Suq uniku diġitali għall-Ewropa

X’inhi l-istrateġija għas-suq uniku diġitali?

L-istrateġija hi l-pjan tal-UE biex jinħoloq suq uniku diġitali ħieles u sigur li fih in-nies ikunu jistgħu jixtru online lil hinn mill-fruntieri u n-negozji jkunu jistgħu jbiegħu kullimkien fl-UE, ikunu fejn ikunu fl-UE. Din għandha l-għan li tespandi l-ekonomija diġitali tal-UE biex toffri servizzi aħjar lill-konsumaturi bi prezzijiet aħjar u biex tgħin lin-negozji jikbru.

L-istrateġija, li ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni fis-6 ta' Mejju 2015, għandha tliet objettivi:

  • li jsir iktar faċli għall-konsumaturi u n-negozji li jkollhom aċċess online għal prodotti u servizzi madwar l-Ewropa
  • li jitjiebu l-kondizzjonijiet biex in-netwerks u s-servizzi diġitali jikbru u jirnexxu
  • li jissaħħaħ it-tkabbir tal-ekonomija diġitali Ewropea

Għalfejn għandna bżonnha?

Iċ-ċittadini Ewropej iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet meta jużaw servizzi u għodod online. Is-swieq online għadhom fil-biċċa l-kbira domestiċi: 15% biss taċ-ċittadini jagħmlu xiri online minn pajjiż ieħor tal-UE u huma biss 7% min-negozji ż-żgħar u ta' daqs medju li jbiegħu f'pajjiż ieħor tal-UE.

L-ostakli regolatorji persistenti u l-frammentazzjoni tas-suq iwasslu biex iċ-ċittadini jitilfu l-opportunità li jakkwistaw prodotti u servizzi u jxekklu t-tkabbir tan-negozji.

Skont il-Kummissjoni, suq uniku diġitali li jaħdem b'mod sħiħ jista' jżid sa €415 biljun għall-ekonomija tal-UE fis-sena. Biex jiġi sfruttat dan il-potenzjal, l-UE qed tippjana riformi kbar, li jvarjaw minn qafas ġdid dwar id-drittijiet tal-awtur għall-konsenja ta' pakketti u telekomunikazzjoni.

Fid-dettall

Suq uniku diġitali għall-Ewropa - COM (2015) 192

L-istrateġija tal-Kummissjoni għas-suq uniku diġitali tinkludi għadd ta’ miżuri leġislattivi u mhux leġislattivi li ser jiġu ppreżentati fl-2015 u fl-2016. Dawn jinqasmu fi tliet 'pilastri':

  • aċċess aħjar għal prodotti u servizzi online
  • kondizzjonijiet aħjar biex in-netwerks u s-servizzi diġitali jikbru u jirnexxu
  • li jissaħħaħ it-tkabbir tal-ekonomija diġitali Ewropea

1. Aċċess aħjar għal prodotti u servizzi online

Riforma tar-regoli għal bejgħ transfruntier online

Dan jinkludi proposta tal-Kummissjoni biex tarmonizza r-regoli tal-UE għal xiri ta' kontenut diġitali, bħal apps jew kotba elettroniċi, id-drittijiet tal-UE għal bejgħ online transfruntier ta' oġġetti fiżiċi u għal titjib tad-drittijiet tal-konsumaturi.

Titjib fil-konsenji transfruntieri tal-pakketti

Dan ser jinkludi miżuri li għandhom l-għan li jtejbu t-trasparenza tal-prezzijiet u s-sorveljanza regolatorja tas-suq transfruntier tal-pakketti.

Jintemm l-'imblokkar ġeografiku'

Il-Kummissjoni pproponiet abbozz ta' regolament biex jintemm l-hekk imsejjaħ 'imblokkar ġeografiku' - li jċaħħad l-aċċess għal websites ibbażati f'pajjiż ieħor tal-UE jew jitlob prezzijiet differenti skont fejn ikun jinsab il-klijent.

Riforma tal-liġi Ewropea dwar id-drittijiet tal-awtur

Il-Kummissjoni ser tipproponi miżuri li jiżguraw li s-servizzi li jipprovdu kontenut, bħas-servizzi video, jistgħu jintużaw lil hinn mill-fruntieri. Dan ifisser li l-persuni li jkunu xtraw xi film jew mużika minn darhom ikunu jistgħu jgawduha meta jivvjaġġaw madwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni ser iżżid ukoll l-isforzi tagħha kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Eliminazzjoni ta' burokrazija żejda b'rabta mal-VAT

Dan jinkludi miżuri biex il-bejjiegħa ta’ oġġetti fiżiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn reġistrazzjoni u ħlas elettroniċi uniċi, u l-introduzzjoni ta’ limitu komuni tal-VAT biex in-negożji ġodda jingħataw għajnuna biex ikollhom preżenza online.

2. Kondizzjonijiet aħjar biex in-netwerks u s-servizzi diġitali jkunu jistgħu jikbru u jirnexxu

Riforma tar-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni

Din tinkludi miżuri li ser tipproponi l-Kummissjoni:

  • biex tiffaċilita l-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-ispettru
  • biex tinkoraġġixxi l-investiment fi broadband b'veloċità għolja
  • biex ittejjeb il-qafas istituzzjonali regolatorju

Rieżami tar-regoli għall-media awdjoviżiva

Dan ser jinkludi rieżami tad-direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva, miżuri għall-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u r-regoli għall-protezzjoni ta' minorenni u r-reklamar.

Valutazzjoni tar-rwol tal-pjattaformi online

Dan ser jinvolvi valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fir-riżultati tat-tiftix, l-użu li jagħmlu l-pjattaformi online mill-informazzjoni li jiġbru, ir-relazzjonijiet bejn il-pjattaformi u l-fornituri, u restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tan-nies li jaqilbu minn pjattaforma għal oħra.

Ser issir ukoll analiżi tal-modi kif jiġi indirizzat il-kontenut illegali fuq l-internet.

Tisħiħ tal-fiduċja fit-trattament ta' data personali mis-servizzi diġitali

Dan jinkludi rieżami possibbli tad-direttiva dwar il-privatezza elettronika, li bħalissa tapplika biss għall-kumpaniji tradizzjonali tat-telekomunikazzjoni u ma tkoprix fornituri oħra ta’ servizzi diġitali. Ir-rieżami tal-Kummissjoni ser jitwettaq wara d-dħul fis-seħħ ta’ regoli ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

Dan ser jinkludi wkoll l-istabbiliment ta' sħubija pubblika-privata dwar iċ-ċibersigurtà.

3. Tingħata spinta lit-tkabbir tal-ekonomija diġitali Ewropea

Bini ta' ekonomija xprunata mid-data

Il-Kummissjoni ser tippreżenta:

  • inizjattiva Ewropea ta’ ‘ċirkolazzjoni libera ta' data’ sabiex jitneħħew l-ostakli li mhumiex relatati mal-protezzjoni tad-data personali li jfixklu l-moviment liberu ta’ data madwar l-UE
  • inizjattiva Ewropea dwar il-cloud computing, inkluż iċ-ċertifikazzjoni tas-servizzi cloud

Definizzjoni ta' prijoritajiet għal standards u interoperabbiltà

Din ser tiffoka fuq l-oqsma meqjusa bħala ta' importanza kritika għas-suq uniku diġitali, bħas-saħħa elettronika, l-ippjanar tal-vjaġġi, it-trasport elettroniku tal-merkanzija jew il-kejl intelliġenti tal-enerġija.

Bini ta' suq uniku diġitali inklużiv

Dan ser jinkludi miżuri biex tingħata spinta lill-ħiliet diġitali tan-nies, li ser jiġu inkorporati mill-Kummissjoni f’inizjattivi futuri dwar il-ħiliet u t-taħriġ.

Ser jinkludi wkoll pjan ta’ azzjoni ġdid dwar il-gvern elettroniku għall-2016-2020. Bħala parti minn dan, il-Kummissjoni ser:

  • tniedi proġett pilota li jittestja l-prinċipju ta' 'darba biss', li jiżgura li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkondividu ċerta data internament sabiex ma jkunx hemm għalfejn issir talba oħra meta jkollhom bżonn jerġgħu jagħmlu użu minnha
  • tfittex li toħloq interkonnessjoni bejn ir-reġistri kummerċjali madwar l-UE
  • ikollha l-għan li toħloq "portal diġitali uniku" billi tintegra diversi portali u servizzi Ewropej eżistenti

Fil-Kunsill Ewropew

Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2013, il-mexxejja tal-UE appellaw għal suq uniku diġitali faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi u għan-negozji. Huma qalu li dan kien essenzjali għat-tkabbir u l-kompetittività Ewropea f'dinja globalizzata.

Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu f'Ġunju 2014 tenna li t-tlestija tas-suq uniku diġitali fl-2015 kienet waħda mill-prijoritajiet tal-UE.

Fil-laqgħa tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta komunikazzjoni ambizzjuża dwar is-suq uniku diġitali qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2015.

Fil-laqgħa tagħhom tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015, il-mexxejja tal-UE appoġġaw l-istrateġija u qalu li għandha tintuża biex jiġi promoss tkabbir inklużiv f'kull reġjun tal-UE. Huma ħeġġew li tittieħed azzjoni biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq, biex tinbena l-infrastruttura diġitali meħtieġa u biex tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea. Għamlu wkoll appell għal adozzjoni rapida ta' regoli ġodda dwar it-telekomunikazzjoni, iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data.

Fil-Kunsill

Il-ministri għall-kultura kellhom l-ewwel skambju ta’ fehmiet dwar l-aspetti awdjoviżivi tal-istrateġija fit-18 u d-19 ta’ Mejju 2015. Huma appoġġaw il-portabbiltà transfruntiera tal-kontenut, il-ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-ħtieġa li jinstab il-bilanċ adatt b'rabta mad-drittijiet tal-awtur. Iddikjaraw ukoll li l-prinċipju tat-territorjalità huwa importanti għall-ħolqien tal-kontenut, li jfisser li l-imblukkar ġeografiku għandu jitnaqqas, iżda xi drabi jista' jkun ġustifikat.

Il-ministri qablu li d-direttiva eżistenti dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva għandha tiġi adattata għal bidliet teknoloġiċi. Dan ir-rieżami għandu:

  • jiggarantixxi l-libertà tal-media u l-promozzjoni tad-diversità kulturali
  • iżomm il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini (kull fornitur tas-servizzi tal-media awdjoviżiva jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ stat membru wieħed biss)
  • jissimplifika l-proċedura li jsegwu l-istati membri meta jkunu l-mira ta’ kontenut mhux aċċettabbli li jkun ġej minn stat membru ieħor

Il-ministri għall-kompetittività mlaqqgħin fil-Kunsill kellhom l-ewwel skambju ta' fehmiet dwar l-Istrateġija fit-28 u d-29 ta' Mejju 2015. Huma qablu li l-istrateġija tkopri l-aktar aspetti importanti għall-bini tas-suq uniku diġitali. Enfasizzaw l-importanza li jinħolqu regoli dwar id-drittijiet tal-awtur li huma adattati għall-iskop, li jiġu aġġornati r-regoli dwar il-kummerċ elettroniku, li jissaħħu l-fiduċja, l-għarfien u l-protezzjoni tal-konsumaturi u insistew fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex jissaħħu r-regoli dwar il-ħiliet diġitali u l-protezzjoni tad-data.

Identifikaw ukoll għadd ta’ azzjonijiet ta’ prijorità:

  • li jinħolqu l-kondizzjonijiet adatti għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju, speċjalment in-negozji l-ġodda
  • li tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea
  • li tiġi applikata u estiża l-governanza elettronika fl-amministrazzjoni pubblika
  • li jiżdiedu l-investimenti fl-infrastruttura u n-netwerks diġitali
  • li jiġi vvalutat l-impatt tar-regoli fiskali fuq l-għodod diġitali
  • li jiġi kkunsidrat li kull leġislazzjoni ġdida tal-UE tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' 'awtomatikament diġitali'

Il-ministri appoġġaw ukoll il-ħolqien ta' aġenda Ewropea għal xjenza miftuħa, li tippermetti aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet tar-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku u data relatata. Huma qalu li r-riċerka għandu jkollha rwol aktar importanti fl-istrateġija għas-suq diġitali u li tikkontribwixxi għall-innovazzjoni diġitali.

Il-ministri għat-telekomunikazzjoni ddiskutew ukoll l-istrateġija għas-suq uniku diġitali f’laqgħa tal-Kunsill TTE fil-11 u t-12 ta’ Ġunju 2015. Huma laqgħu l-objettivi tagħha u tennew l-importanza ta’ ekonomija diġitalizzata li tippromwovi l-impjiegi u t-tkabbir u ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE.

Il-kwistjonijiet enfasizzati mill-ministri inkludew:

  • ir-rwol tad-diġitalizzazzjoni biex tistimula l-intraprenditorija u t-tkabbir tal-SMEs
  • il-ħtieġa li tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà u li tinbena l-fiduċja fis-servizzi elettroniċi
  • il-ħtieġa ta' infrastruttura aħjar u ta' titjib fl-aċċess għall-broadband għaċ-ċittadini kollha
  • il-ħtieġa li l-prezzijiet għall-konsenji tal-pakketti jsiru aktar trasparenti madwar l-UE

Il-ministri ssottolinjaw ukoll li għandu jkun hemm koordinazzjoni tajba fil-livell nazzjonali biex ikun żgurat li l-istrateġija tiġi implimentata b'mod effettiv.

Fil-15 ta' Ġunju 2015, il-ministri għall-ġustizzja laħqu approċċ ġenerali dwar ir-regolament dwar il-protezzjoni tad-data. Dan ippermetta li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jibdew bin-negozjati. Ir-regolament ser itejjeb il-protezzjoni tad-data personali, filwaqt li jtejjeb l-opportunitajiet għan-negozji fis-suq uniku diġitali.

F'Mejju tal-2016, il-Kunsill Kompetittività qabel dwar il-prinċipji ewlenin biex tiġi żgurata l-portabbiltà tas-servizzi ta' kontenut online fis-suq intern. Il-qbil ippermetta lill-Kunsill jibda negozjati mal-Parlament Ewropew.

Huma adottaw ukoll konklużjonijiet dwar teknoloġiji tas-suq uniku diġitali u l-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi.

Fit-28 ta' Novembru 2016, il-Kunsill Kompetittività qabel dwar abbozz ta' regolament biex jiġi pprojbit l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat bejn l-istati membri. L-għan ewlieni tal-proposta huwa li tipprevjeni d-diskriminazzjoni għall-konsumaturi jew il-kumpaniji fir-rigward tal-aċċess għall-prezzijiet, il-bejgħ jew il-kondizzjonijiet ta' pagament meta jinxtraw prodotti jew servizzi f'pajjiż ieħor tal-UE.

Ladarba l-Parlament Ewropew jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu, ser jibdew negozjati bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni.

Fis-7 ta' Frar 2017, il-Presidenza Maltija laħqet qbil proviżorju mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew biex jitneħħew l-ostakli għall-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern. L-ambaxxaturi tal-UE approvaw il-qbil fil-15 ta' Frar. Wara l-approvazzjoni formali ta' dan ir-regolament mill-Kunsill u l-Parlament, ir-regoli l-ġodda ser jibdew japplikaw fl-ewwel semestru tal-2018 (disa' xhur wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE). Huwa ser jippermetti li l-konsumaturi li jkunu xtraw jew abbonaw għal servizzi ta' kontenut online f'pajjiżhom, ikollhom aċċess għalih meta jkunu temporanjament f'pajjiż ieħor fl-UE.

Fl-20 ta' Frar 2017, il-Kunsill laħaq qbil dwar approċċ ġenerali biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi. L-objettiv tal-proposta huwa l-immodernizzar tal-kooperazzjoni biex tkompli titnaqqas il-ħsara kkawżata lill-konsumaturi minn ksur transkonfinali tal-liġi tal-konsumatur tal-UE.

L-approċċ ġenerali jippermetti lill-Kunsill biex jibda d-diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew fil-qafas tal-proċedura leġislattiva ordinarja tal-UE.