Unjoni tal-enerġija għall-Ewropa

Il-pakkett dwar l-unjoni tal-enerġija għandu l-għan li jiżgura enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli għall-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha. Il-miżuri speċifiċi jkopru ħames oqsma ewlenin fosthom is-sigurtà tal-enerġija, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni.

Propost mill-Kummissjoni Ewropea fl-2015, il-pakkett dwar l-unjoni tal-enerġija huwa msejjes fuq tliet pilastri:

  • strateġija qafas li tiddeskrivi fid-dettall l-għanijiet u l-passi konkreti tal-unjoni tal-enerġija
  • il-viżjoni tal-UE għall-ftehim globali ta' Pariġi dwar il-klima
  • pjan biex tintlaħaq il-mira ta' 10% ta' interkonnessjoni tal-elettriku sal-2020

L-enerġija tal-UE f'ċifri

  • l-UE timporta 53% tal-enerġija kollha li tikkonsma
  • sitt stati membri jiddependu fuq fornitur estern wieħed għall-importazzjonijiet kollha tagħhom tal-gass
  • 75% tal-unitajiet residenzjali tal-UE huma ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija
  • 94% tat-trasport jiddependi minn prodotti taż-żejt, li minnhom 90% jiġu importati
  • il-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku u l-gass huma 30% u rispettivament aktar minn 100% ogħla milli fl-Istati Unit

    Sors: Kummissjoni Ewropea

Għalfejn għandna bżonnha?

L-unjoni tal-enerġija ser tgħin biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-UE, is-sigurtà tagħha u l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

L-UE teħtieġ tnaqqas in-nefqa tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija. Dawn jammontaw għal €400 biljun fis-sena, u jagħmlu lill-UE l-akbar importatur ta' enerġija fid-dinja. Barra minn hekk, bosta Stati Membri jiddependu ħafna fuq għadd limitat ta' fornituri. Dan jagħmilhom vulnerabbli għal interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija.

Barra minn hekk, l-UE għandha tissodisfa l-miri tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 li għandhom fil-mira tagħhom il-karburanti fossili u l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea teħtieġ timmodernizza infrastruttura tal-enerġija li qed teqdiem, tintegra bis-sħiħ is-swieq tal-enerġija tagħha u tiżgura l-koordinazzjoni fil-prezzijiet nazzjonali tal-enerġija.

Il-ħolqien ta’ unjoni tal-enerġija li tiffunzjona b'mod sħiħ ser iwassal għal għażla akbar u prezzijiet orħos lill-konsumaturi u n-negozji tal-UE.

2017

9 ta' Ottubru

Il-Kunsill adotta r-regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass

Wara l-adozzjoni mill-Kunsill, ir-regolament rivedut dwar il-miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass ser jidħol fis-seħħ erbat ijiem wara li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-iskop ġenerali tar-regolament hu li jsaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea, inaqqas id-dipendenza tagħha fuq oħrajn għall-provvista tal-enerġija u biex tkun tista' tindirizza aktar malajr u b'mod aktar effiċjenti kwalunkwe kriżi fil-provvista tal-gass.

Ser jikkontribwixxi wkoll għal suq intern tal-enerġija li jiffunzjona aħjar.

Barra minn hekk, dan ser iżid il-fiduċja u s-solidarjetà kemm ġewwa l-UE kif ukoll mas-sħab tagħha mill-Komunità tal-Enerġija.

26 ta' April

Il-Kunsill adotta regolament dwar it-tikkettar tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

Permezz tar-regolament il-ġdid dwar it-tikkettar tal-enerġija, il-konsumatur isir aktar konxju tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-konsum tal-enerġija ta' apparati domestiċi. Dan ser jgħinhom biex inaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija u jikkontribwixxu għall-moderazzjoni fid-domanda għall-enerġija.

L-għan aħħari tar-regolament huwa li jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri ewlenin tal-Unjoni Ewropea għall-2020 kif ukoll l-għanijiet tagħha għall-klima u l-enerġija għall-2030.

Il-ministri qablu b’mod ġenerali li żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ser tkun ta' benefiċċju kbir mil-lat ambjentali u dak enerġetiku.

Madankollu, diversi stati membri ġibdu l-attenzjoni għaċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi u għall-importanza li jittieħed kont - wara l-2020 - tal-miżuri fit-tul li diġà tnedew.

Il-Kunsill TTE qabel ukoll dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar żewġ direttivi riveduti:

  • dwar effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija - biex ikun hemm progress fil-kisba tal-għanijiet tal-UE għall-klima u l-enerġija
  • dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija - għal aktar iffrankar ta' enerġija u kundizzjonijiet aħjar tal-ħajja.

24 ta' April

Ftehim proviżorju dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim temporanju rigward regolament rivedut dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass.

L-elementi l-ġodda prinċipali tar-regolament huma:

  • kooperazzjoni u koordinazzjoni reġjonali msaħħa stabbiliti fuq gruppi bbażati fuq ir-riskju tal-Istati Membri
  • pjanijiet reġjonali ta’ azzjoni preventiva u pjanijiet ta’ emerġenza, kif ukoll valutazzjonijiet tar-riskji reġjonali, li għandhom jitħejjew mill-istati membri
  • mekkaniżmu ta’ solidarjetà għal xenarji ta’ kriżi estremi
  • monitoraġġ akbar tad-dispożizzjonijiet fil-kuntratti tal-provvista tal-gass
  • obbligi speċifiċi tal-istati membri tal-UE lejn il-Komunità tal-Enerġija, kif ukoll setgħat tal-Kummissjoni biex tikkoordina l-applikazzjoni tal-qafas legali bejn l-UE u l-Komunità tal-Enerġija

27 ta' Frar

Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha

Il-ministri taw l-ewwel reazzjonijiet tagħhom għall-pakkett leġislattiv tal-Kummissjoni dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha. Din l-inizjattiva għandha tliet għanijiet prinċipali:

  • li tingħata l-ogħla prijorità lill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
  • li tinkiseb eċċellenza globali fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli
  • li tingħata offerta ġusta lill-konsumatur

Il-Pakkett dwar l-enerġija nadifa jinkludi proposti dwar oqsma importanti bħad-disinn tas-suq tal-elettriku, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista, is-sorsi rinnovabbli u r-regoli ta' governanza.

L-għan ġenerali tal-istrateġija hu li sal-2030 l-UE tinbidel f'ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Il-ministri rrikonoxxew l-importanza ta' din il-leġislazzjoni u ssottolinjaw il-ħtieġa li jsir progress fir-rigward tal-proposti kollha.

2016

5 ta' Diċembru

Il-Kunsill (Enerġija) iddiskuta s-sigurtà tal-provvista tal-gass

Il-Kunsill iddiskuta abbozz ta' regolament dwar miżuri biex titħares is-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-UE kollha.

Ir-regolament għandu l-għan li jistabbilixxi qafas reġjonali kosteffettiv tal-UE li jkun kapaċi jnaqqas l-impatt ta' interruzzjoni potenzjali tal-provvista tal-gass. Il-ministri tal-UE laħqu kompromess dwar il-kwistjonijiet ewlenin:

  • kooperazzjoni reġjonali: ibbażata fuq gruppi ta' stati membri identifikati skont ir-riskji ewlenin għall-provvista tal-gass tal-UE
  • skambju ta' informazzjoni: kuntratti fit-tul li jipprovdu 40% jew aktar tal-konsum ta' gass fis-sena f'pajjiż tal-UE jkunu notifikati lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet nazzjonali
  • solidarjetà: stati membri jistgħu jikkunsidraw differenzi nazzjonali meta jikkalkulaw il-kumpens

20-21 ta' Ottubru

Il-Kunsill Ewropew appella għall-ikkompletar tal-Unjoni tal-Enerġija

Il-Kunsill Ewropew appella biex sal-2018, l-Unjoni tal-Enerġija tkun ikkompletata u implimentata.

6-7 ta' Ġunju

Pożizzjoni dwar l-iskambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' ftehimiet dwar l-enerġija

Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali għal abbozz ta' deċiżjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni rigward il-ftehimiet internazzjonali dwar l-enerġija bejn l-istati membri u pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Din l-inizjattiva hija waħda mill-pedamenti tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija. L-għan tagħha hu li:

  • jitjieb il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija
  • jitjiebu t-trasparenza u l-konsistenza tar-relazzjonijiet esterni tal-UE fil-qasam tal-enerġija
  • tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fin-negozjar ma’ pajjiżi terzi

Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-proposta għal regolament rivedut dwar is-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass billi jiġi minimizzat l-impatt ta’ tfixkil potenzjali. Il-miżuri relatati għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-istati membri. Dawn huma bbażati fuq il-kisbiet tas-suq intern tal-enerġija. It-tibdiliet ewlenin li ġew proposti:

  • aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni reġjonali
  • pjanijiet reġjonali ta’ azzjoni preventiva u ta’ emerġenza, kif ukoll valutazzjonijiet tar-riskji reġjonali
  • prinċipju ġdid ta’ solidarjetà għal xenarji ta’ kriżi estremi
  • obbligi aktar stretti li jiżguraw id-disponibbiltà tal-infrastruttura meħtieġa

17-18 ta' Marzu

Impenn biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fl-UE

Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fil-livell domestiku.

Il-mexxejja tal-UE wiegħdu wkoll li jżidu l-porzjon ta’ enerġiji rinnovabbli u jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kif intlaħaq qbil mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2014.

2015

17-18 ta' Diċembru

Il-Kunsill Ewropew ivvaluta l-progress tal-Unjoni tal-Enerġija

Il-Kunsill Ewropew ivvaluta l-progress fil-bini tal-Unjoni tal-Enerġija u appella għal:

  • preżentazzjoni malajr tal-proposti leġislattivi rilevanti f’konformità mal-gwida preċedenti tiegħu
  • implimentazzjoni sħiħa tal-leġislazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli, dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u dwar miżuri oħra, bħal titjib fl-opportunitajiet ta’ investiment, sabiex tintlaħaq il-mira għall-2020
  • tħejjija ta’ strateġija integrata għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività

12 ta’ Diċembru

Tibdil fil-klima: intlaħaq il-Ftehim ta' Pariġi

Waqt il-konferenza ta’ Pariġi dwar il-klima, li saret mit-30 ta’ Novembru sat-12 ta’ Diċembru, intlaħaq ftehim globali ġdid dwar it-tibdil fil-klima.

Il-ftehim jinkludi pjan ta’ azzjoni biex it-tisħin globali jiġi limitat 'sew taħt' iż-2°C u biex jissoktaw l-isforzi sabiex jiġi limitat - ulterjorment - għal 1.5°C.

26 ta' Novembru

Progress fil-governanza u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istruttura ta' governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Huwa biħsiebu jiggwida lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha.

Is-sistema ta' governanza timmonitorja l-progress kollettiv tal-UE fil-kisba tal-miri tal-UE għall-enerġija u l-klima. Huma koperti ħames oqsma ġenerali:

  • is-sigurtà tal-enerġija, is-solidarjetà u l-fiduċja
  • is-suq intern tal-enerġija
  • it-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija permezz tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
  • id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija
  • ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività

Il-ministri tal-UE adottaw ukoll approċċ ġenerali dwar abbozz ta' regolament li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

It-tikketti tal-enerġija jgħinu lill-konsumaturi jagħżlu prodotti effiċjenti fl-enerġija. Huma jikkontribwixxu wkoll għal tnaqqis ġenerali fid-domanda għall-enerġija fil-livell tal-UE billi jagħtu lok biex il-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

L-objettiv ewlieni tal-proposta kien li tippromwovi l-innovazzjoni u l-produzzjoni ta' prodotti dejjem aktar effiċjenti fl-enerġija.

8 ta' Ġunju

Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija.

Dan iffoka fuq kif il-konsumaturi - kemm domestiċi kif ukoll dawk tan-negozji - jistgħu jiġu fornuti b'enerġija sikura, sostenibbli u bi prezz aċċessibbli. Ħeġġeġ ukoll il-promozzjoni tal-investimenti meħtieġa fis-settur tal-enerġija.

Il-ministri qablu fuq l-elementi essenzjali tal-politika tal-UE dwar l-enerġija:

  • diversi sorsi u rotot tal-provvista
  • il-kooperazzjoni reġjonali
  • is-suq tal-enerġija
  • l-iżvilupp tal-infrastruttura

Il-ministri għall-enerġija ivvalutaw ukoll l-implimentazzjoni tal-istrateġija għas-sigurtà tal-enerġija u iddiskutew l-iżviluppi futuri tagħha, speċjalment is-sigurtà tal-provvista.

19-20 ta' Marzu

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta s-sigurtà u t-trasparenza fil-qasam tal-enerġija

Il-Kunsill Ewropew qabel dwar l-ewwel passi lejn l-istabbiliment tal-Unjoni tal-Enerġija. Id-diskussjoni tal-mexxejja tal-UE ffukat fuq is-sigurtà u t-trasparenza fil-qasam tal-enerġija. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kuntratti tal-gass kollha:

  • ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni
  • ikunu aktar trasparenti
  • ma jkollhomx impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa

Il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern qablu wkoll li jiżviluppaw strateġiji innovattivi għal ġenerazzjoni ġdida ta' enerġiji rinnovabbli, iżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jsaħħu d-diplomazija tal-UE dwar il-klima biex il-Ftehim ta' Pariġi jkun ta' suċċess.

6 ta’ Marzu

Il-proposta dwar l-Unjoni tal-Enerġija tinsab fit-triq it-tajba

Il-ministri tal-UE għall-ambjent iddiskutew l-aspetti tal-Pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija relatati mal-politika dwar it-tibdil fil-klima, speċjalment id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija.

Il-ministri indikaw li d-dekarbonizzazzjoni għandha tkun parti mill-qafas ta’ politika dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima għall-2030, li diġà kien hemm qbil dwaru mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2014.

Il-ministri qablu dwar ir-rwol prinċipali tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS) biex tinkiseb il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għall-2030.

Ir-riżultati tad-dibattiti tal-ministri għall-ambjent taw kontribut wiesa’ għad-diskussjoni tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Marzu dwar l-Unjoni tal-Enerġija.

5 ta’ Marzu

L-ewwel diskussjoni dwar il-pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija

Il-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (TTE) kellu skambju ta’ fehmiet dwar proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-qafas strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija. B’mod partikolari, il-ministri ddiskutew kwistjonijiet bħal:

  • is-sigurtà tal-enerġija
  • it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija
  • l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
  • id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija
  • il-kompetittività

Il-Ministri kienu kawti dwar li jżidu t-trasparenza ta’ kuntratti relatati ma’ ftehimiet intergovernattivi u ta' dawk kummerċjali ta' provvista. Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali tal-Istati Membri rigward id-deċiżjonijiet tagħhom relatati mal-enerġija.

Barra minn hekk, il-Kunsill kellu dibattitu ta' politika dwar l-iżviluppi u l-prijoritajiet għall-infrastruttura tal-enerġija.

25 ta' Frar

Il-Kummissjoni Ewropea avvanzat il-proposta għal- Unjoni tal-Enerġija

Il-pakkett tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Unjoni tal-Enerġija għandu l-għan li jiġi komplut is-suq uniku tal-enerġija waqt li jirriforma l-produzzjoni, it-trasport u l-konsum tal-enerġija fl-Ewropa.

Il-pakkett jinkludi tliet 'komunikazzjonijiet':

  • strateġija qafas għall-Unjoni tal-Enerġija, l-għanijiet u l-passi konkreti tagħha
  • il-miżuri meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ta’ 10% ta’ interkonnessjonijiet transfruntieri tal-elettriku sal-2020
  • il-viżjoni tal-UE għall-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima skedata bejn it-30 ta’ Novembru u t-12 ta’ Diċembru 2015

2014

18 ta' Diċembru

Il-mexxejja tal-UE talbu proposta għal Unjoni tal-Enerġija

Il-mexxejja tal-UE talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ proposta għal Unjoni tal-Enerġija Ewropea biex in-netwerks jiġu konnessi b’mod transkonfinali, titjieb is-sigurtà tal-enerġija Ewropea u jonqsu l-emissjonijiet tagħha.

23-24 ta' Ottubru

Qafas ta' politika dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima għall-2030

Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-appell tiegħu għall-ħolqien ta’ Unjoni tal-Enerġija li toffri enerġija sikura, sostenibbli u għall-but ta’ kulħadd.

Fl-istess ħin, huwa rrakkomanda aktar miżuri biex titnaqqas id-dipendenza tal-enerġija tal-UE u tiżdied is-sigurtà tal-provvisti tal-gass u l-elettriku tagħha.

Il-mexxejja tal-UE qablu dwar il-qafas ta' politika dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima għall-2030. Huma approvaw erba’ miri:

  • objettiv vinkolanti li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra b'40% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990
  • mira ta' mill-inqas 27% għall-porzjon tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata fl-2030
  • titjib ta' 27% fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
  • it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija

26-27 ta' Ġunju

Kunsill Ewropew: L-Unjoni tal-Enerġija hija objettiv strateġiku tal-UE

Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-ħolqien ta’ Unjoni tal-Enerġija bħala waħda mill-ħames objettivi ewlenin tal-aġenda strateġika Ewropea, li tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-UE għas-snin li ġejjin.

L-objettiv tal-Unjoni tal-Enerġija huwa maqsum fi tliet partijiet:

  • li tipprovdi enerġija bi prezz aċċessibbli għan-negozji u l-konsumaturi
  • li tiggarantixxi l-enerġija għall-pajjiżi kollha tal-UE billi tnaqqas id-dipendenza tal-UE fil-qasam tal-enerġija
  • li tiġġenera aktar enerġija ekoloġika u tkompli l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima