Ara l-kontenut
Abbonament bl-email
Filmat tal-punti ewlenin mid-diskors tal-President Tusk waqt il-konferenza stampa tas-Summit UA-UE, 30 ta' Novembru 2017

Riżultati ewlenin

Il-ħames summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea (UA-UE) saret fid-29 u t-30 ta' Novembru 2017 f'Abidjan, il-Kosta tal-Avorju.

Is-summit UA-UE ġab flimkien mexxejja tal-UE u tal-Afrika biex jiddefinixxu d-direzzjoni futura għall-kooperazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti.

Flimkien huma adottaw dikjarazzjoni konġunta li tiddeskrivi l-prijoritajiet komuni għas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika f’erba’ oqsma strateġiċi:

  • opportunitajiet ekonomiċi għaż-żgħażagħ
  • il-paċi u s-sigurtà
  • il-mobilità u l-migrazzjoni
  • kooperazzjoni dwar il-governanza

“Kif tafu, l-Unjoni Ewropea hija l-akbar sieħeb tal-Afrika u l-eqreb ġar. L-akbar investitur, l-akbar sieħeb kummerċjali u l-akbar fornitur ta’ għajnuna għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja tagħha, kif ukoll l-akbar kontributur tagħha għall-paċi u s-sigurtà. U dan is-summit wera d-determinazzjoni tagħna li nsaħħu aktar is-sħubija tagħna.”

Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa tas-Summit UA-UE tat-30 ta' Novembru 2017

Il-mexxejja adottaw ukoll dikjarazzjoni konġunta dwar is-sitwazzjoni tal-migranti fil-Libja, li tikkundanna t-trattament inuman tal-migranti u r-refuġjati minn gruppi kriminali.

Ninvestu fiż-żgħażagħ

Waqt is-summit, il-mexxejja Afrikani u tal-UE ffokaw fuq l-investiment fiż-żgħażagħ. Din hija prijorità ewlenija għall-Afrika u għall-UE billi 60 % tal-popolazzjoni Afrikana hija taħt l-età ta' 25 sena.

Il-President Donald Tusk enfasizza x-xewqa komuni li ninvestu fiż-żgħażagħ fil-kumment ta' ftuħ tiegħu waqt is-summit:

"Nixtieq nilqa’ wkoll b’mod speċjali ż-żgħażagħ Afrikani u Ewropej li jinsabu magħna llum. Intom tirrappreżentaw grupp li f’dawn l-aħħar xhur ħadem ħafna. Bir-raġun li tistennew li aħna nagħtukom widen hekk kif niddiskutu l-prijoritajiet u l-azzjonijiet għas-snin li ġejjin, u li ninkludukom fl-implimentazzjoni tagħhom, peress li intom dawk li fil-futur ser tavvanzawhom ’il quddiem. Il-kompitu tagħna bħala mexxejja huwa li nieħdu deċiżjonijiet li jagħmlu l-ġejjieni aktar sikur u aktar għani għaċ-ċittadini kollha tagħna, kemm Afrikani u kif ukoll Ewropej.”

Il-President Donald Tusk fil-ftuħ tal-ħames summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea f'Abidjan

Il-pjan ta' investiment estern tal-UE l-ġdid ġie ppreżentat lill-mexxejja fl-okkażjoni tas-summit. Dan il-pjan ta’ investiment għandu l-għan li jiskatta EUR 44 biljun f’investimenti fl-Afrika sal-2020, biex b’hekk joħloq opportunitajiet ġodda ta’ impjieg għaż-żgħażagħ madwar il-kontinent Afrikan.

Mobilità u migrazzjoni

Il-mexxejja tal-UE u dawk Afrikani qablu li jappoġġaw il-mobilità tal-istudenti, il-persunal u l-akkademiċi madwar il-kontinent Afrikan. Huma qablu wkoll li jtejbu l-programmi ta' skambju bejn l-Afrika u l-Ewropa, bħal ERASMUS+.

Rigward il-migrazzjoni, il-mexxejja ddiskutew kif għandu tiġi indirizzata l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u kif jiġu indirizzati b’mod konġunt il-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari.

Dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, il-mexxejja tal-UE u dawk Afrikani impenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien biex itemmu t-trattament inuman tal-migranti u r-refuġjati f’dan il-pajjiż.

Huma adottaw dikjarazzjoni konġunta, fejn appellaw għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-awturi ta’ dawn ir-reati, ġewwa u barra l-Libja, u biex dawn jitressqu quddiem il-ġustizzja.

"Il-migrazzjoni tolqot b'mod sinifikanti liż-żewġ kontinenti tagħna. Għaldaqstant għandna responsabbiltà konġunta li naċċettawha bħala parti importanti tar-relazzjoni tagħna, li tirrikjedi li aħna naġixxu flimkien. Dan huwa speċjalment minnu fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Libja bl-akbar abbuż ċiniku tal-bnedmin. Ippermettuli nirrepeti l-appell tiegħi biex jiġu imposti sanzjonijiet tan-NU fuq il-faċilitaturi ta’ dħul klandestin u t-traffikanti ta’ bnedmin. U ippermettuli wkoll ngħid li m'aħniex ser inkunu effettivi jekk ma niżgurawx li l-persuni maqbuda fil-Libja u f’pajjiżi oħra jkunu jistgħu jirritornaw lura f'pajjiżhom b'wiċċ il-ġid”

Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa tas-summit UA-UE, 30 ta' Novembru 2017

Fil-marġini tas-summit, l-UE qablet li tistabbilixxi task force konġunta dwar il-migrazzjoni mal-Unjoni Afrikana u n-NU. Din it-task force ser ikollha l-għan li:

  • ssalva u tipproteġi l-ħajjiet ta’ migranti u refuġjati, b’mod partikolari fil-Libja
  • tħaffef ir-ritorn volontarju assistit lejn il-pajjiżi ta’ oriġini
  • tħaffef ir-risistemazzjoni ta’ dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali
L-istorja ta’ 36 żagħżugħ u żagħżugħa mill-Afrika u mill-Ewropa xprunati minn xewqa għal bidla

Avvenimenti sekondarji

Peress li ż-żgħażagħ huma t-tema ċentrali tas-summit, huma kienu involuti b'mod attiv fit-tħejjija għal-laqgħa tal-mexxejja f'Abidjan.

Ir-raba' summit taż-żgħażagħ bejn l-Afrika u l-Ewropa laqqa' flimkien 120 mexxej taż-żgħażagħ f'Abidjan bejn id-9 u l-11 ta' Ottubru. Huma qablu dwar dikjarazzjoni b'rakkomandazzjonijiet għas-summit ta' Novembru.

Abbażi ta' din id-dikjarazzjoni, 36 żagħżugħ miż-żewġ kontinenti komplew b'din il-ħidma permezz tal-inizjattiva "youth plug-in" tal-UA u l-UE.

Mit-12 ta’ Ottubru sad-29 ta’ Novembru, huma żviluppaw aġenda taż-żgħażagħ li ser tiġi ppreżentata lill-mexxejja waqt is-summit. L-aġenda taż-żgħażagħ tippreżenta proposti konkreti f’sitt oqsma ta’ prijorità:

  • l-edukazzjoni u l-ħiliet
  • in-negozju, il-ħolqien tal-impjiegi u l-intraprenditorija
  • il-governanza u l-inklużjoni politika
  • il-paċi u s-sigurtà
  • il-kultura, l-isport u l-arti
  • l-ambjent u t-tibdil fil-klima

Barra minn hekk, fis-27 ta' Novembru f'Abidjan sar is-sitt forum kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika. L-objettiv tiegħu kien li tingħata spinta lill-investiment li jippromovi l-iżvilupp fl-Afrika. L-intraprendituri żgħażagħ u nisa kienu punt fokali għad-diskussjonijiet waqt il-forum kummerċjali.

Il-forum tas-soċjetà ċivili Afrika-UE sar aktar kmieni din is-sena fil-11 u t-13 ta' Lulju f'Tuneż. Din kien it-tielet edizzjoni tal-forum li laqqa' flimkien organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ kontinenti. Huma adottaw dikjarazzjoni li tenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika.

L-UE u l-Afrika f'numri

L-UE u l-istati membri tagħha huma l-akbar kontributur fil-promozzjoni tal-iżvilupp, l-istabbiltà u l-paċi fl-Afrika:

  • €21 biljun f'għajnuna għall-iżvilupp ingħataw lill-Afrika fl-2016 mill-UE u l-istati membri tagħha, l-akbar donaturi ta' għajnuna fil-kontinent
  • €32 biljun ġew investiti fl-Afrika fl-2015 minn kumpaniji tal-UE, li jikkorrispondu għal madwar terz tal-investiment globali barrani dirett fl-Afrika
  • €3.35 biljun huma allokati lill-fond Ewropew għall-iżvilupp sostenibbli, li għandhom jattiraw sa €44 biljun f'investiment
  • 7 missjonijiet ċivili u militari ntbagħtu madwar l-Afrika
  • €1.4 biljun huma impenjati għal programmi edukattivi fl-Afrika mill-2014 sal-2020

Is-Summit preċedenti

Fl-2014, ir-raba' summit UA-UE laqqa' flimkien aktar minn 60 mexxej mill-UE u mill-Afrika biex jiddiskutu l-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika u jsaħħu r-rabtiet bejn iż-żewġ kontinenti.

Ara wkoll