Grupp tal-Euro, 20/02/2017

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 20/02/2017
  • 15:00
  • Brussell

Riżultati ewlenin

Tagħrif dwar il-laqgħa

Greċja: is-sitwazzjoni attwali

L-istituzzjonijiet (il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà) u l-Ministru Grieg għall-Finanzi Euclid Tsakalotos informaw lill-Grupp tal-Euro dwar it-tieni rieżami tal-programm ta' aġġustament ekonomiku tal-Greċja, fejn il-kwistjonijiet ewlenin pendenti jinkludu l-istrateġija fiskali għall-perijodu medju (fl-2018 u lil hinn) u r-riforma fis-suq tax-xogħol.

Il-Grupp tal-Euro laqa' l-intendiment komuni milħuq bejn l-awtoritajiet Griegi u l-istituzzjonijiet, li jippermetti lill-missjoni ta' rieżami tirritorna lejn Ateni u tissokta bil-ħidma sabiex tikkonkludi ftehim fil-livell tal-persunal dwar ir-riformi ta' politika fil-kuntest tat-tieni rieżami tal-programm.

Ftehim fil-livell tal-persunal huwa kondizzjoni neċessarja għall-konklużjoni pożittiva tar-rieżamijiet u għalhekk biex tirċievi l-appoġġ finanzjarju.

Diskussjoni tematika dwar it-tkabbir u l-impjiegi: biex in-negozju jkun faċli

Il-ministri qasmu wkoll l-aħjar prattiki nazzjonali għall-ħolqien ta' kondizzjonijiet kummerċjali favorevoli, li għandhom influwenza sinifikanti fuq il-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku. Id-diskussjoni ffokat fuq materji bħall-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi kif ukoll il-piż amministrattiv u regolatorju.

Ir-riżultat tad-diskussjoni ser iservi ta' sfond għad-diskussjoni tal-Grupp tal-Euro dwar l-investiment f'April ta' din is-sena.

Tbassir ekonomiku għaż-żona tal-euro fl-2017-2018

Il-Grupp tal-Euro kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona tal-euro, wara l-preżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tbassir ekonomiku tagħha għax-xitwa tal-2017.

L-irkupru taż-żona tal-euro jinsab fir-raba' sena konsekuttiva tiegħu, bi tkabbir ta' 1.7% fil-PDG fi tmiem is-sena 2016. Ir-rata tal-qgħad kienet 9.6%, l-aktar rata baxxa minn Mejju 2009. Id-defiċit u d-dejn tal-gvern naqsu wkoll.

Skont it-tbassir, l-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro mistenni jkompli, għalkemm żdiedet l-inċertezza fil-prospettiva. Il-PDG reali mistenni jilħaq 1.6% fl-2017 u 1.8% fl-2018.

Il-ministri ġeneralment qablu mal-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea.

Fil-laqgħa tiegħu, li saret fil-marġini tal-Grupp tal-Euro, il-Bord ta' Gvernaturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) reġa' ħatar lil Klaus Regling bħala Direttur Maniġerjali tal-MES għat-tieni mandat ta' ħames snin, li jibda fit-8 ta' Ottubru 2017.

Aġġornat l-aħħar fi 21/02/2017