Grupp tal-Euro, 10/10/2016

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 10/10/2016
  • 15:00
  • Lussemburgu

Riżultati ewlenin

Tagħrif dwar il-laqgħa

Il-Greċja

L-istituzzjonijiet u l-Ministru għall-Finanzi Grieg, Euclid Tsakalotos, aġġornaw lill-Grupp tal-Euro dwar l-ilħuq ta’ 15-il stadju ewlieni li l-Greċja kienet intrabtet li timplimenta matul l-ewwel rieżami tal-programm tagħha ta’ aġġustament ekonomiku.

L-istadji ewlenin kienu jinkludu t-twaqqif tal-fond għall-privatizzazzjoni, ir-riforma tas-settur tal-enerġija, il-miżuri dwar il-governanza bankarja u l-istabbiliment tal-aġenzija tal-introjtu.

Fil-laqgħa, il-Grupp tal-Euro qabel li l-implimentazzjoni tal-istadji ewlenin tippermetti lill-MES japprova l-iżborż ta’ €1.1 biljun. Dan l-ammont għandu jkun iddedikat għall-ħtiġijiet tas-servizz tad-dejn tal-Greċja.

Il-€1.7 biljun li fadal għandhom jiġu rilaxxati ladarba d-data dwar il-progress tal-Greċja fl-ikklerjar tal-arretrati għal Settembru tkun disponibbli u l-istituzzjonijiet ikunu taw valutazzjoni pożittiva. L-iżborż huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-MES. Il-€1.7 biljun għandu jintuża għall-ikklerjar tal-arretrati tal-Greċja.

Il-Grupp tal-Euro adotta dikjarazzjoni dwar il-Greċja.

Huwa appella wkoll lill-awtoritajiet Griegi biex jintensifikaw il-ħidma tagħhom mal-istituzzjonijiet biex jitlesta fil-ħin it-tieni rieżami tal-programm.

Diskussjoni tematika dwar it-tkabbir u l-impjiegi: sistemi ta' kura tas-saħħa u ta' kura fit-tul

Il-Grupp tal-Euro kellu skambju ta’ fehmiet dwar ir-riskji li n-nefqa fuq il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul jistgħu joħolqu għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fiż-żona tal-euro fid-deċennji li ġejjin.

L-għan tad-diskussjoni kien li jsir skambju tal-aħjar prattiki nazzjonali u tat-tagħlimiet miksuba f’dan il-qasam ta’ politika, li normalment jieħu parti sinifikanti min-nefqa pubblika.

Kwistjonijiet fiskali attwali

Il-Grupp tal-Euro issa jinsab lest għar-rieżami annwali tiegħu tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-istati membri taż-żona tal-euro għas-sena li jmiss. L-istati membri jridu jippreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-2017 bejn l-1 u l-15 ta’ Ottubru ta’ din is-sena, u l-Grupp tal-Euro ser jiddiskutihom fil-5 ta’ Diċembru.

Il-Kummissjoni Ewropea aġġornat lill-Grupp tal-Euro dwar djalogu strutturat li kellha mal-Parlament Ewropew dwar sospensjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għal Spanja u l-Portugall.

Hija mistennija proposta tal-Kummissjoni dwar is-sospensjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, wara d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Lulju dwar in-nuqqas ta’ azzjoni effettiva minn dawn il-pajjiżi biex jikkoreġu d-defiċits eċċessivi tagħhom.

Laqgħa tal-G7

Il-President tal-Grupp tal-Euro Jeroen Dijsselbloem aġġorna lill-Grupp tal-Euro dwar id-diskussjonijiet fil-laqgħat internazzjonali li saru f’Washington D.C. fil-bidu ta’ Ottubru u dwar x’irriżulta minnhom.

Aġġornat l-aħħar fi 12/10/2016