Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima

Kunsill tal-UE

Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima li ntlaħaq fit-12 ta’ Diċembru 2015 f’Pariġi. Il-ftehim jippreżenta pjan ta’ azzjoni biex jillimita t-tisħin globali 'sew taħt' iż-2°C. Dan ikopri il-perijodu mill-2020 'il quddiem.

  • L-elementi ewlenin tal-Ftehim ta’ Pariġi l-ġdid:
  • l-għan fit-tul: il-gvernijiet qablu li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt iż-2°C 'l fuq mil-livelli preindustrijali u li jwettqu sforzi biex jillimitawha għal 1.5°C
  • il-kontributi: qabel u matul il-konferenza ta’ Pariġi l-pajjiżi ppreżentaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali komprensivi dwar il-klima biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom
  • l-ambizzjoni: il-gvernijiet qablu li kull 5 snin jikkomunikaw dak li jkunu kkontribwew sabiex jistabbilixxu miri aktar ambizzjużi
  • it-trasparenza: huma aċċettaw ukoll li jinfurmaw lil xulxin u lill-pubbliku bil-progress li jkunu qegħdin iwettqu fl-implimentazzjoni tal-miri tagħhom, biex b’hekk jiżguraw it-trasparenza u s-sorveljanza
  • is-solidarjetà: l-UE u pajjiżi żviluppati oħrajn ser jibqgħu jipprovdu finanzjament għall-klima lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kemm biex jgħinuhom inaqqsu l-emissjonijiet kif ukoll biex isiru aktar reżiljenti għall-impatti tat-tibdil fil-klima

It-tibdil fil-klima huwa kwistjoni globali importanti li tolqot lil kulħadd. Din il-kronoloġija ssegwi l-proċess tal-ilħuq ta’ ftehim globali ġdid dwar il-klima li huwa legalment vinkolanti - il-Ftehim ta’ Pariġi u s-segwitu tiegħu. Hija tkopri r-rwol tal-UE f'dan il-proċess.

2016

4 ta’ Novembru

Daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Pariġi

Fl-4 ta’ Novembru 2016, daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Pariġi. Dan seħħ 30 jum wara li ntlaħqu l-kondizzjonijiet fl-4 ta’ Ottubru - ratifika minn tal-inqas 55 pajjiż li jammontaw għal mill-inqas 55% tal-emissjonijiet globali ta’ gass b’effett ta’ serra.

25 ta' Ottubru

L-UE ser iżżid il-kontribuzzjoni tagħha għall-finanzjament internazzjonali għall-klima lejn il-mira ta’ $100 biljun fis-sena stabbilita għall-pajjiżi industrijalizzati sal-2020 u li tibqa’ sejra sal-2025. Qabel l-2025, il-partijiet għall-konvenzjoni qafas tan-NU dwar it-tibdil fil-klima ser jistabbilixxu mira kollettiva ġdida.

B’kollox il-kontribuzzjonijiet mill-UE u l-istati membri tagħha jammontaw għal €17.6 biljun fl-2015, żieda sinifikanti meta mqabbel mal-2014. Il-kontribuzzjonijiet ġew diretti b’suċċess f’inizjattivi ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament tat-tibdil fil-klima f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

Il-kontribuzzjoni titqies bħala pass importanti lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi.

11 ta' Ottubru

Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji adotta konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-finanzjament għall-klima. Il-Kunsill enfasizza li l-finanzjament pubbliku jibqa' importanti biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima. Il-ministri kkonfermaw ukoll li fis-snin li ġejjin ser jikbru l-ammonti ta’ finanzjament pubbliku għall-klima. Qabel il-laqgħa tal-COP22 ser jitħabbru l-kontribuzzjonijiet tal-istati membri.

7 ta’ Ottubru

Id-depożitu tal-istrumenti tal-Ftehim ta’ Pariġi

L-UE tiċċelebra d-depożitu tal-istrumenti tal-Ftehim ta’ Pariġi waqt ċerimonja uffiċjali fil-kwartieri ġenerali tan-NU fi New York.

5 ta' Ottubru

L-UE tirratifika uffiċjalment il-Ftehim ta’ Pariġi

Ir-rappreżentanti tal-presidenza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea ddepożitaw id-dokumenti uffiċjali għar-ratifika mas-Segretarju Ġenerali tan-NU, li huwa d-depożitarju tal-ftehim.

4 ta' Ottubru

Il-Kunsill adotta d-deċiżjoni dwar ir-ratifika mill-UE tal-Ftehim ta’ Pariġi. Id-deċiżjoni ser tiġi ddepożitata fil-jiem li ġejjin għand is-Segretarju Ġenerali tan-NU. Ir-ratifika mill-UE ssir effettiva mill-mument li fih id-deċiżjoni tiġi ddepożitata.

30 ta’ Settembru

Il-Kunsill Ambjent iddeċieda li jipproċedi bir-ratifika fuq il-livell tal-UE. L-istati membri ser jirratifikaw flimkien mal-UE, jekk ikunu lestew il-proċeduri nazzjonali tagħhom, jew malajr kemm jista’ jkun wara.

Ladarba l-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu, id-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiġi adottata formalment mill-Kunsill. L-UE tkun imbagħad tista’ tirratifika l-ftehim.

20 ta' Ġunju

Il-Kunsill Ambjent adotta dikjarazzjoni dwar ir-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi. L-objettiv kien li jagħti messaġġ politiku qawwi u ċar dwar l-impenn tal-UE li żżomm il-momentum ta’ Pariġi u li taħdem favur id-dħul fis-seħħ bikri u l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta’ Pariġi.

22 ta’ April

L-iffirmar tal-ftehim ta’ Pariġi

L-UE tiffirma l-ftehim ta’ Pariġi.

Il-Ministru Netherlandiż għall-Ambjent u l-President tal-Kunsill Sharon Dijksma u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič jiffirmaw il-ftehim f’isem l-UE, f’ċerimonja ta’ livell għoli fi New York (Stati Uniti).

Minn issa ’l quddiem id-dokument huwa miftuħ għall-iffirmar għal sena sħiħa.

17-18 ta' Marzu

Il-Kunsill Ewropew issottolinja l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha jkunu jistgħu jirratifikaw il-Ftehim ta’ Pariġi kemm jista’ jkun malajr u fil-ħin biex ikunu partijiet għalih mill-ġurnata tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Huwa enfasizza l-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra lokalment u li żżid is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli u ttejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif maqbul mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2014. L-adattament tal-leġislazzjoni għall-implimentazzjoni ta' dan il-qafas huwa prijorità.

4 ta’ Marzu

Waqt il-Kunsill Ambjent, il-ministri ddiskutew s-segwitu għall-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-politika tal-UE dwar il-klima.

Implimentazzjoni f'waqtha tal-qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija għall-2030 tqieset bħala sinjal importanti tal-impenn tal-UE lejn l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi. Il-ministri enfasizzaw ukoll ir-rilevanza ta’ ratifika rapida tal-ftehim.

15 ta' Frar

Il-Kunsill Affarijiet Barranin adotta konklużjonijiet dwar id-diplomazija klimatika Ewropea wara l-COP21 Il-Kunsill enfasizza r-rwol tad-diplomazija klimatika Ewropea fl-inkoraġġiment tal-implimentazzjoni tal-ftehim globali ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima li ntlaħaq f’Diċembru 2015. 

Il-pjan ta’ azzjoni għad-diplomazija klimatika fl-2016 jiffoka fuq tliet oqsma ewlenin:

  • il-promozzjoni tat-tibdil fil-klima bħala prijorità strateġika fid-djalogi diplomatiċi, id-diplomazija pubblika u l-istrumenti tal-politika esterna
  • l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ Pariġi u l-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali fil-kuntest ta' żvilupp b’emissjonijiet baxxi u li jiflaħ għat-tibdil fil-klima
  • l-indirizzar tar-rabta bejn it-tibdil fil-klima, ir-riżorsi naturali, il-prosperità, l-istabilità u l-migrazzjoni

2015

17-18 ta' Diċembru

Il-mexxejja tal-UE laqgħu l-ftehim storiku dwar il-klima li ġie maqbul fil-COP21 f’Pariġi, u stiednu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jivvalutaw ir-riżultati sa Marzu 2016, b'mod partikolari fid-dawl tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u biex iħejju l-passi li jmiss.

12 ta' Diċembru

Il-Ftehim ta' Pariġi milħuq

Fit-12 ta' Diċembru ntlaħaq ftehim globali ġdid dwar it-tibdil fil-klima. Il-ftehim jirrappreżenta riżultat bilanċjat bi pjan ta' azzjoni biex jiġi limitat t-tisħin globali għal 'sew taħt' iż-2°C u biex isiru sforzi biex jiġi limitat għal 1.5°C.

Il-Ftehim ta' Pariġi ser ikun miftuħ għall-iffirmar għal sena sħiħa li tibda mit-22 ta' April 2016 fi New York.

Huwa jkopri l-perjodu mill-2020 'il quddiem u ser jidħol fis-seħħ ladarba jkunu rratifikawh il-55 pajjiż li huma responsabbli għal mill-inqas 55% tal-emissjonijiet globali.

30 ta' Novembru - 11 ta' Diċembru

Il-konferenza ta' Pariġi dwar il-klima COP 21

Il-konferenza ta' Pariġi dwar il-klima kienet mit-30 ta’ Novembru sat-12 ta’ Diċembru 2015. Kienet il-21 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-11-il sessjoni tal-laqgħa tal-partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto (CMP 11). Delegazzjonijiet minn madwar 150 pajjiż issieħbu f'negozjati għal ftehim ġdid globali u li jorbot legalment dwar it-tibdil fil-klima.

10 ta' Novembru

Meta ltaqa' fl-10 ta’ Novembru 2015, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji adotta konklużjonijiet dwar il-finanzjament għall-klima. Il-konklużjonijiet irrikonoxxew ir-rwol tal-finanzjament għall-klima bħala mezz sabiex tinkiseb il-mira ta' tisħin globali ta' inqas minn 2°C, kif ukoll it-trasformazzjoni għal ekonomiji sostenibbli li jifilħu għat-tibdil fil-klima u b'emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra. Huma ffukaw ukoll fuq il-kontribuzzjonijiet tal-UE għall-finanzjament għall-klima ta' madwar $100 biljun fis-sena minn firxa wiesgħa ta’ sorsi mwiegħda mill-pajjiżi żviluppati sal-2020. Il-ministri qablu li jkunu meħtieġa riżorsi sostanzjali biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw it-tibdil fil-klima b'mod adegwat.

18 ta’ Settembru

Il-Kunsill Ambjent adotta konklużjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-UE għall-konferenza tan-NU f'Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Il-ministri qablu li l-għan tal-UE ser ikun li tilħaq ftehim ambizzjuż, legalment vinkolanti u dinamiku, bl-objettiv li t-tisħin globali jinżamm taħt iż-2°C.

Sabiex jinkiseb dan l-objettiv, il-Kunsill saħaq li jeħtieġ li l-emissjonijiet globali ta' gass b'effett ta' serra jilħqu l-quċċata tagħhom sa mhux aktar tard mill-2020, jitnaqqsu b'mhux anqas minn 50% sal-2050 meta mqabbla mal-1990, u jkunu qrib jew taħt iż-żero sal-2100.

6 ta’ Marzu

Qabel il-konferenza ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, l-UE ppreżentat il-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali (INDC) tagħha lis-segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC). L-INDC tal-UE jesprimi l-impenn tal-UE għall-proċess ta’ negozjar lejn ftehim ġdid u legalment vinkolanti dwar it-tibdil fil-klima bl-objettiv li t-tisħin globali jinżamm taħt iż-2 °C. Ġiet kkonfermata wkoll il-mira vinkolanti ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990, kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2014.

2014

23 ta' Ottubru

Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030

Il-mexxejja tal-UE qablu dwar il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030. Il-Kunsill Ewropew approva 4 miri:

  • mira vinkolanti tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra b'40% sal-2030, meta mqabbla mal-1990
  • mira ta' mill-inqas 27% għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata fl-2030
  • titjib ta' 27% fl-effiċjenza enerġetika meta mqabbla mal-projezzjonijiet
  • it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija bil-kisba ta' mira minima ta' 10% tal-interkonnessjonijiet tal-elettriku eżistenti sal-2020, tal-inqas fir-rigward tal-gżejjer tal-enerġija - b’mod partikolari, l-istati Baltiċi u l-Peniżola Iberika