L-10 summit tal-ASEM, Milan, 16-17/10/2014

Kunsill Ewropew
  • Kunsill Ewropew
  • 16-17/10/2014
  • Italja

L-10 summit tal-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) ġie ppresedut mill-President tal-Kunsill Ewropew u ġie ospitat mill-Gvern tal-Italja f'Milan. Huwa ġabar flimkien aktar minn 50 mexxej Ewropew u Asjatiku, biex jiddiskutu t-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tar-relazzjoni bejn l-Ewropa u l-Asja.

Il-Mongolja ser tippresiedi u tospita l-11-il Summit tal-ASEM fl-2016. It-12-il laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-ASEM (ASEM FMM12) ser tkun ippreseduta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u ospitata mill-Gvern tal-Lussemburgu fil-5-6 ta' Novembru 2015.

Id-diskussjonijiet fis-summit iffokaw fuq it-tema "Sħubija Responsabbli għal Tkabbir u Sigurtà Sostenibbli". Il-laqgħa pprovdiet opportunità importanti biex jitwassal messaġġ b'saħħtu dwar l-impenn tal-Ewropa lejn l-Asja.

Promozzjoni tal-kooperazzjoni finanzjarja u ekonomika permezz ta' konnettività mtejba bejn l-Ewropa u l-Asja

Fis-16 ta' Ottubru fl-ewwel sessjoni plenarja, il-mexxejja ffokaw fuq modi kif tittejjeb il-kooperazzjoni finanzjarja u ekonomika: il-kummerċ u l-investimenti huma kruċjali għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-mexxejja impenjaw ruħhom għal riformi strutturali kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Asja biex tissaħħaħ il-prospettiva globali ekonomika u finanzjarja. Il-mexxejja ddiskutew ukoll il-konnettività u appellaw għal trasport imtejjeb, kif ukoll għal rabtiet diġitali bejn l-Ewropa u l-Asja. L-għan tagħhom huwa li jkun aktar faċli li merkanzija, kapital, servizzi u persuni jiċċaqalqu fl-hekk imsejħa "Rotta tal-Ħarir il-Ġdida".

Sħubija bejn l-Ewropa u l-Asja fl-indirizzar ta' kwistjonijiet globali f'dinja interkonnessa

It-tieni sessjoni kienet iddedikata għas-sinerġiji dwar kwistjonijiet globali bħal:

  • l-indirizzar tat-tibdil fil-klima qabel il-konferenza dwar il-klima f'Pariġi fl-2015
  • l-isforzi mwettqa biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju u l-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli ta' wara l-2015
  • id-drittijiet tal-bniedem, il-ġestjoni tad-diżastri u s-sigurtà tal-enerġija

Titjib tad-Djalogu u l-Kooperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Asja u d-Direzzjoni Futura tal-ASEM

Il-mexxejja kellhom l-opportunità li jiskambjaw fehmiet dwar kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali u jiddiskutu d-direzzjoni futura tal-ASEM. Sar fokus speċifiku dwar kif jiġu ttrattati l-kawżi tal-oriġini tat-theddid għas-sigurtà u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Ġew diskussi wkoll is-sitwazzjonijiet fil-Lvant Nofsani, is-Sirja u l-Iraq, kif ukoll fiż-żewġ kontinenti, inkluż l-Ukraina u l-peniżola Koreana. Huma rrikonoxxew li l-iżviluppi reċenti għandhom impatt dirett fuq il-paċi u s-sigurtà internazzjonali u reġjonali, iżda wkoll fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità futura tal-Ewropa u l-Asja.

Huma kellhom ukoll l-opportunità li jiskambjaw fehmiet mar-rappreżentanti tas-Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa (ASEP), il-Forum Popolari Asja-Ewropa (AEPF) u l-Forum tan-Negozju Asja-Ewropa (AEBF).

Laqgħat bilaterali u multilaterali fil-marġini tas-Summit ASEM tal-2014

Laqgħa multilaterali - laqgħa tal-mexxejja UE-ASEAN

Laqgħa bilaterali - il-President Van Rompuy u l-President Barroso ltaqgħu ma' Shinzo Abe, Prim Ministru tal-Ġappun 

Huma ddiskutew l-istatus tan-negozjati dwar is-Sħubija Strateġika u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles u l-kwistjonijiet ta' politika barranija fil-viċinat rispettiv tagħhom fl-Ukraina u fl-Asja tal-Lvant.

Laqgħa bilaterali - il-President Van Rompuy u l-President Barroso ltaqgħu ma' Li Keqiang, Prim Ministru tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina 

Is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, ir-relazzjonijiet kummerċjali u tal-investiment, is-sitwazzjoni fl-Ukraina u fil-Lvant Nofsani, kif ukoll in-negozjati globali dwar it-tibdil fil-klima kienu fuq l-aġenda.

Informazzjoni ta' sfond dwar l-ASEM

L-ASEM inħolqot fl-1996 bħala forum għad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Asja.

Kull sentejn, il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-ASEM jiltaqgħu f'summit biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-ASEM. Dawn is-summits isiru alternattivament fl-Asja u l-Ewropa. Is-summit preċedenti ġie organizzat fi Vientiane, il-Laos fl-2012.

Avvenimenti relatati

Għadd importanti ta' avvenimenti relatati saru fit-tħejjija għas-summit. Minbarra laqgħat fil-livell tal-gvern, l-ASEM jiġbor flimkien ukoll membri tal-parlament, is-settur tan-negozju, is-soċjetà ċivili, l-akkademja u l-media billi jrawwem il-kuntatti bejn in-nies.

Aġġornat l-aħħar fi 19/11/2014