Grupp tal-Euro, 07/11/2016

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 07/11/2016
  • 15:00
  • Brussell

Riżultati ewlenin

Tagħrif dwar il-laqgħa

Unjoni Bankarja - aspetti taż-żona tal-euro

Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

Il-Grupp tal-Euro segwa preżentazzjonijiet minn Danièle Nouy, il-President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, u Elke König, il-President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB).

Huma taw tagħrif lill-Grupp tal-Euro dwar żviluppi reċenti fis-settur finanzjarju, dwar l-attivitajiet ewlenin taż-żewġ istituzzjonijiet fix-xhur li għaddew, u dwar l-isfidi u l-prijoritajiet ewlenin tagħhom għall-ġejjieni.

Danièle Nouy għarrfet lill-Grupp tal-Euro dwar il-ħidma li qed issir marbuta mas-simulazzjonijiet ta' kriżi li saru f'Lulju 2016, l-isfidi marbutin mal-indirizzar ta' self improduttiv u l-għan li jitnaqqas l-għadd ta' għażliet superviżorji u diskrezzjonijiet nazzjonali fis-settur bankarju taż-żona tal-euro sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar ekwivalenti.

Elke König ippreżentat rapport ta' progress dwar l-attivitajiet tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, il-ġabra tal-kontribuzzjonijiet għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-ftehimiet dwar faċilità ta' self ma' stati membri individwali.

Il-Grupp tal-Euro faħħar il-ħidma t-tajba li saret sa issa miż-żewġ istituzzjonijiet u jistenna bil-ħerqa l-iskambju ta' fehmiet li jmiss, li mistenni jsir fir-rebbiegħa tas-sena d-dieħla.

Diskussjoni tematika dwar it-tkabbir u l-impjiegi: oqfsa nazzjonali tal-insolvenza

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta kif jistgħu jittejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-oqfsa ta' insolvenza nazzjonali. Din id-diskussjoni kienet segwitu tal-laqgħa tiegħu ta' April 2016, fejn qabel dwar lista ta' prinċipji li għandhom jiġu applikati. Dawn il-prinċipji koprew primarjament il-ħeffa, il-prevedibbiltà u l-kosteffettività tal-oqfsa ta' insolvenza.

Oqfsa ta' insolvenza li jiffunzjonaw sew huma indispensabbli fl-indirizzar ta’ dejn eċċessiv u fit-titjib tal-ħila tal-banek biex jipprovdu kreditu lill-ekonomija. Il-kwistjoni hija partikolarment rilevanti għaż-żona tal-euro, peress li l-ekonomiji individwali tagħha huma suxxettibbli għal effetti konsegwenzjali.

Il-Grupp tal-Euro ser jerġa' jittratta din il-kwistjoni s-sena d-dieħla.

Greċja: it-tieni rieżami tal-programm u rapport dwar l-assistenza teknika tal-UE

Il-ministri ġew mgħarrfa dwar it-tieni eżami li għaddej tal-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament ekonomiku tal-Greċja, wara missjoni ta' eżami mill-istituzzjonijiet f'Ateni fl-aħħar ta' Ottubru.

Il-Grupp tal-Euro appella lill-awtoritajiet Griegi u lill-persunal tal-missjoni biex jissoktaw bil-kooperazzjoni kostruttiva tagħhom u jiffinalizzaw l-eżami malajr.

It-tieni eżami jinkludi baġit għall-2017, l-istrateġija fiskali fuq perjodu medju u r-riforma tas-suq tax-xogħol.

Il-Grupp tal-Euro ngħata aġġornament dwar l-assistenza teknika mogħtija lill-awtoritajiet Griegi sal-lum mis-servizz ta’ sostenn għar-riforma strutturali (SRSS) tal-Kummissjoni Ewropea. Is-servizz ġie stabbilit f’Lulju 2015 biex jassisti lill-istati membri fl-implimentazzjoni ta’ riformi amministrattivi u strutturali li jsaħħu t-tkabbir. Il-Grupp tal-Euro jistenna li s-servizz jikkonċentra fuq l-għoti ta' għajnuna lill-Greċja biex timplimenta r-riformi.

Sorveljanza wara l-programm: Ċipru u Spanja

Il-ministri ħadu nota tas-sejbiet tal-ewwel missjoni ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm f'Ċipru, li saret fl-aħħar ta' Settembru 2016, u dwar is-sejbiet tas-sitt missjoni ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm fi Spanja, li saret f'nofs Ottubru 2016.

L-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji tal-istati membri taż-żona tal-euro għall-2017

Il-Kummissjoni Ewropea tat tagħrif lill-Grupp tal-Euro dwar il-valutazzjoni li qed issir tal-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji għall-2017, inkluż l-iskambju ta' ittri ma' għadd ta' stati membri.

Il-ministri ser ikollhom diskussjoni dedikata dwar dawn il-pjanijiet fil-laqgħa tiegħu fil-5 ta' Diċembru, fuq il-bażi tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea.

Aġġornat l-aħħar fi 08/11/2016