Summit tas-Sħubija tal-Lvant, 24/11/2017

Summit internazzjonali
  • Summit internazzjonali
  • 24/11/2017
  • Brussell

Informazzjoni għall-media

Il-ħamessummit tas-Sħubija tal-Lvant (SL) ser isir fi Brussell (il-bini Europa) fl-24 ta' Novembru.

Il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern mill-istati membri tal-UE u s-sitt pajjiżi sħab tal-Lvant ser jeżaminaw il-kooperazzjoni futura.

Huma ser iqisu wkoll dak li nkiseb mill-aħħar summit f’Riga fl-2015, b’enfasi fuq il-benefiċċji tanġibbli mogħtija liċ-ċittadini tas-sitt pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

Dwar is-Sħubija tal-Lvant

Is-SL tnediet fl-2009 biex tippromwovi l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u s-sitt pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna.

Is-Summit ser jiddiskuti kif tista’ tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni fl-erba’ oqsma ta’ prijorità maqbula f’Riga:

  • ekonomija aktar b'saħħitha: żvilupp ekonomiku u opportunitajiet aħjar tas-suq
  • governanza aktar b'saħħitha: it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba
  • konnettività aktar b'saħħitha: it-tisħiħ tal-interkonnessjonijiet, b'mod partikolari fl-oqsma tat-trasport u l-enerġija
  • soċjetà aktar b'saħħitha: żieda fil-mobbiltà u kuntatti bejn il-popli

20 mira għall-2020 f'dawn l-erba' oqsma ġew identifikati mis-SEAE u l-Kummissjoni Ewropea f'dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal "Sħubija tal-Lvant - Niffokaw fuq il-prijoritajiet u r-riżultati ewlenin". Ir-rapport ġie ppreżentat għall-ewwel darba f'Diċembru 2016 u rivedut f'Ġunju 2017.

Tħejjijiet

Żjara tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà fil-Kawkasu tan-Nofsinhar 3-6/10/2017

Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà tal-UE, magħmul mill-ambaxxaturi tal-istati membri bbażati fi Brussell, żar tlett isħab tal-Lvant mit-3 sas-6 ta' Ottubru 2017:

  • l-Ażerbajġan
  • l-Armenja
  • il-Georgia

Iż-żjara kienet opportunità biex jiġu evalwati l-iżviluppi pożittivi fir-relazzjoni mat-tliet pajjiżi kollha tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, inqas minn xahrejn qabel is-Summit.

Fil-laqgħat kollha, kemm f'dawk ta' livell għoli kif ukoll fil-laqgħat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-KPS afferma mill-ġdid l-impenn b'saħħtu u ta' għaqda tal-UE fir-rigward tas-sħab tal-Lvant tagħha.

Il-laqgħa ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant, 19/6/2017

Il-laqgħa ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant saret fid-19 ta’ Ġunju 2017 fil-Lussemburgu. Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin kellhom skambju ta' fehmiet mas-sitt kontropartijiet tagħhom tal-EaP dwar is-summit li jmiss bi tkomplija fuq id-diskussjoni fil-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta’ Mejju 2017 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fl-14 ta’ Novembru 2016.

Il-Ministri adottaw ukoll identità viżiva ġdida għas-sħubija, sabiex jiġi enfasizzat aħjar l-approċċ aktar strutturat madwar l-erba’ oqsma ta’ prijorità u l-20 mira.

Kunsill Affarijiet Barranin, 15/5/2017

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-Sħubija tal-Lvant fil-Kunsill Affarijiet Barranin. Huma tennew l-importanza kruċjali tas-Sħubija tal-Lvant, b'enfasi fuq l-għaqda tagħhom fl-appoġġ tar-reġjun u kull pajjiż individwali tas-Sħubija tal-Lvant b'mod li jkun imfassal apposta għalihom. Huma enfasizzaw ukoll id-determinazzjoni tagħhom li jinkisbu riżultati konkreti għall-benefiċċju taċ-ċittadini, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

Avvenimenti paralleli

Is-Sħubija tal-Lvant tmur lil hinn mir-relazzjonijiet intergovernattivi. Is-soċjetà ċivili, il-media, in-negozji u partijiet ikkonċernati oħrajn ser ikunu involuti mill-qrib permezz ta' avvenimenti speċifiċi paralleli organizzati fil-marġini tas-summit.

It-3 Forum taż-Żgħażagħ tas-Sħubija tal-Lvant sar f'Varsavja fit-22 u t-23 ta' Ġunju 2017. 300 parteċipant ħadu sehem f'dibattiti dwar iċ-ċittadinanza attiva u l-involviment taż-żgħażagħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

It-2Konferenza tal-Media tas-Sħubija tal-Lvant saret fi Kiev fit-13 ta' Settembru 2017. Madwar 350 professjonist tal-media u kontributuri mill-pajjiżi tas-SL u mill-UE ddiskutew kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp tal-media.

Il-Konferenza tas-Sħubija Elettronika tas-Sħubija tal-Lvant saret f'Tallinn fl-4 ta' Ottubru 2017. L-avveniment kien iffokat fuq l-aħjar prattiki u ħares lejn ir-rakkomandazzjonijiet politiċi għall-iżvilupp tal-governanza-e fil-pajjiżi tas-SL.

Il-Konferenza tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant ser issir f’Tallinn fil-25 u s-26 ta’ Ottubru 2017, flimkien mad-9 Assemblea Annwali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant. L-avvenimenti ser jiffokaw fuq ir-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili, il-governanza demokratika, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u s-soluzzjonijiet-e.

Il-Forum tan-Negozju tas-Sħubija tal-Lvant li ser isir bejn is-26 u s-27 ta’ Ottubru 2017 f’Tallinn. Dan ser jevalwa l-kisbiet tas-Sħubija tal-Lvant mill-perspettiva tan-negozju u jkompli d-diskussjonijiet dwar kif tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant. Ser ikun hemm enfasi speċifika fuq id-definizzjoni mill-ġdid ta’ negozju permezz ta’ soluzzjonijiet-e, l-iffaċilitar tan-negozju transkonfinali, trasparenza akbar, it-tnaqqas tal-korruzzjoni u l-finanzjament għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Dawn l-avvenimenti ser jiġu organizzati fi sħubija mal-Presidenza Estonjana tal-Kunsill tal-UE.

Is-Summit preċedenti

Is-summit preċedenti tas-SL sar f'Riga fil-21 u t-22 ta' Mejju 2015. Dan ikkonferma mill-ġdid l-importanza strateġika li l-UE tagħti lis-sħubija u wera determinazzjoni soda biex jissawru relazzjonijiet imfassla apposta u aktar mill-qrib mas-sitt pajjiżi msieħba.

Links utli

Informazzjoni addizzjonali u materjal ta’ komunikazzjoni jinstabu fis-siti web tal-Kummissjoni Ewropea u tas-SEAE.

Aġġornat l-aħħar fi 23/10/2017