Summit bejn l-UE u l-Indja, New Delhi, 06/10/2017

Summit internazzjonali
  • Summit internazzjonali
  • 06/10/2017

Fis-6 ta' Ottubru 2017, l-Indja ospitat l-14-il Summit bejn l-UE u l-Indja f'New Delhi. Il-mexxejja ddiskutew il-politika barranija u ta' sigurtà, il-migrazzjoni, il-kummerċ, il-klima, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew, u Jean-Claude Juncker, President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw l-UE. L-Indja kienet irrappreżentata mill-Prim Ministru Narendra Modi.

Is-summit mal-Indja ser jiċċelebra l-55 anniversarju mill-istabbiliment tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u l-Indja.

"Ninsab kuntent li llum qbilna li niżviluppaw aktar id-dimensjoni politika tar-relazzjoni tagħna; li qbilna li niżviluppaw ir-relazzjonijiet dinamiċi tagħna fl-oqsma kummerċjali u tal-investiment; u li qbilna li nżidu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet globali u reġjonali."

Il-President Donald Tusk fil-konferenza stampa tas-summit bejn l-UE u l-Indja

Il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni konġunta, li tafferma mill-ġdid l-impenn tagħhom biex isaħħu s-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja.

Il-mexxejja tal-UE u l-Indja adottaw ukoll dikjarazzjonijiet konġunti dwar kwistjonijiet speċifiċi:

Sħubija strateġika

Waqt is-summit, il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex ikomplu japprofondixxu u jsaħħu s-sħubija strateġika ta' bejn l-UE u l-Indja.

Huma laqgħu l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-aġenda bejn l-Indja u l-UE għal azzjoni 2020. Dan huwa l-pjan direzzjonali għal kooperazzjoni bilaterali approvat waqt l-aħħar Summit bejn l-Indja u l-UE.

Sigurtà

Il-mexxejja tal-UE u l-Indja kkundannaw bil-qawwa l-attakki terroristiċi reċenti madwar id-dinja. Huma appellaw lill-komunità globali biex tingħaqad flimkien kontra t-theddida terroristika.

Il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu biex jindirizzaw il-ġellieda terroristi barranin, il-finanzjament tat-terroriżmu, u l-forniment tal-armi.

L-UE u l-Indja affermaw mill-ġdid ukoll l-impenn tagħhom li jikkooperaw aktar dwar is-sigurtà marittima fl-Oċean Indjan u lil hinn. Il-mexxejja laqgħu l-issoktar ta' eżerċizzji tattiċi fil-Golf ta' Aden bejn l-Operazzjoni tal-Qawwa Navali tal-UE ATALANTA u l-Flotta Navali Indjana.

Politika barranija

Il-mexxejja appellaw biex tintemm il-vjolenza lejn il-minoranza Rohingya fil-Myanmar u biex jerġa' jkun hemm il-paċi fl-istat ta' Rakhine mingħajr ebda dewmien.

"In-nies ta' Rohingya għandhom ikunu jistgħu jirritornaw volontarjament, fis-sikurezza u d-dinjità. Aħna nappellaw għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Konsultattiva internazzjonali ta' Rakhine biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali ta' din il-kriżi."

Il-President Donald Tusk fil-konferenza stampa tas-summit bejn l-UE u l-Indja

Fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Peniżola Koreana, iż-żewġ naħat ikkundannaw it-test nukleari mwettaq mir-RDPK fit-3 ta' Settembru 2017. L-UE u l-Indja sejħu għad-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana u għas-sanzjonijiet tal-KSNU kollha li jiġu implimentati bis-sħiħ mill-komunità internazzjonali kollha.

"L-Unjoni Ewropea, l-Indja u l-komunità internazzjonali kollha għandhom ir-responsabbiltà li jaġixxu b'determinazzjoni għad-denuklearizzazzjoni paċifika tal-Peniżola Koreana."

Il-President Donald Tusk fil-konferenza stampa tas-summit bejn l-UE u l-Indja

Fir-rigward tal-kwistjoni nukleari Iranjana, l-Indja u l-UE affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-kontinwazzjoni ta' implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta' azzjoni komprensiv konġunt (PAKK).

Fir-rigward tal-Ukrajna, il-mexxejja ssottolinjaw l-appoġġ qawwi tagħhom għal soluzzjoni diplomatika permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk mill-partijiet kollha.

Sfidi globali

Il-mexxejja tal-UE u tal-Indja ddiskutew il-migrazzjoni globali u l-kriżi tar-refuġjati u qablu li jikkoordinaw mill-qrib.

"Il-komunità internazzjonali għandha r-responsabbiltà li tħarrax il-ġlieda kontra l-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin li jisfruttaw persuni vulnerabbli u ma jirrispettawx il-fruntieri sovrana"

Il-President Donald Tusk fil-konferenza stampa tas-summit bejn l-UE u l-Indja

Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-aġenda ta' riforma tan-NU u l-impenn tagħhom għal governanza globali aktar b'saħħitha.

Fir-rigward tat-tibdil fil-klima, il-mexxejja enfasizzaw l-impenn tagħhom għall-Ftehim ta' Pariġi u qablu li jintensifikaw il-kooperazzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu. L-UE u l-Indja adottaw dikjarazzjoni konġunta dwar enerġija nadifa u t-tibdil fil-klima.

L-UE u l-Indja tennew ukoll l-impenn tagħhom li jikkollaboraw dwar prijoritajiet komuni biex jiksbu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli.

Kummerċ

Il-mexxejja tal-UE u tal-Indja esprimew l-impenn komuni tagħhom li jsaħħu s-sħubija ekonomika bejn l-Indja u l-UE.

Il-mexxejja nnotaw l-isforzi li għaddejjin bħalissa taż-żewġ naħat biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom lejn it-tnedija mill-ġdid tan-negozjati bejn l-UE u l-Indja għal ftehim għall-kummerċ u l-investiment fuq bażi wiesgħa (BTIA).

Ara wkoll

Aġġornat l-aħħar fi 09/10/2017