Summit tas-Sħubija tal-Lvant, Riga, 21-22/05/2015

Kunsill Ewropew
  • Kunsill Ewropew
  • 21-22/05/2015
  • Riga
  • Kapijiet ta' delegazzjoni 


Fl-okkażjoni tar-raba’ summit tas-Sħubija tal-Lvant f’Riga, il-mexxejja tal-UE ltaqgħu mar-rappreżentanti tal-pajjiżi s-sħab tas-SL biex jerġgħu jikkonfermaw l-importanza li l-UE tagħti lis-Sħubija tal-Lvant (SL) tagħha.

Il-parteċipanti tas-Summit għamlu rendikont tal-kisbiet li saru mis-Summit ta’ Vilnjus fl-2013 u stabbilixxew aġenda pożittiva għall-futur.

“Is-sħubija tagħna, kif ukoll is-Summit ta’ Riga nnifsu, mhumiex kwistjoni ta' deċiżjonijiet drammatiċi jew passi ta’ ġgant 'l quddiem. Le, ir-relazzjoni tagħna hija mibnija fuq ir-rieda ħielsa, ir-rispett u l-ugwaljanza. U s-sħubija tagħna ser timxi ‘l quddiem pass pass, bl-istess mod kif inbniet l-Unjoni Ewropea.”

Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa tas-Summit ta’ Riga

Differenzjazzjoni u inklużività

Is-summit kien l-okkażjoni biex tintwera d-determinazzjoni li għandha l-UE biex taħdem għal relazzjonijiet aktar mill-qrib u differenzjati mas-sħab indipendenti u sovrani tagħha.

L-UE hija impenjata bis-sħiħ mas-sitt isħab kollha, irrispettivament mil-livell ta’ ambizzjoni individwali tagħhom f’termini ta’ relazzjonijiet mal-UE. Il-firxa u l-grad tal-kooperazzjoni huma determinati:

  • mill-ambizzjonijiet u l-ħtiġijiet tal-UE u tas-sħab
  • mir-ritmu tar-riforma

Is-Sħubija tal-Lvant tnediet fl-2009, bħala inizjattiva konġunta bejn:

  • l-UE
  • stati membri tal-UE
  • 6 pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna

L-aspirazzjonijiet Ewropej u l-għażla Ewropea tas-sħab ikkonċernati huma rikonoxxuti, kif iddikjarat fil-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni.

Barra minn hekk, il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-importanza tal-aġenda ta’ riforma fis-sħab tal-Lvant u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti istituzzjonijiet msaħħa u aktar trasparenti, ħielsa mill-korruzzjoni.

Id-diskussjonijiet iffokaw fuq proġetti ta’ kooperazzjoni multilaterali bil-għan li:

  • isaħħu l-istituzzjonijiet u t-tmexxija tajba, l-UE kkonfermat l-impenn tagħha li tgħin lill-pajjiżi sħab isaħħu l-istituzzjonijiet u r-reżistenza tagħhom għal sfidi esterni
  • isaħħu l-mobbiltà u l-kuntatti bejn in-nies
  • jiżviluppaw opportunitajiet tas-suq billi jtejbu l-ambjent tan-negozju u ċ-ċertezza legali tas-sħab Ewropej tal-Lvant għall-SMEs u n-negozji u billi jiffokaw fuq il-qasam tal-ekonomija diġitali
  • jiżguraw is-sigurtà tal-enerġija u jtejbu l-interkonnessjonijiet għall-enerġija kif wkoll għat-trasport 

Ir-riżoluzzjoni tal-konflitti fir-reġjun ukoll kienet prijorità fuq l-aġenda tas-summit. Il-parteċipanti kollha tas-Summit qablu li jagħmlu l-isforzi kollha bl-għan li jitnaqqsu t-tensjonijiet u li tinsab soluzzjoni politika għall-kriżi fl-Ukrajna, u s-soluzzjoni paċifika ta' konflitti oħra mhux solvuti fir-reġjun.

Avvenimenti paralleli

Is-summit f’Riga kien akkumpanjat minn għadd ta’ avvenimenti paralleli, li juri li s-Sħubija tal-Lvant tmur lil hinn mir-relazzjonijiet intergovernattivi biex tinvolvi s-soċjetà ċivili, il-media, in-negozji u partijiet ikkonċernati oħra.

Fil-Forum tan-Negozju tas-Sħubija tal-Lvant f’Riga, fil-21 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Faċilità ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

Il-faċilità ser tipprovdi madwar €200 miljun f’għotjiet u mistennija tillibera investimenti ġodda b’valur ta’ mhux inqas minn €2 biljun għall-SMEs fit-tliet pajjiżi tad-DCFTA: il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna. 

Fit-22 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea u l-Ukrajna ffirmaw memorandum ta' qbil u ftehim dwar is-self għat-tielet programm ta' Għajnuna Makrofinanzjarja tal-UE (MFA) għall-Ukrajna.

Ara wkoll

Informazzjoni addizzjonali u materjal ta’ komunikazzjoni tinstab fuq is-siti web tal-Kummissjoni Ewropea u tas-SEAE. Fl-okkażjoni tas-summit ta’ Riga, ġew żviluppati fuljetti speċifiċi biex juru stejjer, fatti u figuri tas-sħubija u tal-inizjattivi ewlenin differenti.

Aġġornat l-aħħar fi 27/05/2015