X'qed tagħmel l-UE dwar it-tibdil fil-klima?

It-tibdil fil-klima huwa kwistjoni globali importanti. Mingħajr azzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra, it-tisħin globali x'aktarx ser jeċċedi bi 2°C il-livelli preindustrijali, u saħansitra jista' jkun ukoll 5°C sal-aħħar tas-seklu. Dan ikollu impatt enormi fuq il-pajsaġġ u l-livelli tal-baħar tad-dinja. 

Il-miri 20-20-20

L-ewwel pakkett tal-UE ta' miżuri dwar il-klima u l-enerġija stabbilixxa tliet objettivi ewlenin għall-2020:

  • tnaqqis ta' 20% fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra
  • żieda għal 20% fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli
  • titjib ta' 20% fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

Dawn insibuhom bħala l-'miri 20-20-20'.

Azzjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jitnaqqsu l-gassijiet serra hija għalhekk prijorità għall-UE. B'mod partikolari, il-mexxejja tal-UE impenjaw ruħhom li jittrasformaw l-Ewropa f'ekonomija b'effiċjenza għolja fl-enerġija u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. L-UE stabbilixxiet ukoll għaliha stess il-mira li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra bi 80-95% sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

L-ewwel pakkett tal-UE ta' miżuri dwar il-klima u l-enerġija ġie adottat fl-2008 u stabbilixxa miri għall-2020. L-UE qed tagħmel progress tajjeb fil-kisba ta' dawn il-miri, iżda biex l-investituri jingħataw aktar ċertezza, jeħtieġ qafas integrat li jkopri sal-2030. Għalhekk, l-UE approvat il-qafas għall-klima u l-enerġija sal-2030, li jiddeskrivi għadd ta' miri u miżuri ewlenin ta' politika ġodda għall-perijodu 2020-2030.

L-UE u t-28 stat membru tagħha huma firmatarji kemm tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) kif ukoll tal-Protokoll ta' Kjoto u tal-ftehim il-ġdid ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. 

Ir-rwol tal-Kunsill

Hemm diversi kwistjonijiet li qed jiġu diskussi attwalment fil-qasam tat-tibdil fil-klima, fejn il-Kunsill għandu rwol importanti.

1. Qafas 2030 għall-klima u l-enerġija

Il-qafas għall-klima u l-enerġija sal-2030 jistabbilixxi qafas ta' politika għal-linji ta' politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija fil-perijodu 2020-2030. Fih għadd ta' miżuri u miri biex l-ekonomija u s-sistema tal-enerġija tal-UE jsiru aktar kompetittivi, siguri u sostenibbli. Il-qafas għandu wkoll l-għan li jħeġġeġ investiment f'teknoloġiji ekoloġiċi, li jgħinu biex jinħolqu impjiegi u tissaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa. 

2. EU ETS u r-riforma tagħha

L-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) ġiet stabbilita biex tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mod li jkun ekonomikament effettiv u effiċjenti. Hija tillimita l-volum ta' gassijiet serra li jista' jiġi emess minn ċerti setturi industrijali. Il-kwoti tal-emissjonijiet huma limitati f'livell stabbilit mill-UE, u l-kumpanniji jirċievu jew jixtru kwoti individwali. 

Il-kriżi ekonomika naqqset id-domanda għal dawn il-kwoti, u dan ikkontribwixxa għall-akkumulazzjoni ta' eċċess kbir fis-suq. Biex jindirizzaw dan, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew reċentement adottaw deċiżjoni biex tinħoloq riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-EU ETS. Ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandha l-għan li tirrendi l-iskema aktar reżiljenti għall-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda għall-kwoti ta' emissjonijiet. Hija ser tkun stabbilita fl-2018 u tibda taħdem mill-1 ta’ Jannar 2019 ’il quddiem.

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta għal reviżjoni wiesgħa tal-EU ETS. L-għan huwa sabiex jiġi żgurat li din tibqa’ l-aktar mod effiċjenti u kosteffettiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-UE fl-għaxar snin li ġejjin. Il-proposta hija wkoll l-ewwel pass leġislattiv konkret lejn l-implimentazzjoni tal-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet serra b’mill-inqas 40% sal-2030.

3. Ftehimiet internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

In-natura globali tat-tibdil fil-klima tfisser li l-kooperazzjoni u l-azzjoni fil-livell internazzjonali huma importanti. L-UE għalhekk għenet biex tmexxi 'l quddiem in-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima. Kienet attur ewlieni fl-iżvilupp kemm tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) kif ukoll tal-Protokoll ta' Kjoto u l-aktar reċentement il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.