Grupp tal-Euro, 11/07/2016

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 11/07/2016
  • 15:00
  • Brussell

Riżultati ewlenin

Tagħrif dwar il-laqgħa

Is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja fiż-żona tal-euro

Il-Grupp tal-Euro kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja fiż-żona tal-euro. Il-Kummissjoni u l-BĊE informaw lill-ministri dwar l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji wara l-eżitu tar-referendum tar-Renju Unit fit-23 ta' Ġunju.

Hemm sinjali li s-swieq, wara korrezzjonijiet inizjali, qegħdin jistabbilizzaw ruħhom. Madankollu, l-inċertezza prevalenti, b’mod partikolari fost l-investituri, tista’ tkun ta’ piż għall-prospetti ta’ tkabbir fuq perjodu medju, inkluż fiż-żona tal-euro.

“Hemm grad għoli ta’ inċertezza, iżda dan ma jbiddilx l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu fuq politiki fiskali sodi li jiffavorixxu t-tkabbir, riformi strutturali, u l-organizzazzjoni tas-settur bankarju. L-aġenda tagħna u l-impenn tagħna għal dik l-aġenda jibqgħu kif inhuma", qal il-President tal-Grupp tal-Euro Jeroen Dijsselbloem wara l-laqgħa.

Sorveljanza ta’ wara l-programm fl-Irlanda u l-Portugall

Il-Grupp tal-Euro ġie informat bl-eżiti ewlenin tal-ħames rieżami ta' sorveljanza ta' wara l-programm fl-Irlanda u r-raba' rieżami ta' sorveljanza ta' wara l-programm fil-Portugall, li t-tnejn saru f'Ġunju 2016.

Iż-żewġ missjonijiet ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm kkonkludew li kemm l-Irlanda kif ukoll il-Portugall huma kapaċi jħallsu lura s-self li rċevew fil-programmi rispettivi tagħhom.

Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir - implimentazzjoni fil-pajjiżi taż-żona tal-euro

Il-Grupp tal-Euro kellu skambju ta’ fehmiet dwar is-sitwazzjoni baġitarja fi Spanja u l-Portugall. Fis-7 ta’ Lulju l-Kummissjoni Ewropea adottat rakkomandazzjonijiet għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu li l-ebda wieħed miż-żewġ pajjiżi ma ħa azzjoni effettiva biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu fiż-żmien stabbilit mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2013.

Id-deċiżjonijiet ibbażati fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ser jittieħdu mill-Kunsill tal-UE.

Pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro abbażi tal-programmi nazzjonali ta' stabbiltà ppreżentati mill-istati membri taż-żona tal-euro fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’April ta' din is-sena.

Il-Grupp tal-Euro qabel li l-pożizzjoni fiskali aggregata fiż-żona tal-euro hija mistennija tinbidel minn kemxejn espansjonarja fl-2016 għal ġeneralment newtrali fl-2017.

Id-dibattitu ser jikkontribwixxi għat-tħejjija mill-istati membri tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2017 aktar tard din is-sena.

Diskussjoni tematika dwar it-tkabbir u l-impjiegi: investiment fiż-żona tal-euro

Il-Grupp tal-Euro kompla bis-serje ta' diskussjonijiet tematiċi tiegħu dwar it-tkabbir u l-impjiegi, din id-darba b’enfasi fuq l-investiment. Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-ostakli strutturali u regolatorji għall-investiment, b’enfasi b’mod partikolari fuq it-titjib tal-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika, l-ambjent tan-negozju u fuq ostakli speċifiċi li jiltaqgħu magħhom setturi differenti.

Din id-diskussjoni tikkomplementa l-inizjattivi aktar ġenerali tal-UE kollha biex tingħata spinta lill-investiment.

Ir-rilanċ tal-investiment huwa partikolarment importanti biex jiżdiedu l-prospetti ta’ tkabbir fuq perjodu qasir u twil tal-ekonomija taż-żona tal-euro.

Il-Grupp tal-Euro ser ikompli d-diskussjoni aktar tard din is-sena.

Aġġornat l-aħħar fi 13/07/2016