Summit UE-Ġappun, 06/07/2017

Summit internazzjonali
  • Summit internazzjonali
  • 06/07/2017

Is-summit bejn l-UE u l-Ġappun sar fis-6 ta’ Lulju fi Brussell. Waqt is-summit, il-mexxejja ħabbru qbil politiku dwar ftehim ambizzjuż ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun u kooperazzjoni politika eqreb imsejsa fuq valuri kondiviżi, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw lill-UE fis-summit.

Il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni wara s-summit, kif ukoll dikjarazzjoni oħra dwar il-Korea ta’ Fuq.

Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika

Il-mexxejja tal-UE u tal-Ġappun qablu fil-prinċipju dwar Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. Dan il-ftehim ser jagħti spinta lis-sħubija kummerċjali u ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun billi jindirizza kwistjonijiet marbuta ma’:

  • l-aċċess għas-suq għal prodotti (inklużi karozzi u prodotti tal-ħalib), servizzi u investiment
  • l-akkwist, inklużi ferroviji
  • il-miżuri nontariffarji
  • il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi
  • id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun ser ikun il-bażi għall-promozzjoni ta’ kummerċ ħieles u ġust bejn tnejn mill-aktar ekonomiji globali importanti, u jiċħad kwalunkwe forma ta’ protezzjoniżmu. Isaħħaħ ukoll l-impenn bejn l-UE u l-Ġappun għal ħidma saħansitra eqreb dwar l-istabbiliment ta’ standards internazzjonali ġodda fil-futur.

“Minkejja l-għajdut ta’ xi wħud, li żmien l-isolazzjoniżmu u d-diżintegrazzjoni rieġa’ ġej, aħna qed nuru li dan mhux il-każ. Qed nuru li fil-fatt id-dinja m'għandhiex għalfejn tmur mitt sena lura. Pjuttost bil-kontra. M'hemmx bżonn li jkun hekk. Kif qed nagħtu xhieda ta’ dan mal-Ġappun.”

Il-President Donald Tusk fil-konferenza stampa tas-summit UE-Ġappun fi Brussell

It-timijiet rispettivi tan-negozjati ser jiffinalizzaw il-ftehim, biex il-proċeduri interni jkunu jistgħu jibdew dalwaqt, kemm fl-UE kif ukoll fil-Ġappun.

Ftehim ta' Sħubija Strateġika

Il-Ġappun u l-UE laħqu wkoll qbil fil-prinċipju dwar Ftehim ta’ Sħubija Strateġika. Dan ser jipprovdi qafas għal kooperazzjoni saħansitra aktar strateġika u profonda bejn l-UE u l-Ġappun.

Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika jenfasizza l-valuri kondiviżi u l-prinċipji komuni li fuqhom hija mibnija s-sħubija bejn l-UE u l-Ġappun, fosthom id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

“Din il-bażi ta’ valuri kondiviżi, li mhux biss nirrispettaw, iżda li – skont il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika – aħna impenjati li nippromwovu, ippermettitilna nikkonkludu dawn in-negozjati. U, l-aktar ħaġa importanti f'dan kollu, ħadd ma tilef.”

Il-President Donald Tusk fil-konferenza stampa tas-summit UE-Ġappun fi Brussell

Korea ta' Fuq

Waqt is-summit, il-mexxejja appellaw għall-adozzjoni kmieni ta’ riżoluzzjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK), wara li reċentement ġiet sparata missila ballistika b’possibbiltà ta’ medda interkontinentali.

Huma ħeġġew ukoll lir-RDPK biex tabbanduna kull programm nukleari, ta’ armi oħra ta’ qerda massiva jew ta’ missili ballistiċi, u biex tinvolvi ruħha fi djalogu kredibbli mal-komunità internazzjonali.

Ara wkoll

Aġġornat l-aħħar fi 07/07/2017