Grupp tal-Euro, 10/07/2017

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 10/07/2017
  • 15:00

Tagħrif dwar il-laqgħa

Riżultati ewlenin

Oqfsa nazzjonali ta’ insolvenza: self improduttiv

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-oqfsa ta’ insolvenza fiż-żona tal-euro, b'attenzjoni partikolari fuq ir-rwol tagħhom fil-prassi superviżorja nazzjonali b'rabta mas-self improduttiv.

Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq studju mill-Bank Ċentrali Ewropew u informazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

Qafas ta' insolvenza li jiffunzjona sew huwa indispensabbli biex titnaqqas b'mod rapidu u effiċjenti l-isporġenza debitorja u biex tittejjeb il-ħila tal-banek li jestendu l-kreditu lill-ekonomija.

Ser issir aktar ħidma f’dan il-qasam, bil-ħsieb li jitnieda skambju tal-aħjar prassi.

Il-Qasam bankarju

Is-Superviżjoni Bankarja tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-Kummissjoni Ewropea informaw lill-Grupp tal-Euro dwar l-aħħar żviluppi topiċi fis-settur bankarju, b'mod partikolari fl-Italja.

Irlanda: is-sorveljanza ta' wara l-programm

Il-ministri ġew infurmati dwar ir-riżultati ewlenin tas-seba' missjoni ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) f’Dublin mis-16 sad-19 ta’ Mejju.

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) ħa sehem fil-missjoni fil-kuntest tas-sistema ta' twissija bikrija tiegħu, li hija mfassla biex tiddetermina l-kapaċità ta' pajjiż tal-programm li jħallas lura s-self li jkun ħa mill-EFSF/MES.

Il-konklużjoni tal-missjoni hi li r-riskju li l-Irlanda ma tkunx kapaċi tħallas lura s-self li tkun ħadet taħt il-programm ta' aġġustament tagħha jibqa' baxx. L-Irlanda temmet b'suċċess il-programm tagħha fl-2013.

Il-FMI ppreżenta r-riżultati tal-konsultazzjoni tiegħu skont l-Artikolu IV mal-Irlanda.

Il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro abbażi ta' preżentazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea u l-Bord Fiskali Ewropew. Kien hemm qbil fost l-istituzzjonijiet u l-ministri li pożizzjoni fiskali ġeneralment newtrali tkun xierqa għaż-żona tal-euro kollha fl-2018.

Id-diskussjoni ser tgħin biex tingħata sura lit-tħejjijiet għall-abbozz ta' pjanijiet baġitarji għall-2018 tal-istati membri taż-żona tal-euro, li ser ikollhom jikkompletaw sal-15 ta' Ottubru u jippreżentaw lill-Kummissjoni Ewropea għal rieżami.

Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)

Il-ministri kellhom diskussjoni ġenerali dwar l-approfondiment ulterjuri tal-UEM, fl-isfond tad-dokument ta' riflessjoni ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea dwar dan is-suġġett fil-31 ta' Mejju 2017.

Aġġornat l-aħħar fi 11/07/2017