Grupp tal-Euro, 09/09/2016

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 09/09/2016
  • 09:00
  • Bratislava

Riżultati ewlenin

Tagħrif dwar il-laqgħa

Il-Greċja

L-istituzzjonijiet u l-Ministru għall-Finanzi Grieg, Euclid Tsakalotos, infurmaw lill-Grupp tal-Euro dwar l-istat attwali tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku tal-Greċja.

L-awtoritajiet Griegi biħsiebhom jikkompletaw fil-ħin l-istadji importanti maqbula fil-kuntest tal-ewwel rieżami tal-programm.

Dawn jinkludu 15-il miżura relatata mal-privatizzazzjoni, ir-riforma tas-settur tal-enerġija, il-governanza tal-banek u l-istabbiliment tal-aġenzija tad-dħul. Il-kisba ta' dawn l-istadji importanti hija kondizzjoni għall-iżborż ta' €2.8 biljun mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà.

Rappreżentanti mill-istituzzjonijiet dalwaqt ser imorru Ateni biex iħejju għall-bidu tat-tieni rieżami tal-programm.

Diskussjoni tematika dwar it-tkabbir u l-impjiegi: il-kwalità tal-finanzi pubbliċi

Il-Grupp tal-Euro kellu skambju ta’ fehmiet ibbażat fuq l-esperjenzi nazzjonali relatati mal-analiżi tan-nefqa tal-gvernijiet. Din l-analiżi ssir biex tivvaluta l-effiċjenza u l-effikaċja tal-fondi pubbliċi f’kategoriji differenti f’baġit ta' pajjiż.

L-għan ta’ din id-diskussjoni huwa li tgħin lill-istati membri jiksbu għamla tal-baġits tagħhom li tkun aktar favorevoli għat-tkabbir.

Il-Grupp tal-Euro adotta dikjarazzjoni li tiddeskrivi l-prinċipji komuni biex tittejjeb l-allokazzjoni tal-infiq.

Il-ministri qablu wkoll biex jiddiskutu dan is-suġġett b’mod regolari u għandhom il-ħsieb li jerġgħu jiddiskutuh fl-ewwel nofs tal-2017.

Kwistjonijiet fiskali attwali

Il-Grupp tal-Euro kkonferma li l-istati membri taż-żona tal-euro għandhom jippreżentaw l-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2017 bejn l-1 u l-15 ta’ Ottubru ta' din sena.

It-tali qafas ta’ żmien ser jiżgura li l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji jiġu vvalutati fuq sett komparabbli ta’ suppożizzjonijiet makroekonomiċi. Ser tinstab soluzzjoni prammatika għall-pajjiżi li għandhom gvern temporanju.

Aktar tard fil-ħarifa, skont il-prattika stabbilita, il-Grupp tal-Euro ser ikollu d-diskussjoni approfondita tiegħu dwar dawn il-pjanijiet, abbażi tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-ministri taw ħarsa fil-qosor lejn il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għal Spanja u l-Portugall li għaddejja bħalissa. F’Lulju l-Kunsill iddeċieda li l-ebda wieħed miż-żewġ pajjiżi ma kien ħa azzjoni effettiva biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu fi żmien l-iskadenzi stabbiliti. Sussegwentement, il-Portugall u Spanja ngħataw skadenzi ġodda u huma mistennija li jieħdu azzjoni effettiva sal-15 ta’ Ottubru. Il-Kunsill adotta wkoll il-proposti tal-Kummissjoni biex tannulla l-multi li Spanja u l-Portugall kien ikollhom iħallsu minħabba li ma kkoreġewx id-defiċit fiż-żmien, skont ir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

Il-ministri nnotaw ukoll il-progress tajjeb li sar fil-ħidma li għaddejja bħalissa biex tissimplifika l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

Aġġornat l-aħħar fi 13/09/2016