Kunsill Ewropew, 26-27/06/2014

Kunsill Ewropew
  • Kunsill Ewropew
  • 26-27/06/2014
  • Brussell
  • Preseduta minn Donald Tusk

Il-mexxejja tal-UE jagħżlu lil Juncker biex imexxi l-futur tal-Unjoni

Laqgħa tal-Kunsill Ewropew fis-26 u s-27 ta' Ġunju, il-mexxejja tal-UE ddeċidew dwar il-kandidat tagħhom għal President tal-Kummissjoni Ewropea. Iddiskutew ukoll aġenda strateġika għall-UE, il-proposta ta' pjan ta' paċi fl-Ukraina u ferħu wkoll lill-Greċja għall-kisbiet ewlenin tal-presidenza tagħha. 

Il-Kunsill Ewropew adotta d-deċiżjoni li tipproponi lill-Parlament Ewropew lil Jean Claude Juncker bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea wara vot formali b'maġġoranza kwalifikata.

Id-deċiżjoni ssegwi d-diskussjonijiet estensivi li kellu Herman Van Rompuy mal-partiti ewlenin tal-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jiġi identifikat l-aħjar kandidat possibbli għall-kariga.

Il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jerġa' jiltaqa' fis-16 ta' Lulju biex ilesti n-nomini għall-karigi l-għoljin l-oħra tal-UE.

Aġenda strateġika Ewropea

Waqt avveniment speċifiku fi Ypres fis-26 ta' Ġunju, biex jitfakkar il-mitt sena mit-tifqigħ tal-Ewwel Gwerra Dinjija, il-mexxejja tal-UE ddiskutew il-futur tal-UE, il-prijoritajiet u l-għan tagħha għas-snin li ġejjin.

Huma qablu dwar aġenda strateġika li tiffoka fuq ħames objettivi ewlenin u l-mezzi biex dawn jinkisbu:

  • ekonomiji aktar b'saħħithom b'aktar impjiegi
  • soċjetajiet kapaċi jagħtu s-setgħa u jipproteġu liċ-ċittadini kollha
  • futur sigur għall-enerġija u l-klima
  • qasam fdat tal-libertajiet fundamentali
  • azzjoni konġunta effettiva fid-dinja

Il-mexxejja tennew l-impenn tagħhom għar-riformi u l-konsolidazzjoni fiskali, iżda wkoll ir-rieda tagħhom biex iwettqu l-investimenti meħtieġa għall-futur. Sabiex jibbilanċja d-dixxiplina fiskali mal-ħtieġa għall-appoġġ tat-tkabbir, il-qafas fiskali eżistenti tal-UE joffri possibiltajiet li għandhom jintużaw.

Il-President Van Rompuy qal: ''Aħna kollha impenjati għall-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u li hija kwistjoni li jsir l-aħjar użu tal-flessibbiltà li hija mibnija fir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.''

''Aħna kollha impenjati għall-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u li hija kwistjoni li jsir l-aħjar użu tal-flessibbiltà li hija mibnija fir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir'', qal il-President Van Rompuy.

 

Il-kriżi tal-Ukraina

Il-mexxejja tal-UE laqgħu l-pjan ta' paċi tal-President Poroshenko. Iżda l-Kunsill Ewropew jiddispjaċih li l-waqfien mill-ġlied ma wassalx għat-tmiem sħiħ tal-ostilitajiet militari.

Fir-rigward tas-sanzjonijiet, il-Kunsill Ewropew huwa impenjat biex jiltaqa' mill-ġdid fi kwalunkwe ħin biex jadotta aktar miżuri restrittivi sinifikanti jekk lista dettaljata ta' passi konkreti ma jittieħdux mir-Russja u s-separatisti sat-Tnejn 30 ta' Ġunju:

  • il-qbil dwar mekkaniżmu ta' verifika sorveljata mill-OSKE, għar-rispett tal-waqfien mill-ġlied u l-kontroll effettiv tal-fruntieri
  • ir-ritorn lill-awtoritajiet Ukraini ta' tliet punti ta' kontroll tal-fruntiera
  • ir-rilaxx ta' ostaġġi inkluż l-osservaturi kollha tal-OSKE
  • it-tnedija ta' negozjati sostanzjali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi tal-President Poroshenko.

Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina

Fis-27 ta' Ġunju, il-mexxejja tal-UE ffirmaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja u r-Repubblika tal-Moldova. Il-proċess ta' ffirmar mal-Ukraina tlesta, fil-preżenza tas-Sur Poroshenko, il-President tal-Ukraina li għadu kemm ġie elett.

Il-President van Rompuy irrikonoxxa n-natura storika taċ-ċeremonja: ''Dawn mhumiex bħall-ftehimiet l-oħra - iżda stadji importanti fl-istorja tar-relazzjonijiet tagħna u għall-Ewropa inġenerali. F'Kiev u postijiet oħra, in-nies taw ħajjithom għal din ir-rabta aktar mill-qrib mal-Unjoni Ewropea. Aħna m'aħniex ser ninsewhom.''

Huwa fakkar ukoll li: ''L-Unjoni Ewropea tinsab lesta timpenja ruħha mar-Russja kemm ikun meħtieġ, sabiex jekk ikun hemm tneħħi n-nuqqas ta' ftehim (...).''

Punti oħra fl-aġenda

Semestru Ewropew

Il-Kunsill Ewropew approva r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u b'hekk ikkonkluda s-Semestru Ewropew 2014. Il-pajjiżi tal-UE għandhom isegwu dawn ir-rakkomandazzjonijiet meta jkunu qed jabbozzaw il-baġits tagħhom u jfasslu r-riformi strutturali, kif ukoll fil-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali.

Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi ta' konsolidazzjoni fiskali ''b'mod li jkun favur it-tkabbir u differenzjat'' u r-riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir.

Tkabbir taż-żona tal-euro

Il-Kunsill Ewropew approva l-proposta tal-Kummissjoni li l-Litwanja tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2015. Id-deċiżjoni finali ser tiġi adottata mill-Kunsill tal-UE wara li l-Parlament Ewropew ikun ta l-opinjoni tiegħu.

Linji gwida strateġiċi fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja 

Il-Kunsill Ewropew iddefinixxa l-linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġislattiv u operazzjonali għas-snin li ġejjin. Dawn il-linji gwida jkopru oqsma inklużi l-immigrazzjoni, l-asil, il-fruntieri, il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ġudikatura, id-drittijiet fundamentali u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu.

Il-prijorità ġenerali għal dan il-perijodu hi li l-istrumenti legali u l-miżuri politiċi li diġà huma fis-seħħ jiġu trasposti b'mod konsistenti u jiġu implimentati u kkonsolidati b'mod effettiv.

Klima u Enerġija

Il-mexxejja ħadu kont tal-progress li sar fil-qafas 2030 għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija u saħqu dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati malajr l-elementi ewlenin tiegħu. Huma kellhom ukoll diskussjoni dwar l-istrateġija tas-sigurtà tal-enerġija tal-Kummissjoni għall-Ewropa.

Il-Kunsill Ewropew ikkonferma li kien ser jieħu d-deċiżjoni finali dwar il-qafas 2030, inkluż dwar miżuri biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija u dwar l-objettivi tal-interkonnessjoni, mhux aktar tard minn Ottubru 2014.

Status ta' kandidat għall-Albanija

Il-Kunsill Ewropew approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2014 biex jingħata l-istatus ta' kandidat lill-Albanija.

Aġġornat l-aħħar fi 07/11/2014