Summit tal-G7 f'Taormina, l-Italja, 26-27/05/2017

Summit internazzjonali
  • Summit internazzjonali
  • 26-27/05/2017

Fis-26 u s-27 ta' Mejju 2017, l-Italja ospitat il-laqgħa tal-mexxejja tal-G7. Is-summit iffoka fuq il-politika barranija, l-ekonomija globali u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi, u l-kriżi tal-migrazzjoni.

Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw lill-UE fis-summit.

Il-mexxejja adottaw il-komunikat finali, il-pjan direzzjonali dwar l-ekwità tas-sessi u qablu dwar pjan ta' azzjoni dwar l-innovazzjoni, il-ħiliet u x-xogħol. Adottaw ukoll id-Dikjarazzjoni ta' Taormina tal-G7 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti.

Politika barranija

Rigward il-gwerra fis-Sirja, il-mexxejja appellaw għal tmiem il-kunflitt permezz ta’ proċess politiku inklużiv immexxi minn partijiet Sirjani taħt l-awspiċi tan-NU. Huma impenjaw ruħhom li jżidu l-isforzi tagħhom biex jegħlbu t-terroriżmu internazzjonali fis-Sirja, b’mod partikolari l-ISIS/ISIL/Da’esh u al-Qaeda.

Il-G7 indirizzaw is-sitwazzjoni fil-Libja, u ħeġġew li jsir progress permezz tad-djalogu politiku u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali.

Barra minn hekk, il-mexxejja kkundannaw it-testijiet nukleari u l-isparar ta' missili ballistiċi tal-Korea ta’ Fuq. Huma appellaw lill-Korea ta' Fuq biex tabbanduna l-programmi nukleari u tal-missili ballistiċi kollha b’mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli.

Il-mexxejja ffukaw ukoll fuq is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, u appellaw għall-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta’ Minsk. Fakkru li t-tul tas-sanzjonijiet eżistenti huwa marbut b’mod ċar mal-implimentazzjoni sħiħa mir-Russja ta’ dawn il-ftehimiet u r-rispett tagħha lejn is-sovranità tal-Ukrajna.

Ekonomija globali

Il-prijorità ewlenija tal-G7 hija li jiżdied it-tkabbir globali bl-għan li jinkisbu standards ta’ għajxien ogħla u impjiegi ta’ kwalità. Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jużaw l-għodod ta’ politika kollha, inkluż dawk monetarji, fiskali u strutturali, biex jinkiseb tkabbir b’saħħtu, sostenibbli, ibbilanċjat u inklussiv.

Tnaqqis tal-inugwaljanzi

Il-mexxejja għarfu li l-inugwaljanzi jdgħajfu l-fiduċja u jillimitaw il-potenzjal tat-tkabbir fil-ġejjieni. Qablu li jsaħħu l-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-ekonomiji u l-komunitajiet biex jadattaw mal-pass tal-bidla, biex l-ekonomija globali taħdem għal kulħadd.

Il-G7 fakkru li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija kontribut kruċjali biex isir progress lejn l-iżvilupp sostenibbli. Il-mexxejja adottaw il-pjan direzzjonali tal-G7 għal ambjent ekonomiku li jwieġeb għall-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bl-għan li titrawwem l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u l-bniet.

Kummerċ

Il-mexxejja tennew l-impenn tagħhom li jżommu s-swieq miftuħa u li jiġġieldu l-protezzjoniżmu, filwaqt li jibqgħu sodi kontra l-prattiki kummerċjali inġusta kollha. Impenjaw ruħhom li jadottaw politiki xierqa sabiex l-impriżi u ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-ekonomija globali.

Il-G7 appella għat-tneħħija ta’ kull prattika ta' distorsjoni fil-kummerċ sabiex jitrawmu kondizzjonijiet tassew ekwivalenti ta' kompetizzjoni. Il-mexxejja enfasizzaw ukoll l-importanza ta’ sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, u impenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien għat-titjib tal-funzjonament tad-WTO.

Migrazzjoni

Il-mexxejja appellaw għal sforzi koordinati fil-livell nazzjonali u dak internazzjonali sabiex jiġi indirizzat il-moviment fuq skala kbira ta’ migranti u refuġjati. Qablu li jistabbilixxu sħubiji biex jgħinu lill-pajjiżi joħolqu l-kundizzjonijiet 'il ġewwa mill-fruntieri tagħhom stess li jindirizzaw il-fatturi kawża tal-migrazzjoni.

Irrikonoxxew ukoll id-dritt tal-istati li jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom stess u li jistabbilixxu politiki fl-interess nazzjonali tagħhom stess.

Afrika

Is-sigurtà, l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli tal-Afrika huma prijoritajiet għolja għall-G7. Il-mexxejja għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu mal-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani biex tiġi żviluppata l-kapaċità tal-Afrika sabiex tevita u tirrispondi għall-kriżijiet u l-konflitti u timmaniġġahom.

Innovazzjoni, ħiliet u xogħol

Il-mexxejja adottaw pjan ta’ azzjoni tal-G7 li jiffoka fuq in-nies dwar l-innovazzjoni, il-ħiliet u x-xogħol. Il-pjan ta’ azzjoni jiddeskrivi sett ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika potenzjali biex tiżdied il-kompetittività u biex tingħata spinta lit-tkabbir immexxi mill-innovazzjoni għal ġid ta' kulħadd.

Ara wkoll:

Kuntest

Is-summit tal-G7 huwa forum li jaqdi rwol importanti fit-tfassil ta' rispons globali għal sfidi globali, u jikkomplementa l-koordinazzjoni ekonomika globali mwettqa mill-G20. Dan ilaqqa' mexxejja mill-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-UE.

Dan is-summit isegwi s-Summit tal-G7 fil-Ġappun fl-2016 u dak li kien ospitat eċċezzjonalment mill-UE fi Brussell fl-2014.

Il-mexxejja ilhom jiltaqgħu fil-konfigurazzjoni tal-G7 mill-2014, wara l-ksur tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa.

L-UE bħala membru tal-G7

Fl-1977, ir-rappreżentanti ta' dik li kienet il-Komunità Ewropea bdew jipparteċipaw fis-summit ta' Londra. Fil-bidu, ir-rwol tal-UE kien limitat għal dawk l-oqsma fejn kellha kompetenzi esklużivi, iżda dan ir-rwol kiber maż-żmien. L-UE ġiet gradwalment inkluża fid-diskussjonijiet politiċi kollha fuq l-aġenda tas-summit u, mis-summit ta' Ottawa (1981) 'il quddiem, ħadet sehem fis-sessjonijiet ta' ħidma kollha tas-summit.

L-UE għandha r-responsabbiltajiet kollha tas-sħubija. Il-komunikat tas-summit jorbot politikament lill-membri kollha tal-G7.

Ir-rotazzjoni tal-presidenza hija kif ġej: Ġappun fl-2016, Italja fl-2017, Kanada fl-2018, Franza fl-2019, u Stati Uniti tal-Amerka fl-2020.

Aġġornat l-aħħar fi 29/05/2017