Grupp tal-Euro, 09/10/2017

Grupp tal-Euro
  • Grupp tal-Euro
  • 09/10/2017
  • 15:00
  • Lussemburgu

Riżultati ewlenin

Tagħrif dwar il-laqgħa

L-approfondiment tal-UEM: ir-rwol tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta r-rwoli u l-kompiti futuri possibbli tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) fil-kuntest tad-dibattitu aktar ġenerali li għaddej dwar il-futur tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Din id-diskussjoni tal-bidu ffukat fuq ir-rwol possibbli tal-MES fil-ġestjoni tal-kriżijiet u f’dak li jirrigwarda l-unjoni bankarja, kif ukoll fuq kif dan ir-rwol ġdid possibbli jaffettwa l-governanza u l-istruttura tiegħu u l-post tiegħu fi ħdan l-istruttura tal-UEM.

Diskussjonijiet tematiċi dwar it-tkabbir u l-impjiegi: il-finanzjament tat-tnaqqis fit-taxxi tax-xogħol

Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar il-finanzjament tat-tnaqqis fit-taxxi tax-xogħol u kkondividew l-aqwa prattiki nazzjonali f'dan il-qasam. Il-Grupp tal-Euro mistenni jerġa' jiddiskuti s-suġġett aktar tard din is-sena, fil-kuntest tar-reviżjoni annwali tiegħu tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-istati membri taż-żona tal-euro għas-sena li ġejja.

It-tnaqqis tal-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol ġie rrakkomandat liż-żona tal-euro fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-proċess annwali tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politika. Il-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol fiż-żona tal-euro huwa fost l-ogħla fid-dinja, u t-tnaqqis tiegħu jista’ jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Għalhekk il-mod li bih għandu jiġi ffinanzjat it-tnaqqis fit-taxxi tax-xogħol huwa kwistjoni importanti, għaliex it-taxxi tax-xogħol jikkostitwixxu sehem sinifikanti mid-dħul tal-gvern f'għadd ta' pajjiżi fiż-żona tal-euro.

Missjoni ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm fil-Portugall

Il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u l-Fond Monetarju Internazzjonali infurmaw lill-Grupp tal-Euro dwar ir-riżultati tas-sitt missjoni ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm fil-Portugall. Il-missjoni saret mis-26 ta’ Ġunju sal-4 ta’ Lulju 2017.

Is-sejbiet ewlenin tal-missjoni kienu pożittivi. Is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Portugall qed tkompli titjieb, u l-kapaċità tiegħu biex iħallas lura d-dejn fuq terminu medju sa twil baqgħet favorevoli.

Aġġornat l-aħħar fi 10/10/2017