Kooperazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża

Kunsill tal-UE

Fis-Summit ta' Bratislava ta' Settembru 2016, is-27 mexxej tal-UE ddeċidew li jagħtu spinta ġdida lis-sigurtà esterna u d-difiża tal-Ewropa: f'ambjent ġeopolitiku diffiċli, il-kooperazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà esterna u d-difiża ser jissaħħu.

Huma ffissaw il-mira tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru li jiddeċiedu dwar pjan ta' implimentazzjoni konkret dwar is-sigurtà u d-difiża u dwar kif isir użu aħjar mill-għażliet fit-Trattati, speċjalment rigward il-kapaċitajiet, u ddeċidew li jibdew jimplimentaw minnufih id-dikjarazzjoni konġunta man-NATO.

Biex iwettaq dan l-impenn, fil-laqgħa tiegħu ta’ Diċembru, il-Kunsill Ewropew iddiskuta pakkett dwar is-sigurtà u d-difiża li kien jikkonsisti minn tliet elementi:

  • il-pjan ta' implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża
  • proposti biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, b'implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg fis-7 oqsma tagħha
  • il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża propost mill-Kummissjoni Ewropea, biex jiżdiedu r-riċerka u l-kapaċitajiet, kif ukoll il-kompetittività permezz ta’ suq intern li jiffunzjona aħjar

2017

19 ta' Ġunju

Il-Kunsill jilqa’ l-progress li sar fil-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO

Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO mad-Deputat Segretarju Ġenerali tan-NATO Rose Gottemoeller. Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq rapport ta' progress konġunt mir-Rappreżentant Għoli tal-UE u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO. Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-rapport, u laqa’ b’sodisfazzjon il-progress fl-implimentazzjoni tas-sett komuni ta’ proposti u jappella għal aktar passi fl-istess direzzjoni.

8 ta' Ġunju

Il-Kunsill jistabbilixxi Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija

Il-Kunsill adotta d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kapaċità militari tal-ippjanar u t-tmexxija (MPCC) fi ħdan l-istat maġġur tal-UE.

L-MPCC ser ittejjeb l-istrutturi tal-UE għall-maniġġar tal-kriżijiet. Hija ser tieħu l-kmand ta’ missjonijiet militari mhux eżekuttivi tal-UE (bħalissa, il-missjonijiet ta’ taħriġ militari tal-UE fis-Somalja, fl-Afrika Ċentrali u fil-Mali).

B'hekk, il-membri tal-persunal tal-missjoni fuq il-post ser ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq l-attivitajiet speċifiċi tal-missjoni tagħhom, b’appoġġ aħjar ipprovdut minn Brussell.

18 ta' Mejju

Strateġija Globali tal-UE: Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sigurtà u d-difiża

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar is-sigurtà u d-difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE. Il-konklużjonijiet iqisu l-progress fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, u jipprovdu gwida għal aktar ħidma.

L-oqsma koperti jinkludu:

  • it-titjib tal-istrutturi ta' maniġġar ta' kriżijiet tal-PSDK, b'mod partikolari l-istabbiliment ta' kapaċità ta' ppjanar u kondotta militari
  • it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-PSDK mal-pajjiżi sħab
  • it-tisħiħ tal-kapaċità għas-sigurtà u l-iżvilupp
  • l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ċivili u t-tisħiħ tar-rispons tal-maniġġar ċivili ta' kriżijiet
  • it-tisħiħ tar-rispons rapidu militari
  • l-approfondiment tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża

18 ta' Mejju

Il-Kunsill iddiskuta l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg

Il-Ministri għad-difiża evalwaw il-kooperazzjoni, b'mod partikolari s-sett komuni ta' 42 proposta fis-seba' oqsma identifikati fid-Dikjarazzjoni Konġunta mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO.

Huma laqgħu l-progress li sar f'bosta oqsma, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u kif ukoll fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-komunikazzjoni strateġika u l-kooperazzjoni marittima.

2016

15 ta' Diċembru

Il-Kunsill Ewropew saħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu s-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa

Il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-Unjoni Ewropea 2015-2020. Huwa indirizza t-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tas-sigurtà esterna u d-difiża u kkonċentra fuq it-tliet prijoritajiet:

  • l-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża
  • il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża
  • l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti li jsegwu d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO ffirmata f'Varsavja f'Lulju 2016

6 ta' Diċembru

Sett komuni ta' proposti biex tiġi implimentata d-dikjarazzjoni konġunta UE-NATO

Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO, fejn approva 40 proposta fis-7 oqsma. Dawn il-proposti qed jiġu approvati fl-istess jum mill-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana.

30 ta' Novembru

Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea

Fond Ewropew għad-Difiża u azzjonijiet oħra għandhom l-għan li jappoġġaw infiq aktar effiċjenti mill-istati membri f'kapaċitajiet ta’ difiża konġunta, isaħħu s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u joħolqu bażi industrijali kompetittiva u innovattiva.

14 ta' Novembru

Pjan ta' implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża

Il-ministri tal-UE għall-affarijiet barranin u d-difiża jiddiskutu l-pjan ta' implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża skont l-istrateġija globali tal-UE. Huma jistabbilixxu l-livell ta' ambizzjoni u t-triq 'il quddiem dwar l-iżvilupp futur tal-politika tal-UE ta' sigurtà u difiża.

8 ta’ Lulju

Iffirmar tad-dikjarazzjoni konġunta UE-NATO

Fis-Summit tan-NATO f’Varsavja, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO jiffirmaw dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO.

Id-dikjarazzjoni għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fi żmien ta’ sfidi għas-sigurtà mingħajr preċedent mil-Lvant u n-Nofsinhar.

28 ta' Ġunju

Preżentazzjoni tal-istrateġija globali tal-Unjoni Ewropea

Ir-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini tippreżenta l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà lill-mexxejja tal-UE, li ltaqgħu fi Brussell fis-summit tal-UE.

F'Ġunju 2015, ir-Rappreżentant Għoli ngħatat l-mandat li tħejji l-istrateġija l-ġdida mill-Kunsill Ewropew. L-istrateġija, bit-titlu "Viżjoni kondiviża, azzjoni komuni: Ewropa aktar b'saħħitha" tirrifletti l-fehmiet kollettivi espressi fil-proċess u toffri viżjoni strateġika għar-rwol globali tal-UE. F'dan iż-żmien ta' sfida, kemm għall-Ewropa kif ukoll għad-dinja, l-istrateġija tenfasizza bażi komuni u tippreżenta t-triq 'il quddiem.

2013

20 ta' Diċembru

Ġew stabbiliti azzjonijiet ta’ prijorità għad-difiża

Għall-ewwel darba mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill Ewropew jiddiskuti d-difiża u jidentifika azzjonijiet ta’ prijorità għal kooperazzjoni msaħħa:

  • żieda fl-effettività, il-viżibbiltà u l-impatt tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni
  • titjib fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet
  • tisħiħ tal-industrija tad-difiża tal-Ewropa

2009

1 ta' Diċembru

It-Trattat ta' Lisbona jidħol fis-seħħ. Il-PSDK hija s-suċċessur tal-PESD

It-Trattat ta’ Lisbona, iffirmat fl-2007, jidħol fis-seħħ, filwaqt li l-PESD bdiet tissejjaħ il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK). Huwa jipprevedi l-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Id-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f’pajjiżi barra l-UE jsiru delegazzjonijiet tal-UE.

2004

12 ta' Lulju

Ħolqien tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża

L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tiġi stabbilita biex tappoġġa lill-istati membri u lill-Kunsill Ewropew biex itejbu l-kapaċitajiet ta’ difiża Ewropej fil-qasam tal-immaniġġar ta’ kriżijiet u ssostni l-PSDK.

2003

12-13 ta' Diċembru

Adozzjoni ta' Strateġija Ewropea ta' Sigurtà

Is-summit ta' Brussell jadotta Strateġija Ewropea ta' Sigurtà. L-għan tad-dokument huwa li jkun hemm Ewropa sikura f'dinja aħjar, li jidentifika t-theddidiet li qed tiffaċċa l-UE, li jiddefinixxi l-objettivi strateġiċi tagħha u li jistabbilixxi l-implikazzjonijiet politiċi għall-Ewropa.

2002

16 ta' Diċembru

Iffirmar ta' Berlin Plus

Ġie ffirmat l-arranġament 'Berlin Plus', li jippermetti l-użu ta' strutturi, mekkaniżmi u assi tan-NATO fit-twettiq ta' missjonijiet tal-PSDK.

1999

3-4 ta' Ġunju

Tnedija tal-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (PESD)

Fil-Kunsill Ewropew ta' Cologne, l-UE15 jiddeċiedu li jirrinfurzaw il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni.

1991

9-10 ta' Diċembru

Jitqiegħdu s-sisien tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

Il-Kunsill Ewropew f'Maastricht qiegħed is-sisien għal Unjoni politika bil-ħolqien ta' Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u għall-bidu ta' politika ta' difiża komuni, bħala t-tieni pilastru tat-Trattat ta' Maastricht.

It-test ġie ffirmat fi Frar 1992 u daħal fis-seħħ f'Novembru 1993.