Grupp tal-Euro, 24/05/2016

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 24/05/2016
  • 15:00
  • Brussell

Riżultati ewlenin

Tagħrif dwar il-laqgħa

Il-Greċja

Il-Grupp tal-Euro laqa’ qbil fil-livell tal-persunal bejn il-Greċja u l-istituzzjonijiet, li jwitti t-triq għall-finalizzazzjoni tal-ewwel rieżami tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Greċja.

Dan ser jippermetti lill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà biex jirrilaxxa l-parti li jmiss tal-assistenza finanzjarja lill-Greċja (€10.3 biljun) disponibbli mill-programm.

Ksibna avvanz kbir dwar il-Greċja li jippermettilna nidħlu f’fażi ġdida fil-programm ta’ assistenza finanzjarja lill-Greċja.

Il-President tal-Grupp tal-Euro Jeroen Dijsselbloem

Dan l-ammont ser jiġi rilaxxat f’diversi pagamenti ladarba l-Greċja tkun implimentat l-azzjonijiet preliminari kollha miftehma, u l-istati membri taż-żona tal-euro jkunu approvaw il-qbil skont il-proċeduri nazzjonali rilevanti tagħhom.

Il-qbil fil-livell tal-persunal bejn il-Greċja u l-istituzzjonijiet fih pakkett ta’ riformi li jridu jiġu implimentati mill-Greċja, u mekkaniżmu ta’ kontinġenza addizzjonali. Dan tal-aħħar idaħħal fis-seħħ sett ta’ miżuri addizzjonali ta’ riforma jekk ikun hemm ir-riskju li ma tintlaħaqx il-mira primarja ta’ bilanċ pożittiv ta’ 3.5% tal-PDG miftehma fil-programm

Il-Grupp tal-Euro jfaħħar il-progress miksub mill-Greċja li diġà implimentat il-maġġoranza tal-azzjonijiet preliminari miftehma.

Il-Grupp tal-Euro qabel ukoll dwar sett ta’ miżuri fuq perjodu qasir, medju u fit-tul biex titħares is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Greċja. Uħud minn dawn il-miżuri ser jiġu implimentati bejn il-konklużjoni tal-ewwel rieżami u tmiem il-programm, u oħrajn mal-konklużjoni b’suċċess tal-programm. L-ambitu ta’ dawn tal-aħħar ser jiġi determinat abbażi ta’ analiżi aġġornata tas-sostenibbiltà tad-dejn.

Jekk wara l-għeluq tal-programm jirriżulta xenarju agħar minn dak mistenni bħalissa, il-Grupp tal-Euro qabel dwar il-possibbiltà tal-attivazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kontinġenza għal miżuri ulterjuri relatati mad-dejn.

Il-Grupp tal-Euro laqa’ l-intenzjoni tad-diriġenza tal-FMI li tirrakkomanda lill-Bord Eżekuttiv tal-FMI sabiex qabel tmiem is-sena japprova arranġament finanzjarju li ser jappoġġa l-implimentazzjoni tar-riformi miftehma.

Spanja: Il-ħames rieżami tas-sorveljanza ta’ wara l-programm

Il-Grupp tal-Euro laqa' r-riżultati tal-ħames missjoni ta' sorveljanza ta' wara l-programm fi Spanja, imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew f'April.

Is-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona tal-euro

Il-Grupp tal-Euro kellu skambju ta’ fehmiet dwar is-sitwazzjoni ekonomika u l-prospettivi fiż-żona tal-euro, wara l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tat-tbassir ekonomiku tagħha tar-rebbiegħa 2016, ippubblikat fit-3 ta’ Mejju 2016.

Aġġornat l-aħħar fi 25/05/2016