Is-60 anniversarju tat-trattati ta' Ruma, 25/03/2017

Kunsill Ewropew
  • Kunsill Ewropew
  • 25/03/2017
  • Ruma
  • Preseduta minn Donald Tusk

Informazzjoni għall-media

Punti ewlenin fuq l‑aġenda

Il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE ser jiltaqgħu f’Ruma, l-Italja, fil-25 ta’ Marzu, għas-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma. Dan ser ikun okkażjoni biex ikun hemm riflessjoni dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea u l-futur tal-proċess ta’ integrazzjoni. Il-mexxejja huma mistennija li jadottaw dikjarazzjoni li tistabbilixxi viżjoni konġunta għas-snin li ġejjin.

''Din ser tkun opportunità biex niċċelebraw l-istorja tagħna flimkien u nivvalutaw il-qagħda wara sittin sena ta’ integrazzjoni. Mhuwiex sigriet li l-mument storiku li qed niffaċċjaw jeħtieġ riflessjoni aktar profonda u aktar solida dwar l-isfidi għall-Unjoni fit-terminu qasir u f'dak medju.''

Il-President Donald Tusk, il-Prim Ministru Paolo Gentiloni u l-Prim Ministru Joseph Muscat fl-ittra ta’ stedina lill-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE

Tħejjijiet għall-anniversarju

Żjara f'Ruma

Ġimgħa qabel iċ-ċelebrazzjonijiet il-President Donald Tusk żar Ruma, fejn ħa sehem fil-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti tal-UE fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma. Huwa ltaqa’ wkoll mal-President Taljan Sergio Matarella.

''It-Trattati ta’ Ruma bdew proċess li minn dak iż-żmien 'l hawn ġab ħafna aktar pajjiżi lura lejn il-libertà u l-prosperità, fil-Lvant u fil-Punent”, qal Tusk fis-Senat tar-Repubblika Taljana fis-17 ta’ Marzu 2017. ''Dan għena nifhmu li meta l-Ewropa hija dgħajfa, il-pajjiżi individwali tagħha ser ikunu dgħajfa. Jekk l-Ewropa tkun b’saħħitha, l-istati membri tagħha huma b’saħħithom.''

Laqgħa informali fi Brussell

Il-Ġimgħa 10 ta’ Marzu s-27 mexxej iltaqgħu b’mod informali fi Brussell biex iħejju għas-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma u ddiskutew l-elementi ewlenin tad-Dikjarazzjoni ta’ Ruma.

Id-dibattitu ffoka fuq il-futur tal-UE, inkluż l-idea ta’ Ewropa b’veloċitajiet differenti.

"Meta nkunu qed niddiskutu x-xenarji differenti għall-Ewropa, l-objettiv ewlieni tagħna għandu jkun li nsaħħu il-fiduċja reċiproka u l-għaqda fost is-27. U wara d-dibattitu tal-lum nista’ apertament ngħid li s-27 mexxej kollha jaqblu ma’ dan l-objettiv," qal il-President Tusk waqt il-konferenza stampa ta' wara l-laqgħa.

Summit ta' Malta

Aktar kmieni din is-sena, is-27 mexxej iltaqgħu wkoll f’Malta biex jibdew it-tħejjijiet għall-anniversarju ta' Ruma. Id-diskussjonijiet komplew fuq ir-riflessjoni politika dwar il-futur tal-UE b'27 stat membru, li nbdew immedjatament wara li r-Renju Unit ivvota biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Ġunju 2016 u li tkomplew fi Bratislava fis-16 ta’ Settembru 2016.

Programm

24/03/2017 15:30

(avveniment sekondarju)

Laqgħa tal-presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE mas-sħab soċjali (it-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju), ospitata mill-Prim Ministru Taljan

Palazzo Chigi

18:00

(avveniment sekondarju)

Udjenza tal-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern tal-UE mal-Papa Franġisku

Vatikan

25/03/2017 09:00

Wasliet

Campidoglio

10:00

Ċelebrazzjoni tas-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma

Campidoglio

11:45

Ċerimonja tal-iffirmar tad-Dikjarazzjoni ta’ Ruma

Campidoglio

11:50

Ritratt tal-grupp

Campidoglio

12:00

Konferenza stampa tal-Presidenti Donald Tusk, Jean-Claude Juncker u Antonio Tajani, il-Prim Ministru Paolo Gentiloni u l-Prim Ministru Joseph Muscat

Campidoglio

13:00

Ikla ta’ nofsinhar ospitata mill-President Taljan Sergio Matarella

Quirinale

14:00

(avveniment sekondarju)

Marzu għall-Ewropa 2017

Kuntest

It-Trattati ta' Ruma kienu t-trattati kostituttivi li jistabbilixxu l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA), li ġew iffirmati fil-25 ta' Marzu 1957 u daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1958.

Bi strutturi istituzzjonali li jixbhu lil dawk tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), il-komunitajiet il-ġodda kienu jinkludu wkoll erba' istituzzjonijiet: Kummissjoni, Kunsill u, kondiviżi flimkien mal-KEFA, Assemblea u Qorti.

L-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-KEE saret fil-25 ta' Jannar 1958 b'Victor Larock, il-Ministru Belġjan għall-Affarijiet Barranin, bħala president.

Aġġornat l-aħħar fi 20/03/2017