Grupp tal-Euro, 15/09/2017

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 15/09/2017
  • 09:00
  • Tallinn

Riżultati ewlenin

Tagħrif dwar il-laqgħa

Greċja

Il-Ministru għall-Finanzi tal-Greċja, Euclid Tsakalotos, u l-istituzzjonijiet (il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u l-Fond Monetarju Internazzjonali) għarrfu lill-Grupp tal-Euro dwar l-istat attwali tal-programm ta' aġġustament attwali tal-Greċja.

Huma ppreżentaw l-iskeda ta' żmien mistennija tat-tielet rieżami, li nbeda dan l-aħħar, tal-programm. Il-Greċja ser ikollha tlesti madwar 95 azzjoni, li bosta minnhom jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni li ġiet adottata aktar kmieni matul il-programm.

Fost is-suġġetti li ser jiġu koperti fit-tielet rieżami hemm il-baġit tal-Greċja għall-2018, ir-rieżami tal-benefiċċji soċjali, ir-riforma tas-suq tax-xogħol, kwistjonijiet marbutin mal-amministrazzjoni pubblika, l-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-self improduttiv, ir-riforma tas-settur tal-enerġija, u l-privatizzazzjoni.

Diskussjoni tematika: reżiljenza ekonomika fl-UEM

Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar kif għandha tiżdied ir-reżiljenza ekonomika fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Identifikaw għadd ta' oqsma ta' politika, fejn it-titjib jista' jwassal għal aktar reżiljenza ekonomika. Dawn jinkludu l-ħtieġa għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija, il-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, inċentivi ta' tassazzjoni għall-investiment, il-kwalità tal-istituzzjonijiet, u oqsma oħrajn.

Id-diskussjoni tal-bidu ser tmexxi d-diskussjonijiet tematiċi aktar konkreti tal-Grupp tal-Euro dwar it-tkabbir u x-xogħol fil-ġejjieni.

Ir-reżiljenza ekonomika tirreferi għall-kapaċità ta’ pajjiż li jevita u li jindirizza xokkijiet ekonomiċi. Hi partikolarment importanti għaż-żona tal-euro, fejn il-pajjiżi jaqsmu munita unika u huma ferm interdipendenti, u fejn nuqqas ta’ reżiljenza ekonomika f’pajjiż wieħed malajr jista’ jwassal għal konsegwenzi serji f'ekonomiji oħra taż-żona tal-euro.

Aġġornat l-aħħar fi 20/09/2017