Summit tal-G7 fi Brussell, Brussell, 04-05/06/2014

Kunsill Ewropew
  • Kunsill Ewropew
  • 04-05/06/2014
  • Brussell

Il-mexxejja tal-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea (il-mexxejja tal-G7) iltaqgħu fi Brussell fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 fil-format tal-G7.

L-Ukraina u kwistjonijiet globali ta' politika barranija

Waqt l-ikla ta' filgħaxija matul il-lejl tal-Erbgħa, il-mexxejja tal-G7 ffokaw fuq l-Ukraina, ir-relazzjonijiet tagħhom mar-Russja u r-rispons tagħhom għall-kriżi. Il-President Van Rompuy qal: "Sa mill-bidu tal-kriżi fl-Ukraina, il-membri tal-G7 u l-Unjoni Ewropea baqgħu maqgħudin fir-rispons tagħhom. Għal atti ta' aggressjoni, aħna mhux biss irreaġixxejna politikament iżda wkoll ekonomikament permezz ta' sanzjonijiet."

Huma ddiskutew ukoll aġenda pożittiva bil-għan li tonqos it-tensjoni mar-Russja u tiġi stabbilizzata l-Ukraina. Huma laqgħu l-elezzjoni ta' Petro Poroshenko bħala President u tennew l-appoġġ tagħhom għar-riformi ekonomiċi u politiċi tal-Ukraina. Huma jistennew lir-Russja tikkoopera mal-President tal-Ukraina elett il-ġdid u li jaslu serjament għal soluzzjoni politika. Huma lesti, jekk meħtieġ, li jintensifikaw is-sanzjonijiet fuq ir-Russja.

Huma ddenunċjaw ukoll l-elezzjoni presidenzjali ta' konvenjenza tat-3 ta' Ġunju fis-Sirja u ddiskutew is-sitwazzjoni fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u tal-Lvant, l-Iran, il-Libja, il-Mali u r-Repubblika Ċentru Afrikana kif ukoll kwistjonijiet oħra ta' politika barranija.

Il-mexxejja tal-G7 adottaw ukoll dikjarazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm għall-2014:

Sfidi globali tal-ekonomija, l-enerġija u l-klima, u l-iżvilupp

Fl-għodwa tat-tieni jum, il-mexxejja tal-G7 l-ewwel iddiskutew it-tkabbir globali u kif ser jindirizzaw ir-rata għolja tal-qgħad. Il-mexxejja indirizzaw ukoll kwistjonijiet kummerċjali, inklużi n-negozjati attivi u ambizzjużi li għaddejjin bejn il-membri tal-G7.

It-tieni sessjoni ta' ħidma kienet tikkonċerna t-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija, b'fokus fuq id-diversifikazzjoni tar-rotot u s-sorsi tal-enerġija. Is-summit approva l-prinċipji u l-azzjonijiet tal-Inizjattiva tal-G7 ta' Ruma dwar l-Enerġija. Din ser tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw minn enerġija li hija aktar nadifa, sikura u aktar sigura mill-passat. Din il-kwistjoni hija wkoll relatata mat-tibdil fil-klima.

Il-President Barroso qal: "Inqas ma nkunu dipendenti fuq il-karburanti fossili, li xi drabi jkunu f'żoni problematiċi fid-dinja, u aktar ma niddependu fuq riżorsi rinnovabbli u indiġeni, aktar tkun sigura l-provvista tagħna."

Il-mexxejja tennew l-impenn tagħhom li jillimitaw l-effetti tat-tisħin globali u esprimew l-impenn qawwi tagħhom għall-adozzjoni ta' ftehim globali dwar il-klima fl-2015.

Finalment, l-ikla ta' nofsinhar tal-Ħamis kienet iddedikata għal kwistjonijiet ta' żvilupp u l-istabbiliment ta' qafas internazzjonali għal wara l-2015.

Is-summit ta wkoll l-opportunità lill-mexxejja tal-G7 li jiddiskutu għadd ta' mistoqsijiet bilaterali u biex jorganizzaw laqgħat informattivi nazzjonali tagħhom stess.

L-Unjoni Ewropea hija membru sħiħ tal-G7/G8 (u l-G20) u hija rappreżentata b'mod konġunt mill-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Kienet l-ewwel darba li l-UE ospitat summit tal-G7/8 - l-ewwel darba li s-summit sar fi Brussell fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea - fil-Bini Justus Lipsius.

Sfond

Ilu aktar minn 15-il sena minn meta sar l-aħħar summit regolari tal-G7 u hija l-ewwel darba li summit tal-G7 jsir fi Brussell u jiġi ospitat mill-Unjoni Ewropea.

Oriġinarjament kien skedat li jsir summit tal-G8 f'Sochi (ir-Russja) fil-bidu ta' Ġunju taħt presidenza Russa. Minħabba l-vjolazzjoni mill-Federazzjoni Russa tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, il-mexxejja tal-G7 iddeċidew, fil-laqgħa tagħhom fl-Aja (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-24 ta' Marzu 2014, li minflok jiltaqgħu fi Brussell fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 fil-format ta' G7.

L-UE bħala membru tal-G7/G8

Fl-1977, ir-rappreżentanti ta' dik li kienet l-Komunità Ewropea bdew jipparteċipaw fis-Summit ta' Londra. L-ewwel summit tal-G7 sar f'Rambouillet (Franza) sentejn qabel, fl-1975. Fil-bidu, l-UE kellha rwol limitat għal dawk l-oqsma fejn kellha kompetenzi esklussivi, iżda r-rwol tal-UE kiber maż-żmien. Il-Kummissjoni Ewropea kienet gradwalment inkluża fid-diskussjonijiet politiċi kollha dwar l-aġenda tas-summit u ħadet sehem fis-sessjonijiet ta' ħidma tas-summit kollha, sa mis-Summit ta' Ottawa (1981). Il-President tal-Kummissjoni Barroso, li attenda l-G8 għall-ewwel darba f'Gleneagles fl-2005, qed jieħu sehem għall-għaxar darba. Il-President tal-Kunsill Van Rompuy ilu jattendi l-G8/G7 sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (2009).

Il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew għandhom ir-responsabbiltajiet kollha tas-sħubija. Id-dikjarazzjoni tas-summit torbot politikament il-membri kollha tal-G7.

Ir-rotazzjoni tal-Presidenza hija kif ġej: Il-Ġermanja fl-2015, il-Ġappun fl-2016, l-Italja fl-2017, il-Kanada fl-2018, Franza fl-2019, u l-Istati Uniti tal-Amerika fl-2020.

Aġġornat l-aħħar fi 14/11/2014