Ir-raba’ pakkett ferrovjarju: It-titjib tal-ferroviji tal-Ewropa

X'inhu r-raba' pakkett ferrovjarju?

Ir-raba' pakkett ferrovjarju għandu l-għan li jitneħħew l-ostakli li għad fadal għall-ħolqien ta' żona ferrovjarja unika Ewropea. Il-leġislazzjoni proposta tirriforma s-settur ferrovjarju tal-UE billi tħeġġeġ il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fis-swieq domestiċi tal-passiġġieri. Timplimenta wkoll riformi strutturali u tekniċi. Ir-riżultat aħħari għandu jkun livelli ogħla ta' sigurtà, interoperabbiltà u affidabbiltà fin-netwerk ferrovjarju Ewropew.

Il-pakkett jikkonsisti minn 6 proposti leġislattivi mill-Kummissjoni. 

Għaliex għandna bżonnu? 

Il-politika tat-Trasport Trans-Ewropew (TEN-T)

Ir-raba' pakkett ferrovjarju jappoġġa l-politika l-ġdida tat-TEN-T tal-UE, imnedija fl-1 ta' Jannar 2014. Jistabbilixxi 9 kurituri prinċipali għan-netwerk tat-trasport fl-UE bil-għan li:

  • ineħħi l-konġestjonijiet
  • jibni konnessjonijiet li għadhom nieqsa bejn il-fruntieri
  • jippromwovi l-integrazzjoni u l-interoperabbiltà bejn mezzi differenti ta' trasport

In-netwerk ferrovjarju Ewropew bħalissa huwa pjuttost frammentat. L-istati membri differenti jużaw standards tas-sigurtà u sistemi tekniċi differenti. Pereżempju, servizzi ferrovjarji li jaqsmu l-fruntieri jkollhom iġibu awtorizzazzjoni minn diversi awtoritajiet nazzjonali differenti u jsegwu diversi sistemi ta' sinjali differenti. Dan jagħmilha komplikata u għalja biex operaturi ferrovjarji ġodda u tagħmir tekniku ġdid jidħlu fis-suq ferrovjarju.

Bit-tneħħija tal-ostakli li għad fadal għaż-żona ferrovjarja unika Ewropea, ir-raba' pakkett ferrovjarju propost ser jgħin biex joħloq settur ferrovjarju aktar kompetittiv, b'konnessjonijiet aħjar bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha.

Il-bidliet jgħinu wkoll biex l-UE tilħaq il-miri għal tnaqqis fl-emissjonijiet u jinkoraġġixxu aktar użu ta' trasport ferrovjarju, kif spjegat fil-White Paper dwar it-Trasport tal-2011 tal-Kummissjoni. 

Fid-dettall

Il-proposti fir-raba' pakkett ferrovjarju għandhom erbgħa għanijiet prinċipali:

  1. Standards u approvazzjonijiet li jaħdmu
    Il-bidliet għandhom l-għan li jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi għall-kumpanniji ferrovjarji u li jagħmluha eħfef għal operaturi ġodda biex jidħlu fis-suq. L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) issir il-post waħdieni fejn jinħarġu awtorizzazzjonijiet għal vetturi u ċertifikati ta' sigurtà għall-operaturi.
  2. Struttura li tipprovdi r-riżultat mixtieq
    Il-bidliet proposti jsaħħu r-rwol tad-diretturi tal-infrastruttura - in-nies responsabbli għat-tħaddim tal-binarji - billi jiżguraw li jkollhom indipendenza operazzjonali u finanzjarja sħiħa mill-operaturi tal-ferroviji. Id-diretturi tal-infrastruttura jikkontrollaw ukoll l-oqsma kollha fil-qalba tan-netwerk ferrovjarju, bħall-ippjanar tal-infrastruttura, it-tfassil ta' skedi, operazzjonijiet u manutenzjoni ta' kuljum .
  3. Ftuħ tas-swieq domestiċi tal-passiġġieri
    Ir-raba' pakkett ferrovjarju jinkludi l-proposta li s-swieq domestiċi tal-passiġġieri jinfetħu għal operaturi u servizzi ġodda minn Diċembru 2019 'il quddiem. Il-kumpanniji jkunu jistgħu jew joffru servizzi li jikkompetu, bħal servizz ferrovjarju ġdid fuq rotta partikolari, jew inkella jikkompetu f'sejħiet ta' offerti għal kuntratti ta' servizzi ferrovjarji pubbliċi. Il-bidliet proposti jagħmluha obbligatorja li kuntratti ta' servizzi ferrovjarji pubbliċi fl-UE jingħataw b'sejħa għal offerti kompetittiva.
  4. Ħaddiema ta' ħila fis-settur ferrovjarju
    Il-proposti jagħrfu l-importanza li jiġbdu ħaddiema kapaċi u motivati lejn is-settur ferrovjarju. B'mod partikolari, il-bidliet jippermettu lill-istati membri jipproteġu lill-ħaddiema aħjar meta kuntratti ta' servizz pubbliku jiġu ttrasferiti għal kuntratturi ġodda.

Il-leġislazzjoni li tittratta dawn il-punti tkopri proposti tekniċi kif ukoll proposti dwar il-governanza u l-ftuħ tas-swieq.

Il-pilastru tekniku jkopri aġġornamenti ta' tliet biċċiet ta' leġislazzjoni eżistenti:

  • proposta għal regolament rivedut dwar l-ERA - 2013/2014(COD)
  • proposta għal direttiva riveduta dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-UE - 2013/0015(COD)
  • proposta li tiġi emendata d-direttiva dwar is-sikurezza ferrovjarja - 2013/0016(COD)

Il-pilastri dwar il-governanza u l-ftuħ tas-swieq ikopru emendi għal 2 biċċiet ta' leġislazzjoni eżistenti u r-revoka ta' biċċa leġislazzjoni waħda oħra:

  • proposta li jiġi emendat ir-regolament dwar il-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri - 2013/0028(COD)
  • proposta li tiġi emendata d-direttiva li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea - 2013/0029(COD)
  • proposta li jiġi revokat ir-regolament dwar ir-regoli għall-istandardizzazzjoni tal-kontijiet tal-impriżi ferrovjarji - 2013/0013(COD)

Ir-rwol tal-Kunsill

Is-sitt proposti fir-raba' pakkett ferrovjarju ser jiġu nnegozjati u adottati permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja. Għalhekk, il-Kunsill jilleġiżla flimkien mal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill diġà adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar it-tliet proposti taħt il-pilastru tekniku fl-10 ta’ Diċembru 2015. Il-Parlament Ewropew issa jeħtieġ li japprovahom formalment fit-tieni qari.

Fil-laqgħa dwar it-TTE fit-8 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali fuq il-proposti dwar il-governanza u l-ftuħ tas-swieq. Il-pass li jmiss huwa n-negozjati fi trilogu mal-Parlament Ewropew.