Summit bejn l-UE u l-Ukrajna , 12-13/07/2017

Summit internazzjonali
  • Summit internazzjonali
  • 12-13/07/2017
  • Kiev

Tagħrif dwar il-laqgħa

Riżultati ewlenin

Is-summit f'Kiev laqa’ t-tlestija tar-ratifika tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni u d-dħul fis-seħħ dan l-aħħar tal-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini Ukreni, li t-tnejn huma passi fundamentali għat-tisħiħ tas-sħubija bejn l-UE u l-Ukrajna.

“Dan is-Summit huwa mument tajjeb biex niċċelebraw il-ħbiberija b’saħħitha u dejjem aktar fil-fond bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna.”

Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew

Il-mexxejja ddiskutew:

  • l-importanza li jiġi segwit proċess ta’ riforma ambizzjuż, speċjalment fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
  • il-kunflitt fil-lvant tal-Ukrajna u l-annessjoni illegali mir-Russja tal-Krimea u Sevastopol, fosthom l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ Minsk
  • modi kif jiżdiedu kemm jista’ jkun il-benefiċċji/potenzjal tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna

L-Unjoni Ewropea kienet irrappreżentata minn Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea. L-Ukrajna kienet irrappreżentata mill-President Petro Poroshenko.

Ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna

Il-mexxejja laqgħu r-ratifika mill-pajjiżi kollha tal-UE fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni, fost l-oħrajn iż-żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva. Il-ftehim ser jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2017.

“...għalija s-sentenza kruċjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għadha dik li, u nikkwota, ‘l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukrajna u tilqa’ l-għażla Ewropea tagħha’”.

Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew

Fil-biċċa l-kbira, il-ftehim ta' assoċjazzjoni diġà huwa operazzjonali. Ħafna partijiet politiċi u settorjali tal-ftehim ilhom jiġu applikati proviżorjament sa mill-1 ta' Settembru 2014, filwaqt li l-parti tiegħu dwar il-kummerċ, il-ftehim ta' kummerċ ħieles approfondit u komprensiv (DCFTA), ilha tiġi applikata proviżorjament sa mill-1 ta' Jannar 2016. Il-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna kompla jikber matul dan il-perjodu ta’ żmien u l-UE saħħet il-pożizzjoni tagħha bħala s-sieħeb ewlieni tal-Ukrajna. Il-kummerċ bejn it-tnejn kiber bi kważi 30 % fl-ewwel kwart tal-2017 meta mqabbel mal-ewwel kwart tal-2016.

Kriżi u kunflitt fl-Ukrajna

L-UE ttenni l-appoġġ tagħha għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Il-mexxejja appellaw għall-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta’ Minsk u ssottolinjaw ir-responsabbiltà speċifika tar-Russja fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet.

Peress li ma kien sar l-ebda progress fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ Minsk, il-mexxejja tal-UE mlaqqgħin fis-summit ta’ Ġunju fi Brussell iddeċidew li jtawlu s-sanzjonijiet ekonomiċi kontra ċerti setturi tal-ekonomija Russa.

“U llum, l-UE reġgħet għamlitha ċara li aħna ninsabu bis-sħiħ wara l-Ukrajna kontra l-aggressjoni tar-Russja u t-tentattivi tagħha biex twaqqa' l-indipendenza tagħkom”, qal il-President Donald Tusk wara s-summit.

Barra minn hekk, dan l-aħħar il-Kunsill kien estenda s-sanzjonijiet b’sena bi tweġiba għall-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol mir-Russja. Fis-summit bejn l-UE u l-Ukrajna f'Kiev, l-UE tenniet l-impenn tagħha lejn il-politika tagħha li ma tirrikonoxxix l-annessjoni.

Aġenda ta’ riforma

Il-mexxejja tal-UE appellaw lill-Ukrajna tkompli l-implimentazzjoni tar-riformi tagħha, speċjalment miżuri kontra l-korruzzjoni.

Il-mexxejja enfasizzaw ir-riżultati konkreti miksuba bi programmi ta’ appoġġ tal-UE. Huma enfasizzaw l-importanza li jiġu implimentati l-miżuri politiċi kollha marbuta mal-iżborż tat-tielet parti tal-programm sa tmiem is-sena.

Iddiskutew ukoll il-prijoritajiet għall-għajnuna tal-UE fl-2017, li jinkludu appoġġ lill-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, ir-reġjuni tal-lvant tal-Ukrajna u l-effiċjenza fl-enerġija, u għajnuna teknika b’appoġġ tar-riformi ewlenin u l-implimentazzjoni ta-ftehim ta’ assoċjazzjoni.

Liberalizzazzjoni tal-viża

Is-summit kien opportunità tajba għall-mexxejja biex jilqgħu id-dħul fis-seħħ li kien hemm dan l-aħħar tas-sistema mingħajr viża għall-Ukreni.

Mill-11 ta’ Ġunju 2017, iċ-ċittadini Ukreni kollha b’passaport bijometriku jistgħu jivvjaġġaw lejn l-UE għal mhux aktar minn 90 jum għal raġunijiet ta’ negozju, turiżmu jew familja mingħajr viża.

Ara wkoll

Aġġornat l-aħħar fi 17/07/2017