Kunsill Ewropew Straordinarju (Art. 50), 29/04/2017

Kunsill Ewropew
  • Kunsill Ewropew
  • 29/04/2017
  • Preseduta minn Donald Tusk
  • Lista ta' parteċipanti 

Informazzjoni għall-media

Riżultati ewlenin

Il-Kunsill Ewropew Straordinarju (Artikolu 50), f'format ta' UE 27, adotta l-linji gwida għan-negozjati dwar il-Brexit.

“Irrid nenfasizza l-għaqda eċċezzjonali tas-27 mexxejja kollha dwar il-linji gwida għan-negozjati tagħna mar-Renju Unit. (...) Issa għandna appoġġ unanimu minn kull wieħed mis-27 stat membru u mill-istituzzjonijiet tal-UE, li jagħtina mandat politiku b'saħħtu għal dawn in-negozjati.”

Il-President Donald Tusk fil-konferenza stampa wara s-summit

Il-linji gwida ser jiddefinixxu l-qafas għan-negozjati u jiddeterminaw il-pożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali tal-UE matul it-taħditiet. Il-Kunsill Ewropew ser jaġġorna l-linji gwida kif meħtieġ waqt li jkunu għaddejjin in-negozjati.

Prinċipji fundamentali

Fil-linji gwida, il-Kunsill Ewropew jiddikjara li l-UE27 ser iżżomm unita u taġixxi bħala entità waħda matul in-negozjati. Il-mexxejja:

  • itennu x-xewqa tagħhom li jkollhom ir-Renju Unit bħala sieħeb qrib
  • itennu li kwalunkwe ftehim futur jeħtieġ ikun ibbażat fuq bilanċ ta' drittijiet u obbligi u jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti għal kulħadd
  • jisħqu li l-integrità tas-suq uniku trid tiġi ppreservata, li jfisser li l-erba' libertajiet ma jistgħux jinfirdu u dan jeskludi l-possibbiltà li wieħed jagħżel biss dak li jaqbillu
  • jiddikjaraw li stat li mhux membru ma jistax igawdi l-istess drittijiet u benefiċċji bħal stat membru

"In-negozjati skont l-Artikolu 50 TUE ser jitmexxew bi trasparenza u bħala pakkett wieħed. Skont il-prinċipju li xejn mhu miftiehem sakemm ikun miftiehem kollox, ma jistax jiġi konkluż ftehim separat dwar elementi individwali."

Linji gwida tal-Kunsill Ewropew (Art. 50) għan-negozjati dwar il-Brexit

Approċċ f'fażijiet

Il-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern qablu li l-ewwel fażi tan-negozjati għandu jkollha l-għan li:

  • tipprovdi kemm jista' jkun possibbli ċarezza u ċertezza tad-dritt
  • tistabbilixxi l-mod kif ser jinħall l-irbit tar-Renju Unit mal-UE

Il-Kunsill Ewropew ser isegwi l-progress mill-qrib u jiddetermina meta jkun inkiseb progress biżżejjed sabiex in-negozjati jgħaddu għall-fażi li jmiss.

Ftehim dwar relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit jista' jiġu konkluż biss ladarba r-Renju Unit ikun sar pajjiż terz. Madankollu, il-mexxejja ddikjaraw li lesti, matul it-tieni fażi tan-negozjati, jibdew diskussjonijiet preliminari u preparatorji dwar il-qafas għar-relazzjonijiet futuri.

Il-perjodu ta' sentejn stabbilit fl-Artikolu 50 jintemm fid-29 ta' Marzu 2019.

Ħruġ ordnat

"Iċ-ċittadini li bnew ħajjithom abbażi tad-drittijiet li jirriżultaw mis-sħubija Brittanika fl-UE qed jiffaċċjaw il-prospett li jitilfu dawk id-drittijiet. (...) F'dan il-kuntest, jinħtieġ li nipproċedu b'approċċ f'fażijiet u nagħtu prijorità lil ħruġ ordnat."

Linji gwida tal-Kunsill Ewropew (Art. 50) għan-negozjati dwar il-Brexit

Il-Kunsill Ewropew saħaq dwar l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini li jiġu affettwati mill-Brexit. Huwa enfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat vojt ġuridiku għan-negozji, u rrefera għal saldu finanzjarju wieħed li għandu jiżgura li l-UE u r-Renju Unit jirrispettaw l-obbligi tagħhom.

Minħabba ċ-ċirkostanzi uniċi fuq il-gżira tal-Irlanda, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ għall-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u l-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq.

"Ser ikunu meħtieġa soluzzjonijiet flessibbli u immaġinattivi, inkluż l-għan li tiġi evitata fruntiera fiżika, waqt li tiġi rrispettata l-integrità tal-ordni legali tal-Unjoni."

Linji gwida tal-Kunsill Ewropew (Art. 50) għan-negozjati dwar il-Brexit

Prinċipju ta' kooperazzjoni leali

Sal-mument li jħalli l-Unjoni, ir-Renju Unit jibqa' membru sħiħ tal-UE, soġġett għad-drittijiet u l-obbligi kollha stabbiliti fit-Trattati u skont id-dritt tal-UE. Il-ħidma kollha tal-UE jeħtieġ li tkompli tipproċedi kemm jista' jkun mingħajr xkiel bħala 28, u n-negozjati mar-Renju Unit ser jinżammu separati mill-ħidma tal-Unjoni li tkun għaddejja, u m'għandhomx ixxekklu l-progress tagħha.

Il-passi li jmiss

Wara l-adozzjoni tal-linji gwida mill-Kunsill Ewropew u abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, fit-22 ta' Mejju 2017 il-Kunsill Affarijiet Ġenerali huwa mistenni:

  • jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati
  • jinnomina l-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-UE
  • jadotta direttivi ta’ negozjati (mandat dettaljat għall-Kummissjoni)

Kuntest

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika formalment lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jħalli l-UE.

"Jiddispjaċina li r-Renju Unit ser jitlaq mill-Unjoni Ewropea, iżda aħna lesti għall-proċess li issa ser ikollna nsegwu. (...) F’dawn in-negozjati l-Unjoni ser taġixxi bħala entità waħda u tħares l-interessi tagħha. L-ewwel prijorità tagħna ser tkun li nnaqqsu kemm jista' jkun l-inċertezza maħluqa bid-deċiżjoni tar-Renju Unit għaċ-ċittadini, in-negozji u l-istati membri tagħna."

Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew, 29 ta' Marzu 2017
Aġġornat l-aħħar fi 19/05/2017