6 mewġiet suċċessivi ta' tkabbir tal-UE

  • 2013: il-Kroazja
  • 2007: il-Bulgarija u r-Rumanija
  • 2004: 2004: ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja
  • 1995: l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja
  • 1986: il-Portugall u Spanja
  • 1981: il-Greċja
  • 1973: id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit

It-tkabbir huwa proċess li permezz tiegħu pajjiżi jissieħbu fl-Unjoni Ewropea.

Kif jaħdem it-tkabbir tal-UE?

Kull pajjiż Ewropew li jirrispetta l-valuri tal-UE msemmija fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE) u huwa impenjat li jippromwovihom jista' japplika biex isir membru tal-UE.

Kriterji tal-adeżjoni

L-ewwel pass huwa li l-pajjiż jissodisfa l-kriterji tal-adeżjoni. Dawn il-kriterji ġew definiti f'laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Copenhagen fl-1993, u spiss jissejħu l-"kriterji ta' Copenhagen".

Il-kriterji ta' Copenhagen jistabbilixxu numru ta' kondizzjonijiet demokratiċi, ekonomiċi u politiċi għall-pajjiżi li jridu jissieħbu fl-UE:

  • istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi
  • ekonomija tas-suq li tiffunzjona u l-kapaċità tal-pajjiż li jlaħħaq mal-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fl-UE
  • il-ħila tal-pajjiż li jwettaq u jimplimenta b'mod effettiv l-obbligi tas-sħubija, fosthom il-konformità mal-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja

L-UE jeħtieġ ukoll li tkun tista' tintegra membri ġodda.

Benefiċċji tat-tkabbir tal-UE

  • iktar prosperità għall-istati membri kollha: 3 darbiet aktar ta' skambji kummerċjali bejn stati membri antiki u ġodda, 5 darbiet aktar fost l-istati membri l-ġodda
    • aktar stabbiltà fl-Ewropa
    • aktar saħħa għall-UE fi kwistjonijiet globali

    Meta bdew in-negozjati għas-sħubija

    Is-Serbja - Jannar 2014
    Il-Montenegro - Ġunju 2012
    It-Turkija - Ottubru 2005

    Pajjiż kandidati

    L-Albanija - Ġunju 2014
    L-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja - Diċembru 2005

    Pajjiżi kandidati potenzjali

    Il-Bożnija-Ħerzegovina - applikazzjoni mressqa fi Frar 2016
    Il-Kosovo*

    * Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mar-Riżoluzzjoni 1244/1999 tal-KSNU u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

    Strateġija għat-tkabbir

    Il-kunsens imġedded dwar it-tkabbir, li ntlaħaq qbil dwaru fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2006, ikompli jiggwida l-politika tat-tkabbir tal-UE. Il-mexxejja tal-UE qablu li jsegwu strateġija bbażata fuq:

    • il-konsolidazzjoni tal-impenji tal-UE għan-negozjati tal-adeżjoni li għaddejjin
    • kundizzjonalità ġusta u rigoruża fl-istadji kollha tan-negozjati mal-pajjiżi kandidati
    • aktar trasparenza u komunikazzjoni aħjar biex jiġi żgurat appoġġ wiesa' u sostnut mill-pubbliku
    • il-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda

    Il-Balkani tal-Punent

    Fil-laqgħa tiegħu f'Tessaloniki fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill Ewropew afferma d-determinazzjoni tiegħu li jappoġġa bis-sħiħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

    F'laqgħa tal-EUCO f'Diċembru tal-2006, il-mexxejja tal-UE kkonfermaw li l-futur tal-Balkani tal-Punent huwa fl-Unjoni Ewropea.

    Il-Balkani tal-Punent ser isiru parti integrali mill-UE ladarba jkunu kompletament konformi ma':

    • il-kriterji tal-adeżjoni
    • il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni (PSA)

    Fil-Kunsill

    Il-konfigurazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali (KAĠ) tistabbilixxi u tissorvelja l-proċess tat-tkabbir u n-negozjati tal-adeżjoni tal-UE. Meta pajjiż jippreżenta applikazzjoni biex jissieħeb fl-UE, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta l-opinjoni tagħha dwar din l-applikazzjoni.

    Id-deċiżjonijiet tal-KAĠ jiftħu proċedura ta' evalwazzjoni teknika li għandha tiddetermina:

    • jekk il-pajjiż jissodisfax il-kriterji neċessarji kollha biex jiġi kkunsidrat bħala kandidat uffiċjali għas-sħubija fl-UE
    • jekk in-negozjati formali għas-sħubija jistgħux jinfetħu u jintemmu b'suċċess
    • jekk il-pajjiż kandidat jistax jissieħeb fl-UE

    Id-deċiżjonijiet kollha meħuda fil-KAĠ biex jiġi evalwat il-progress li jkun sar mill-pajjiżi kandidati jeħtieġu qbil unanimu bejn it-28 stat membru tal-UE

    Kull Diċembru, il-KAĠ jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-proċess tat-tkabbir. Id-diskussjoni u kull deċiżjoni potenzjali jkunu bbażati fuq ir-rapporti dwar il-progress individwali ta' kull pajjiż tat-tkabbir u l-istrateġija annwali dwar it-tkabbir tal-Kummissjoni. Tradizzjonalment dawn jiġu ppubblikati f'Ottubru.

    L-aħħar deċiżjonijiet

    2016

    Fit-13 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali ddiskuta t-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni, u wara dan il-presidenza nnutat li ma kienx hemm kunsens li jippermetti l-adozzjoni ta' konklużjonijiet tal-Kunsill dwar din il-kwistjoni. Għalhekk, il-presidenza fasslet ġabra ta' konklużjonijiet li ġew appoġġati mill-maġġoranza l-kbira tad-delegazzjonijiet matul id-diskussjonijiet.

    2015

    Fil-15 ta' Novembru 2015 il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar:

    • il-politika tal-UE dwar it-tkabbir, li jkopru t-Turkija, il-Montenegro u s-Serbja
    • il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, li jkopru l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo

    Il-konklużjonijiet jirriaffermaw l-impenn tal-Kunsill favur il-proċess tat-tkabbir u favur il-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent.