Grupp tal-Euro, 16/06/2016

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 16/06/2016
  • 15:00
  • Lussemburgu

Riżultati ewlenin

Tagħrif dwar il-laqgħa

Sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjoni fiż-żona tal-euro

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-istrumenti differenti ta' politika li jistgħu jintużaw biex titjieb is-sostenibbiltà fiskali tas-sistemi tal-pensjoni fiż-żona tal-euro.

Minbarra l-parametri tradizzjonali bħalma huma l-kontribuzzjonijiet tal-pensjonijiet u l-infiq fuqhom, il-Grupp tal-Euro ddiskuta wkoll politiki attivi fis-suq tax-xogħol u riformi li jistgħu jagħtu ħajja ġdida lill-attività ekonomika b'mod sostenibbli. Huwa ħares ukoll lejn l-aħjar prattiki relatati ma' korrezzjonijiet awtomatiċi tas-sistemi tal-pensjoni b'reazzjoni għal-lonġevità ikbar.

Il-Grupp tal-Euro adotta dikjarazzjoni li tinkludi għadd ta' prinċipji maqbula li għandhom l-għan li jżidu s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjoni. Huwa stieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu kont tagħhom fil-proċessi ta' sorveljanza tagħha u biex tesplora l-iżvilupp ta' punti ta' riferiment xierqa fuq din il-bażi.

Fond Monetarju Internazzjonali - analiżi taż-żona tal-euro skont l-Artikolu IV

Id-Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), Christine Lagarde, informat lill-Grupp tal-Euro dwar il-valutazzjoni tal-perspettiva ekonomika, ir-riskji u l-isfidi ta' politika taż-żona tal-euro. Il-valutazzjoni twettqet fil-kuntest ta' konsultazzjoni annwali tal-Artikolu IV tal-FMI.

Il-FMI kkonferma li l-rkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro qed ikompli. Huwa rrakkomanda li ż-żona tal-euro tkompli tiffoka fuq ir-riformi strutturali, l-investiment u r-riformi tas-settur finanzjarju.

Il-Grupp tal-Ewro kellu diskussjoni kostruttiva dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Id-dikjarazzjoni konklużiva tal-FMI ser tkun disponibbli fuq is-sit web tiegħu fi żmien debitu.

Punti oħra

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro kif ukoll żviluppi fir-rati tal-kambju tal-euro, abbażi ta' preżentazzjonijiet mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew. Huwa adotta wkoll il-programm ta' ħidma tiegħu għat-tieni nofs tal-2016.

Aġġornat l-aħħar fi 27/06/2016