Is-Serbja

Sistema politika: Repubblika parlamentari
Belt kapitali: Belgrad
Medda totali: 88 361 km2
Popolazzjoni: 7 120 666 (stimi mill-2011)
Munita: dinar Serb (RSD)

Status tan-negozjati

2012 - status ta' kandidat għall-UE

L-applikazzjoni tas-Serbja għas-sħubija fl-UE ġiet ippreżentata fid-19 ta' Diċembru 2009.

Fil-laqgħa tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaq lill-Kunsill l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tas-Serbja.

Fit-12 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni tat opinjoni pożittiva u rrakkomandat li s-Serbja tingħata l-istatus ta' pajjiż kandidat.

Fid-9 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kunsill biex jeżamina u jikkonferma li s-Serbja kienet kompliet turi impenn u tikseb aktar progress f'għadd ta' oqsma. Il-Kunsill imbagħad intalab jieħu deċiżjoni fi Frar 2012 dwar l-għoti ta' status ta' kandidat lis-Serbja, sabiex tiġi kkonfermata mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2012.

Fl-1 ta' Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew ta lis-Serbja l-istatus ta' pajjiż kandidat.

Jannar 2014 - bidu tan-negozjati tal-adeżjoni

Fis-27 u t-28 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill Ewropew qabel li jibda negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja mhux aktar tard minn Jannar 2014.

Fit-22 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-istati membri tagħha, u r-Repubblika tas-Serbja. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013.

Il-Kunsill qabel dwar qafas għan-negozjati mas-Serbja fis-17 ta' Diċembru 2013.

Laqgħat tal-Konferenza ta' Adeżjoni

Fil-21 ta' Jannar 2014, l-ewwel laqgħa tal-Konferenza mas-Serbja dwar l-Adeżjoni fil-livell ministerjali fetħet in-negozjati tal-adeżjoni. Minn dakinhar, saru erba' laqgħat tal-Konferenza mas-Serbja dwar l-Adeżjoni fil-livell ministerjali fi Brussell. Infetħu għan-negozjati 8 minn 35 kapitolu ta’ negozjar u żewġ kapitoli minnhom diġà ngħalqu proviżorjament.

Il-ħames laqgħa tal-Konferenza mas-Serbja dwar l-Adeżjoni fil-livell ministerjali saret fis-27 ta' Frar 2017. Fil-konferenza nfetħu n-negozjati dwar:

  • Kapitolu 20, dwar l-impriżi u l-politika industrijali
  • Kapitolu 26 dwar l-edukazzjoni u l-kultura

Rigward in-negozjati dwar il-Kapitolu 26, l-UE qieset li, b'mod eċċezzjonali, il-punti ta' riferiment għall-għeluq proviżorju ta' dan il-kapitolu ma kinux meħtieġa, peress li l-istat ta' tħejjija tas-Serbja fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura huwa ġeneralment tajjeb, u li l-obbligi tal-acquis f'dan il-kapitolu għandhom kamp ta' applikazzjoni limitat u huma ta' natura partikolari. Għalhekk, l-UE nnutat li, f'dan l-istadju, mhumiex meħtieġa aktar negozjati dwar dan il-kapitolu u jista' jingħalaq b'mod proviżorju.