Summit UE - Stati Uniti, Brussell, 26/03/2014

Kunsill Ewropew
  • Kunsill Ewropew
  • 26/03/2014
  • Brussell

Meta ltaqgħu fl-okkażjoni tas-summit UE-Stati Uniti fi Brussell, Herman Van Rompuy, José Manuel Barroso, u l-President Barack Obama ddiskutew is-sħubija b'saħħitha bejn l-UE u l-Stati Uniti, il-politika barranija internazzjonali, il-kriżi fl-Ukraina u l-isfidi globali ewlenin.

Il-politika barranija internazzjonali u l-kriżi fl-Ukraina

L-avvenimenti reċenti fl-Ukraina kkonfermaw li l-kooperazzjoni b'saħħitha bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar il-paċi u s-sigurtà hija ta' importanza kritika.

Dwar l-Ukraina, l-ewwel prijorità tal-President Obama, il-President Barroso u l-President Van Rompuy hija li titnaqqas it-tensjoni tas-sitwazzjoni. Huma nnutaw l-ewwel passi pożittivi lejn il-bidu ta' negozjati bl-ewwel laqgħa tal-ministru għall-affarijiet barranin Russu u dak Ukrain, u l-appoġġ Russu għall-missjoni tal-OSKE fl-Ukraina.

Il-mexxejja tal-UE u tal-Istati Uniti ddiskutew ukoll in-negozjati mal-Iran rigward il-programm nukleari tiegħu, it-traġedi umanitarji fis-Sirja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana. Huma rreaġixxew għas-sentenza tal-mewt tal-massa ta' 500 Aħwa Musulmani fl-Eġittu u ħeġġu lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jerġgħu lura għall-istat tad-dritt.

Wara li ġiet ikkanċellata l-laqgħa tal-G8, Herman Van Rompuy, José Manuel Barroso, u l-President Barack Obama qablu li jerġgħu jiltaqgħu fi Brussell u jorganizzaw is-summit tal-G7 li jmiss hemmhekk f'Ġunju.

Ekonomija u sfidi globali

It-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi jibqgħu ta' importanza ewlenija fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. L-UE u l-Istati Uniti ħadu passi importanti biex jistabbilizzaw il-kundizzjonijiet finanzjarji u jegħlbu l-kriżi. L-UE tibqa' impenjata li tibni unjoni ekonomika u monetarja approfondita u ġenwina, inkluża unjoni bankarja.

Il-mexxejja tal-UE u tal-Istati Uniti tkellmu dwar is-sigurtà tal-enerġija u t-tnaqqis fid-dipendenza tal-Ewropa fuq il-gass Russu. Il-President Barroso laqa' l-prospett tal-esportazzjonijiet ta' gass mill-Istati Uniti fil-futur peress li provvisti globali addizzjonali jkunu ta' benefiċċju għall-Ewropa u sħab strateġiċi oħrajn.

Huma tkellmu dwar it-tibdil fil-klima u kkonfermaw id-determinazzjoni tagħhom biex jaħdmu lejn l-adozzjoni ta' protokoll globali fl-2015.

Il-mexxejja tal-UE u tal-Istati Uniti ġeddu l-impenn tagħhom lejn Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) li tkun b'saħħitha. Dan għandu jmur lil hinn minn ftehim ta' kummerċ ħieles u jirriafferma l-valuri kondiviżi tad-demokrazija, il-libertà individwali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u impenn komuni lejn soċjetajiet u ekonomiji miftuħa min-naħa tal-Ewropa u l-Istati Uniti.

Is-summit kien ukoll okkażjoni biex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej dwar il-programmi ta' sorveljanza tal-Istati Uniti. Qed jiġi ppreparat ftehim ġeneriku dwar il-protezzjoni tad-data.

Il-mexxejja rriaffermaw l-impenn tagħhom għat-tlestija tal-arranġamenti għall-ivvjaġġar sikur mingħajr viża bejn l-Istati Uniti u l-Istati Membri kollha tal-UE mill-aktar fis possibbli.

Dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP)

L-UE u l-Istati Uniti ddeċidew li jieħdu r-relazzjoni ekonomika tagħhom f'livell ogħla billi jilħqu ftehim dwar it-tnedija ta' negozjati dwar ftehim komprensiv ta' kummerċ u investiment. Dan għandu l-għan li jneħħi l-ostakoli għall-kummerċ f'firxa wiesgħa ta' setturi ekonomiċi biex tkun aktar faċli li jinbiegħu u jinxtraw oġġetti u servizzi bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Aġġornat l-aħħar fi 20/11/2014