Ara l-kontenut
Abbonament bl-email

Sħubija tal-Lvant

Ħarsa ġenerali

Is-Sħubija tal-Lvant hija maħsuba biex issaħħaħ l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika mal-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna

Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Georgia

L-UE tirrikonoxxi r-rwol minn ta’ quddiem nett tal-Georgia fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant

Relazzjonijiet tal-UE mal-Belarussja

L-UE qed tapprofondixxi, f’passi reċiproċi meqjusa b'attenzjoni, l-involviment kritiku tagħha mal-Belarussja

Relazzjonijiet tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova

Fl-2014 sar progress konsiderevoli fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-viża u l-ftehim ta’ assoċjazzjoni

Relazzjonijiet tal-UE mal-Armenja

L-UE u l-Armenja qegħdin jagħmlu progress tajjeb lejn kooperazzjoni approfondita fi ħdan il-qafas tas-sħubija

Relazzjonijiet tal-UE mal-Ażerbajġan

L-UE qed tiddiskuti relazzjoni aktar mill-qrib mal-Ażerbajġan

Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Ukrajna

L-Ukrajna għamlet progress fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea filwaqt li l-UE kabbret il-programm ta’ appoġġ tagħha għall-pajjiż

X’inhi s-Sħubija tal-Lvant?

Is-Sħubija tal-Lvant għandha l-għan li ssaħħaħ l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika ta’ sitt pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu tan-Nofsinhar:

  • l-Armenja
  • l-Ażerbajġan
  • il-Belarussja
  • il-Georgia
  • ir-Repubblika tal-Moldova
  • l-Ukrajna

Ir-Russja u t-Turkija mhumiex integrati fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant peress li ż-żewġ pajjiżi kisbu status differenti fir-relazzjoni tagħhom mal-UE:

  • it-Turkija - pajjiż fi proċess ta’ adeżjoni
  • ir-Russja - sħubija strateġika

Is-Sħubija tal-Lvant hija dimensjoni speċifika tal-Lvant għall-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Permezz tal-PEV, l-UE taħdem mal-ġirien tagħha tan-nofsinhar u tal-lvant biex tikseb l-aktar assoċjazzjoni politika mill-qrib possibbli u l-ogħla grad possibbli ta’ integrazzjoni ekonomika.

Għaliex Sħubija tal-Lvant?

Is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu tan-Nofsinhar huma prijorità għall-UE.

F’Ġunju 2008, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tħejji proposta għal Sħubija tal-Lvant (SL) biex tappoġġa l-kooperazzjoni reġjonali u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha tal-lvant.

Wara l-konflitt fil-Georgia u r-riperkussjonijiet tiegħu fuq l-istabbiltà reġjonali, il-Kunsill Ewropew straordinarju tal-1 ta’ Settembru 2008 talab biex din il-ħidma titħaffef.

L-istabbiliment ta’ qafas ta’ politika uniku u koerenti lejn pajjiżi li saru l-viċinat tal-lvant il-ġdid tal-UE sar neċessità.

Is-Sħubija tal-Lvant tnediet fl-2009, bħala inizjattiva konġunta bejn:

  • l-UE
  • l-istati membri tal-UE
  • sitt pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna

Differenzjazzjoni u inklużività

L-UE hija impenjata sabiex ikollha kooperazzjoni b'saħħitha, differenzjata u ta’ benefiċċju reċiproku mas-sitt sħab kollha tas-SL, ikun xi jkun il-livell individwali ta’ ambizzjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE.

Bi skambju għat-twettiq ta' riformi politiċi u ekonomiċi, is-SL toffri:

  • relazzjonijiet kuntrattwali ġodda
  • ftehimiet ta' kummerċ ħieles profondi u komprensivi
  • passi lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża u qafas multilaterali għad-diskussjoni ta' dawn il-kwistjonijiet

Is-Sħubija tal-Lvant:

  • toffri qafas solidu għall-kooperazzjoni multilaterali
  • tiffaċilita l-approfondiment tal-kooperazzjoni bilaterali mal-UE

Involviment tas-soċjetà inġenerali

Is-Sħubija tal-Lvant tqis mhux biss il-gvernijiet iżda wkoll:

• il-fehmiet tas-soċjetà ċivili
• il-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali
• l-opinjoni tal-mexxejja tan-negozji
• l-assemblei parlamentari

Kooperazzjoni multilaterali

Pajjiżi sħab jikkondividu ħafna sfidi komuni. L-indirizzar flimkien ta' dawn l-isfidi jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prassi.

Il-kooperazzjoni multilaterali fis-Sħubija tal-Lvant isseħħ f'firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet:

  • it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba, inkluż reżistenza għal bidliet esterni
  • l-iżvilupp ta’ opportunitajiet tas-suq permezz ta’ integrazzjoni ekonomika u ftehimiet kummerċjali
  • l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija u t-titjib tal-interkonnessjoni għall-enerġija u t-trasport
  • it-tisħiħ tal-mobbiltà u l-kuntatti bejn in-nies permezz ta' negozjati ta' djalogu dwar il-viża

Kooperazzjoni bilaterali

Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (FA)

L-UE ressqet ideat konkreti għal kull pajjiż sieħeb tal-lvant permezz ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni. Dawn jissostitwixxu l-ftehimiet ta’ sħubija u kooperazzjoni konklużi ma' pajjiżi sħab lejn l-aħħar tas-snin 90.

L-UE nnegozjat mal-pajjiżi tas-SL serje ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni li jipprevedu:

  • assoċjazzjoni politika msaħħa
  • djalogu politiku msaħħaħ
  • kooperazzjoni aktar profonda dwar kwistjonijiet ta’ ġustizzja u sigurtà

Dawn jikkostitwixxu pjan ta’ riformi li jqarreb lill-pajjiżi sħab lejn l-UE permezz ta' allinjament tal-leġislazzjoni u l-istandards tagħhom ma' dawk tal-UE. Dan ser itejjeb il-ħajjiet tan-nies b’mod tanġibbli.

Ftehimiet ta' kummerċ ħieles (DCFTA)

Bħala parti mill-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni l-UE kkonkludiet negozjati dwar iż-żona ta’ kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA) mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna sabiex:

  • ittejjeb l-aċċess għal prodotti u servizzi
  • tnaqqas tariffi, kwoti, ostakli għall-kummerċ
  • tiżgura ambjent ġuridiku stabbli
  • tallinja l-prattiki u n-normi

Sitwazzjoni attwali

  • Il-Georgia, ir-repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna: il-ftehimiet FA/DCFTA konklużi fl-2014 diġà huma applikati proviżorjament u ġabu r-relazzjonijiet bejn dawn is-sħab u l-UE għal livell ġdid
  • L-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Belarussja: l-UE ser issegwi approċċ aktar differenzjat u mfassal apposta għar-relazzjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi

Infografika - Faċilitazzjoni u liberalizzazzjoni tal-viża

Faċilitazzjoni u liberalizzazzjoni tal-viża Ara l-infografika sħiħa

Djalogu dwar il-viża

Il-pajjiżi sħab tas-SL kienu minn tal-ewwel li bbenefikaw minn sħubiji ta’ mobbiltà li għenu liċ-ċittadini tagħhom biex jiċċaqilqu madwar l-Ewropa f’ambjent sigur.

Il-Ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u dwar ir-riammissjoni jippromwovu l-mobbiltà għaċ-ċittadini tal-pajjiżi sħab tal-lvant permezz tal-faċilitazzjoni tal-viża, u jipprevedu regoli dwar il-ġestjoni tar-ritorn ta’ migranti irregolari permezz ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni.

Bid-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, l-UE qed timxi gradwalment lejn l-objettiv fit-tul ta’ vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini ta’ ċerti sħab tas-SL.

Fil-Kunsill

Korpi responsabbli

Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali (COEST) jittratta l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi fi:

  • l-Ewropa tal-Lvant: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Moldova, il-Georgia, ir-Russja u l-Ukrajna
  • l-Asja Ċentrali: il-Każakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan

Il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali wkoll jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fin-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet kummerċjali mal-pajjiżi sħab tas-SL.

Negozjati dwar ftehimiet internazzjonali mas-sħab tal-lvant

Il-Kunsill hu involut fl-istadji kollha tan-negozjati u fl-adozzjoni tal-ftehimiet internazzjonali mas-sitt pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu tan-Nofsinhar billi:

  • jagħti l-mandat għan-negozjati
  • jiffirma l-ftehim f’isem l-UE
  • jadotta d-deċiżjoni finali li timplimentah fil-liġi tal-UE

Fid‑dettall

Ir-rappreżentanti tal-istati membri għandhom jagħtu l-mandat tagħhom għal negozjati dwar dawn il-ftehimiet speċifiċi li jkopru oqsma ta' kompetenza kondiviża.

Fi tmiem in-negozjati, il-Kunsill jiddeċiedi dwar il-firma u l-konklużjoni tal-ftehim, abbażi tal-proposta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli.

Il-Kunsill jadotta wkoll id-deċiżjoni finali biex jiġi konkluż il-ftehim, ladarba l-Parlament ikun ta l-kunsens tiegħu (meħtieġ f'oqsma soġġetti għal kodeċiżjoni) u l-ftehim ikun ġie rratifikat mill-istati membri kollha tal-UE.

Il-Kunsill jista' jadotta wkoll deċiżjoni biex jissospendi l-applikazzjoni ta' ftehim internazzjonali jew biex jittermina ftehim. Huwa jieħu deċiżjoni abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli.

Appoġġ għall-organizzazzjoni tas-summits tas-Sħubija tal-Lvant

Is-SL tistabbilixxi mezzi ta' komunikazzjoni aktar b'saħħithom permezz tal-organizzazzjoni ta' summits fil-livell ta' kapijiet ta' stat jew ta' gvern.

Is-summits huma organizzati kull sentejn u jipprovdu gwida politika għal aktar żvilupp tas-Sħubija tal-Lvant.

F'dawn is-summits, il-President tal-Kunsill Ewropew jirrappreżenta lill-UE esternament, normalment flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Is-SL ikollha wkoll laqgħat annwali tal-ministri għall-affarijiet barranin mill-UE u mis-sħab tal-Lvant. Dawn il-laqgħat ikunu marbutin ma’ Kunsill Affarijiet Ġenerali jew Kunsill Affarijiet Barranin.

Summits tas-Sħubija tal-Lvant

24 ta’ Novembru 2017 - Brussell, il-Belġju

20-21 ta’ Mejju 2015 - Riga, il-Latvja

28-29 ta’ Novembru 2013 - Vilnius, il-Litwanja

29-30 ta’ Settembru 2011 - Varsavja, il-Polonja

7 ta' Mejju 2009 - Praga, ir-Repubblika Ċeka