L-unjoni tas-swieq kapitali hija inizjattiva tal-UE li għandha l-għan li tapprofondixxi u tintegra aktar is-swieq kapitali tat-28 stat membru tal-UE.

L-unjoni tas-swieq kapitali għandha l-għan li:

  • tipprovdi sorsi ġodda ta’ finanzjament għan-negozji, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju
  • tnaqqas l-ispejjeż tal-ġbir tal-kapital
  • iżżid għażliet għal dawk li jfaddlu fl-UE
  • tiffaċilita l-investiment transfruntier u tattira aktar investiment barrani lejn l-UE
  • tappoġġa proġetti fuq perjodu twil
  • tagħmel is-sistema finanzjarja tal-UE aktar stabbli, reżiljenti u kompetittiva

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pjan ta’ azzjoni li fih għadd ta’ passi għal bini gradwali ta’ unjoni tas-swieq kapitali li għandu jitlesta sal-2019. Ħafna mill-azzjonijiet huma ffukati fuq iċ-ċaqliq tal-intermedjazzjoni finanzjarja lejn is-swieq kapitali u biex jingħelbu l-ostakli li qed jimblukkaw l-investimenti transfruntieri.

Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi firxa ta’ għodod, minn atti legali tal-UE għal appoġġ għal inizjattivi mmexxija mill-industrija. Il-proġett jappoġġa u jikkomplementa l-inizjattiva Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, li hija mfassla biex tagħti spinta lill-investiment fl-UE.

Miżuri fuq perjodu qasir fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni:

  • pakkett ta’ żewġ proposti leġislattivi dwar it-titolizzazzjoni
  • reviżjoni tar-regoli eżistenti dwar il-prospetti
  • regoli ġodda dwar Solvibbiltà II biex jiġu applikati għal proġetti ta’ infrastruttura
  • konsultazzjoni dwar bonds koperti
  • konsultazzjoni dwar kapital ta' riskju u fondi ta' intraprenditorija soċjali
  • sejħa għal evidenza dwar l-impatt kumulattiv tar-regoli finanzjarji attwali

Fil-Kunsill

Fl-10 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji laqa’ l-ewwel pakkett ta’ proposti leġislattivi u inizjattivi mill-Kummissjoni Ewropea, ippubblikat fit-30 ta’ Settembru 2015, u enfasizza l-ħtieġa għal aġenda ambizzjuża għal perjodu itwal ta’ żmien. 

Fis-16 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-unjoni tas-swieq kapitali u talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi pjan ta’ azzjoni u pjan direzzjonali inizjali.

Passi li jmiss

Il-Kummissjoni ser tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti. Apparti r-rapporti annwali, fl-2017 il-Kummissjoni ser tħejji rapport komprensiv, li ser iservi bħala bażi biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar kwalunkwe miżura addizzjonali li tista' tkun meħtieġa.