll politika fiskali soda biex jiġi sostnut l-irkupru.

Diskussjoni tematika dwar oqfsa fiskali

Il-ministri tal-Grupp tal-Euro qasmu l-esperjenzi nazzjonali tagħhom dwar it-tisħiħ tal-oqfsa fiskali, li kien irrakkomandat liż-żona tal-euro fis-Semestru Ewropew tal-2014. Din id-diskussjoni saret fil-kuntest ta' dawk li issa saru diskussjonijiet regolari tal-Grupp tal-Euro dwar modi biex jissaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

Ir-rapport tal-erba’ presidenti

Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar modi possibbli biex tittejjeb il-governanza ekonomika fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Din id-diskussjoni saret bħala parti mit-tħejjija ta’ rapport dwar l-istess suġġett, li l-President tal-Grupp tal-euro qed jaħdem fuqu flimkien mal-presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew.

L-Irlanda

Il-Grupp tal-Euro laqa’ l-progress li sar mill-Irlanda dwar kwistjonijiet fiskali, finanzjarji u strutturali, irrapportat fit-tielet rapport ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm. Il-Grupp tal-Euro jinsab fiduċjuż li l-Irlanda ser iżżomm ir-rekord tajjeb tagħha biex tindirizza l-isfidi li fadal.

Aġġornat l-aħħar fi 12/05/2015