Summit tal-G20 f’Hamburg, il-Ġermanja, 07-08/07/2017

Summit internazzjonali
  • Summit internazzjonali
  • 07-08/07/2017
  • il-Ġermanja

Il-mexxejja tal-G20 iltaqgħu f'Hamburg, il-Ġermanja, fis-7 u t-8 ta' Lulju. Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker irrappreżentaw lill-UE waqt is-summit. It-tema tas-summit ta’ din is-sena kienet "Insawru dinja interkonnessa".

Il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni li tiffoka fuq:

  • il-kondiviżjoni tal-benefiċċji tal-globalizzazzjoni
  • il-bini tar-reżiljenza
  • it-titjib tal-għajxien sostenibbli
  • l-irfigħ tar-responsabbiltà

Adottaw ukoll pjan ta’ azzjoni sabiex titjieb il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u jiġu indirizzati l-ġellieda terroristi barranin.

Fir-rigward tal-enerġija u l-klima, il-mexxejja ħadu nota tal-irtirar tal-Istati Uniti mill-Ftehim ta’ Pariġi. Il-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-G20 l-oħrajn iddikjaraw li l-Ftehim ta' Pariġi huwa irriversibbli u approvaw il-pjan ta’ azzjoni ta' Hamburg tal-G20 għat-tkabbir fil-qasam tal-klima u l-enerġija.

Dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u r-refuġjati, il-mexxejja qablu li jsaħħu l-koordinazzjoni u jaġixxu kontra l-faċilitaturi ta’ dħul klandestin u t-traffikanti ta’ bnedmin. L-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni u l-appoġġ għall-pajjiżi tal-oriġini u ta' transitu huma wkoll prijoritajiet għall-mexxejja.

"Il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali huwa negozju organizzat. Is-sena li għaddiet iġġenera 1.6 biljun dollaru fil-Libja waħedha. Dan il-qligħ jippermetti lill-faċilitaturi ta’ dħul klandestin biex jikkontrollaw xi partijiet mill-pajjiż. Huma jikkooperaw ukoll mat-terroristi u jkomplu jdgħajfu l-istabbilizzazzjoni tal-Libja."

Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa qabel is-summit tal-G20, 7 ta' Lulju 2017

Il-mexxejja saħqu dwar il-ħtieġa li lin-nies jingħataw għajnuna aħjar sabiex jaħsdu l-opportunitajiet u l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni ekonomika. Iddiskutew ukoll dwar kif jistgħu jkomplu jibnu sistema finanzjarja miftuħa u reżiljenti.

Il-mexxejja impenjaw ruħhom li jżidu l-kooperazzjoni fiskali u t-trasparenza finanzjarja internazzjonali, kif ukoll li jindirizzaw il-kwistjoni tal-kapaċità żejda tal-azzar.

L-iżvilupp tal-Afrika għadu prijorità ewlenija għall-G20. Il-mexxejja nedew is-sħubija mal-Afrika tal-G20 biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi fil-kontinent. Din tinkludi l-inizjattiva tal-G20 favur l-impjieg ta' żgħażagħ fiż-żoni rurali li ser tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' 1.1 miljun impjieg ġdid sal-2022.

Il-mexxejja saħqu dwar l-importanza li tiġi sfruttata d-diġitalizzazzjoni biex jinkiseb tkabbir inklużiv u sostenibbli. Il-promozzjoni tal-litteriżmu u l-ħiliet diġitali hija essenzjali biex in-nies jitħejjew aħjar għall-futur tax-xogħol.

Il-mexxejja qablu wkoll li jieħdu azzjoni ulterjuri biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi. Enfasizzaw ir-rwol li jaqdu d-diġitalizzazzjoni u l-ICT b'appoġġ għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa.

Barra minn hekk, il-mexxejja enfasizzaw il-valur tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tas-saħħa, b'mod partikolari biex tiġi miġġielda aħjar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi.

It-13-il edizzjoni tas-summit tal-G20 ser tiġi ospitata mill-Arġentina fl-2018.

Dokumenti maqbula oħra

Il-mexxejja tal-G20 qablu wkoll dwar diversi dokumenti oħra:

Il-prijoritajiet tal-UE fis-summit tal-mexxejja tal-G20

Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ippreżentaw il-kwistjonijiet ewlenin għas-summit f’ittra konġunta li ntbagħtet lil kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE:

  • ir-rwol tal-G20 biex l-ekonomija globali taħdem għal kulħadd
  • Sistema ta' kummerċ multilaterali miftuħa u ġusta bbażata fuq ir-regoli u sistema internazzjonali monetarja u finanzjarja reżiljenti
  • il-benefiċċji ekonomiċi ta’ azzjoni klimatika u l-potenzjal tar-revoluzzjoni diġitali
  • l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa
  • il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu
  • responsabbiltà kondiviża għar-refuġjati u l-migranti, u sħubija mal-Afrika għal investiment, tkabbir u impjiegi

Kuntest

Il-G20 jlaqqa’ 19-il pajjiż kif ukoll l-UE. Il-membri tal-G20 jirrappreżentaw aktar minn 80% tal-prodott domestiku gross tad-dinja (PDG) u jospitaw kważi żewġ terzi tal-popolazzjoni tad-dinja.

Is-summit tal-G20 ġie stabbilit fl-2008 waqt il-kriżi finanzjarja globali sabiex tiżdied il-kooperazzjoni ekonomika internazzjonali. Minn dak iż-żmien, il-membri tal-G20 iltaqgħu darba fis-sena biex jiddiskutu firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ekonomika u finanzjarja.

L-UE bħala membru tal-G20

L-Unjoni Ewropea hija membru sħiħ tal-G20, flimkien ma’ erba’ mill-istati membri tagħha: Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit. Barra minn hekk, Spanja hija mistieden permanenti tal-G20 u n-Netherlands huwa pajjiż sieħeb.

L-UE għandha l-post proprju tagħha madwar il-mejda tal-G20 billi hija waħda mill-akbar atturi ekonomiċi globali b’kompetenzi speċifiċi fi kwistjonijiet kummerċjali, politika ekonomika, regolamentazzjoni finanzjarja, żvilupp, enerġija u tibdil fil-klima.

Aġġornat l-aħħar fi 10/07/2017