Kunsill Ewropew, 19-20/10/2017

Kunsill Ewropew
  • Kunsill Ewropew
  • 19-20/10/2017
  • Brussell
  • Preseduta minn Donald Tusk

Informazzjoni għall-media

Fid-19 ta’ Ottubru, il-mexxejja tal-UE ddiskutew il-migrazzjoni, l-Ewropa diġitali, id-difiża, u r-relazzjonijiet esterni. Huma adottaw konklużjonijiet dwar dawn l-erba’ suġġetti.

Nhar il-Ġimgħa, il-mexxejja tal-UE ser jerġgħu jiltaqgħu b’mod informali biex jiddiskutu l-Aġenda tal-Mexxejja, programm ta’ ħidma konkret biex jiggwida l-azzjoni tal-UE fil-futur. Il-Kunsill Ewropew (Artikolu 50), fil-format UE 27, ser janalizza l-istat tan-negozjati tal-Brexit.

Riżultati ewlenin, 19/10/2017

Migrazzjoni

Il-mexxejja tal-UE qablu li l-istrateġija ta’ migrazzjoni "komprensiva, prammatika u determinata" tagħhom, li għandha l-għan li terġa' tistabbilixxi l-kontroll fuq il-fruntieri esterni u tnaqqas l-għadd ta’ wasliet u l-għadd ta’ mwiet fuq il-baħar, kienet qed tikseb riżultati u għandha tiġi kkonsolidata.

Fl-istess ħin, huma enfasizzaw il-ħtieġa ta' viġilanza fuq ir-rotot migratorji kollha u livell tajjeb ta' tħejjija biex isir rispons għal kwalunkwe tendenza jew żvilupp ġdid.

Is-summit appella għal aktar azzjoni, inkluż:

  • appoġġ għall-pajjiżi tal-UE milquta direttament
  • kooperazzjoni b’saħħitha mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu, fosthom it-Turkija u l-Balkani tal-Punent
  • aktar sforzi biex jiżdiedu r-ritorni
  • l-isfruttar meħtieġ tal-mezzi disponibbli permezz ta’ politiki tal-UE, bħall-kummerċ u l-iżvilupp, biex jitjiebu r-rati ta’ ritorn u tiġi prevenuta l-migrazzjoni illegali

barra minn hekk, il-mexxejja tal-UE riaffermaw l-appoġġ tagħhom għas-sistema ta' Schengen. Huma qalu li ser imorru "Lura lejn Schengen" kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li jitqiesu l-interessi tas-sigurtà tal-pajjiżi tal-UE.

Huma wegħdu wkoll li jkomplu t-taħditiet dwar ir-riforma tas-sistema ta’ Dublin fis-summit tagħhom ta' Diċembru, bil-ħsieb li jintlaħaq kunsens fl-ewwel nofs tal-2018.

Infografika - Migration flows: Central Mediterranean route

Irregular arrivals in Italy per month, from January 2015-2017

Ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali

Il-wasliet illegali naqsu bi kważi 70% fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali fit-tielet kwart tal-2017 meta mqabbel mal-istess perijodu fl-2016, grazzi għall-isforzi tal-UE u l-istati membri tagħha, speċjalment l-Italja.

"Il-mexxejja qablu li joffru appoġġ aktar b’saħħtu lill-Prim Ministru Gentiloni għall-ħidma tal-Italja mal-awtoritajiet Libjani. Għandna ċans reali li nagħlqu r-rotta tal-Mediterran Ċentrali"

Il-President Donald Tusk fil-laqgħa għall-istampa tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2017

Waqt is-summit il-mexxejja tal-UE appellaw għal aktar sforzi, inkluż:

  • li ssir ħidma mal-Libja u l-ġirien tagħha biex jissaħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri u jiġu appoġġati l-komunitajiet lokali tul ir-rotot migratorji fil-Libja
  • li jiżdiedu l-isforzi biex tiġi stabbilita preżenza permanenti tal-UE fil-Libja
  • li jingħataw fondi adegwati u mmirati għal proġetti relatati mal-migrazzjoni fl-Afrika ta’ Fuq

Ewropa Diġitali

Il-Kunsill Ewropew enfasizza li huwa "lest jagħmel dak kollu meħtieġ biex l-Ewropa ssir diġitali", filwaqt li jibni fuq il-konklużjonijiet tas-Summit Diġitali ta' Tallinn tad-29 ta’ Settembru.

Il-mexxejja eżaminaw kif l-UE tista’ taħtaf l-opportunitajiet u tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni. Huma qablu dwar sensiela ta’ prijoritajiet biex tinbena Ewropa diġitali ta’ suċċess, bħal:

  • li l-gvernijiet u s-setturi pubbliċi jinġiebu b’mod sħiħ fl-era diġitali
  • li titlesta l-istrateġija għal suq uniku diġitali sa tmiem l-2018
  • li jinbena netwerk ta’ infrastruttura u komunikazzjoni tal-ogħla livell
  • li jiġi adottat approċċ komuni għaċ-ċibersigurtà
  • li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità online
  • li tinkiseb sistema ta’ tassazzjoni effettiva u ġusta li tixraq lill-era diġitali

Il-Kunsill Ewropew stieden lill-istituzzjonijiet biex iżidu l-ħidma leġislattiva, u lill-istati membri biex jimplimentaw il-leġislazzjoni tal-UE u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex isawru l-era diġitali l-ġdida.

Difiża

Il-mexxejja tal-UE ssoktaw id-diskussjonijiet dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) fuq id-difiża. L-istati membri li jixtiequ jipparteċipaw fil-PESCO huma mħeġġa jinfurmaw lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli dwar l-intenzjonijiet tagħhom. B'hekk il-PESCO tkun tista' titnieda sal-aħħar tas-sena.

Rigward il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża, il-Kunsill Ewropew appella biex jintlaħaq qbil fil-Kunsill sa tmiem din is-sena.

Il-Kunsill Ewropew laqa’ wkoll it-tnedija tal-prova tar-rieżami annwali kkoordinat dwar id-difiża (CARD) bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fl-UE.

Relazzjonijiet esterni

Il-Kunsill Ewropew appella lir-RDPK biex tabbanduna l-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi tagħha, filwaqt li enfasizza li l-paċi dejjiema u d-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana għandhom jinkisbu permezz ta’ mezzi paċifiċi.

Il-Kunsill Ewropew irriafferma wkoll l-impenn sħiħ tiegħu favur il-ftehim nukleari mal-Iran u approva d-dikjarazzjoni mill-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' Ottubru 2017.

Punti ewlenin fuq l-aġenda, 20/10/2017

Aġenda tal-Mexxejja

Il-Ġimgħa filgħodu, il-mexxejja ser ikollhom kolazzjon informali biex jiddiskutu l-Aġenda tal-Mexxejja. Dan huwa programm ta' ħidma konkret biex jiggwida l-azzjoni tal-UE sa Ġunju 2019. Dan tħejja mill-President Tusk f'konsultazzjoni mal-istati membri kollha tal-UE.

In-negozjati dwar il-Brexit

Il-Kunsill Ewropew (Artikolu 50), fil-format ta' UE 27, ser jeżamina l-aħħar żviluppi fin-negozjati wara li r-Renju Unit innotifika l-intenzjoni tiegħu li jħallu l-UE.

Programm

20/10/2017 08:00

Wasliet

09.00

Kolazzjon ta' ħidma tal-Kunsill Ewropew

10:30

Sessjoni ta’ ħidma tal-Kunsill Ewropew (Art. 50)

13:00

Konferenza stampa mill-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea

Aġġornat l-aħħar fi 20/10/2017