Grupp tal-Euro, 07/04/2017

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 07/04/2017
  • 09:00
  • Il-Belt Valletta

Riżultati ewlenin

Tagħrif dwar il-laqgħa

Greċja

Il-Grupp tal-Euro ġie infurmat bl-iżviluppi li saru fit-taħditiet intensi bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u l-Gvern Grieg matul dan l-aħħar xahar.

L-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet Griegi laħqu qbil dwar l-elementi ewlenin tar-riformi fil-politika meħtieġa biex jipproċedu bit-tieni rieżami tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku attwali, li huwa meħtieġ biex tingħata aktar assistenza finanzjarja lill-Greċja. Dan il-qbil jirreferi għall-portata, l-iskadenzi u s-sekwenza tar-riformi.

L-istituzzjonijiet ser ikomplu bil-ħidma teknika f'Ateni malajr kemm jista' jkun biex jikkonkludu ftehim mingħajr dewmien fil-livell tal-persunal.

Diskussjoni tematika dwar it-tkabbir u l-impjiegi: l-investiment

Il-Grupp tal-Euro kompla bid-diskussjoni tiegħu dwar il-promozzjoni tal-investiment, li beda f’Lulju tas-sena l-oħra, u adotta dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-prinċipji komuni li għandhom jiggwidaw il-politiki nazzjonali f’dan il-qasam.

Il-prinċipji jikkonċernaw it-titjib tal-ambjent tan-negozju, aktar effiċjenza fl-amministrazzjoni pubblika, il-prijoritizzazzjoni ta’ investiment pubbliku ta’ kwalità għolja biex tingħata spinta lit-tkabbir u lit-tkabbir potenzjali, l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ finanzjament għan-negozji li jkunu bbażati fuq is-suq u t-tneħħija ta’ ostakli regolatorji għall-investiment privat.

Unjoni bankarja - aspetti taż-żona tal-euro

Il-President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, Danièle Nouy, ippreżentat ir-rapport annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji fl-2016.

Il-prijoritajiet tal-Bord għall-2017 jinkludu aktar konverġenza fl-istandards superviżorji nazzjonali fl-unjoni bankarja, li jiġi indirizzat is-self improduttiv fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek, kwistjoni li għadha problematika f’xi stati membri, u li tiżdied il-profittabbiltà tal-banek u b’hekk l-kapaċità tagħhom li jiffinanzjaw l-ekonomija.

Il-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), Elke König, infurmat lill-Grupp tal-Euro dwar l-attivitajiet tas-SRB. Hija rrappurtat dwar il-progress li nkiseb b'rabta mal-ippjanar ta' riżoluzzjoni u mal-kontribuzzjonijiet tal-banek fil-fond uniku ta’ riżoluzzjoni.

Ċipru: is-sorveljanza ta' wara l-programm

L-istituzzjonijiet li qed jieħdu sehem fl-evalwazzjonijiet ta' wara l-programm u l-Ministru Ċiprijott għall-Finanzi, Harris Georgiades, taw rapport fil-qosor dwar l-eżitu tal-missjoni ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm li saret reċentement f'Ċipru.

Huma reġgħu assiguraw lill-ministri li l-awtoritajiet Ċiprijotti jibqgħu impenjati li jkomplu b'politiki ekonomiċi sodi. Huma kkonfermaw ukoll li ma kienx hemm riskju li Ċipru ma jħallasx lura s-self li kien irċieva mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fil-kuntest tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tiegħu għall-2013-2016.

Aġġornat l-aħħar fi 10/04/2017