Ara l-kontenut
Abbonament bl-email

Riżultati ewlenin

Filmat tal-punti ewlenin tal-konferenza stampa wara l-laqgħa tal-Grupp tal-Euro, 26 ta' Jannar 2017

Greċja

L-istituzzjonijiet infurmaw lill-Grupp tal-Euro dwar it-tieni rieżami tal-programm ta' aġġustament ekonomiku, wara l-missjoni ta' rieżami tagħhom f'Ateni f'Diċembru.

Il-Grupp tal-Euro ħeġġeġ lill-awtoritajiet Griegi u lill-istituzzjonijiet biex jissoktaw malajr in-negozjati biex jilħqu qbil dwar pakkett ta' riforma politika kondiviż mill-partijiet ikkonċernati kollha. Qbil bħal dan huwa kondizzjoni għall-konklużjoni b'suċċess tat-tieni rieżami.

Ir-riformi jikkonċernaw is-swieq tax-xogħol u tal-prodotti tal-Greċja, is-settur tal-enerġija tagħha u oqsma oħra. Huwa mistenni wkoll qbil dwar l-istrateġija fiskali tal-Greċja fuq perjodu medju, jiġifieri fl-2018 u aktar 'il quddiem.

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), li qed jipprovdi l-finanzjament għall-programm, informa lill-ministri dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri għas-serħan mid-dejn fuq terminu qasir għall-Greċja. Dawn il-miżuri ġew approvati mill-Grupp tal-Euro f'Diċembru u ġew adottati formalment mill-bordijiet tad-diretturi tal-MES u l-EFSF (Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja) fit-23 ta' Jannar 2017.

Il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax għall-Greċja, inkluż billi xi rati tad-dejn jinbidlu minn varjanti għal fissi, u biex jitħaffef il-piż tal-ħlas lura tad-dejn. Dawn m'għandhom l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-azzjonisti tal-MES, li huma l-istati membri taż-żona tal-euro.

Sorveljanza ta’ wara l-programm fl-Irlanda u l-Portugall

Il-Grupp tal-Euro ġie infurmat bir-riżultati ewlenin tas-sitt rieżami ta' sorveljanza ta' wara l-programm fl-Irlanda u l-ħames rieżami ta' sorveljanza ta' wara l-programm fil-Portugall, li t-tnejn twettqu bejn l-aħħar ta' Novembru u l-bidu ta' Diċembru 2016.

Iż-żewġ missjonijiet ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm ikkonkludew li kemm l-Irlanda kif ukoll il-Portugall huma kapaċi jħallsu lura s-self li rċevew skont il-programmi rispettivi tagħhom.

Konsultazzjoni skont l-Artikolu IV tal-FMI maż-żona tal-euro

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) informa lill-Grupp tal-Euro dwar ir-riżultati ewlenin tal-missjoni interim tiegħu fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-Artikolu IV tal-FMI, li saret lejn tmiem l-2016.

Il-Grupp tal-Euro qabel mal-evalwazzjoni tal-FMI tal-perspettiva ekonomika għaż-żona tal-euro u mal-fehmiet tiegħu dwar l-isfidi ta' politika li qed tiffaċċja l-unjoni monetarja.

Il-missjoni finali tal-FMI ser issir aktar tard fis-sena u ser tipproduċi r-rapport finali sħiħ.

Semestru Ewropew: ir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro għall-2017

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2017.

Il-ministri qablu li r-rakkomandazzjonijiet għall-2017 għandhom jiffukaw fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, politiki fiskali sodi u l-ikkompletar tal-unjoni bankarja.

L-abbozz ta' rakkomandazzjoni ser jiġi approvat mill-Kunsill Ecofin fis-27 ta’ Jannar.

Abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji: Spanja u Litwanja

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-abbozzi aġġornati tal-pjanijiet baġitarji għall-2017 ta’ Spanja u l-Litwanja. F'Ottubru 2016, iż-żewġ pajjiżi kienu ppreżentaw abbozzi ta' pjanijiet baġitarji bbażati fuq xenajru ta' ebda bidla fil-politika, minħabba li f'dak il-mument il-gvernijiet tagħhom ma kellhomx setgħat baġitarji sħaħ minħabba l-proċessi elettorali nazzjonali. Għalhekk, huma kellhom jippreżentaw pjan aġġornat wara l-ħatra tal-gvernijiet il-ġodda rispettivi tagħhom.

Id-diskussjoni tal-Grupp tal-Euro kienet ibbażata fuq l-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar dawn il-pjanijiet, ippubblikati fis-17 ta' Jannar. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-pjan ta' Spanja kien konformi b'mod ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, waqt li l-pjan tal-Litwanja kien f'riskju ta' nonkonformità mal-PST.

Il-Grupp tal-Euro qabel b'mod ġenerali mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa ħa nota tat-talba tal-awtoritajiet tal-Litwanja għal applikazzjoni flessibbli tar-regoli tal-PST, li hija permessa taħt ċerti kondizzjonijiet. Il-Grupp tal-Euro ħareġ dikjarazzjoni.