Il-baġit tal-UE għall-2017

Fit-28 ta’ Novembru, il-Kunsill ta l-kunsens finali tiegħu għall-baġit tal-UE għall-2017 billi approva l-ftehim milħuq mal-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Novembru. Il-baġit tal-UE għall-2017 ġie adottat fl-1 ta' Diċembru 2016, meta l-Parlament Ewropew ikkonferma l-ftehim.

Il-baġit tal-UE għall-2017 jiffissa l-livell totali tal-impenji għal €157.86 biljun u tal-pagamenti għal €134.49 biljun.

€157.86biljun għal impenji
€134.49biljun għal pagamenti

 

Il-baġit tal-UE għall-2017 iħalli marġni ta’ flessibbiltà ta' €1.1 biljun għal bżonnijiet mhux mistennija. Il-pagamenti huma stabbiliti għal 1.6% inqas mill-baġit tal-UE għall-2016 wara li jiġu allinjati mal-ħtiġijiet reali.

Indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni u r-refuġjati

Kważi €6 biljun f’impenji u għalhekk madwar 11.3% aktar milli fl-2016 ser ikunu disponibbli biex tiġi indirizzata l-pressjoni migratorja u biex il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej tkun aktar sigura; Il-flus ser jintużaw biex:

  • tingħata għajnuna lill-istati membri fir-risistemazzjoni tar-refuġjati
  • jinħolqu ċentri ta' akkoljenza
  • jiġu integrati l-persuni li għandhom id-dritt joqogħdu u jintbagħtu lura dawk li m'għandhomx
  • tissaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntieri
  • jiġu intensifikati l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-attivitajiet kontra t-terroriżmu
  • titħares l-infrastruttura kritika

Riċerka u tkabbir

€21.3 biljun f’impenji huma mobilizzati biex jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi ġodda - din hija żieda ta' madwar 12% meta mqabbel mal-2016. Din il-parti tal-baġit tkopri strumenti bħal Erasmus + li jiżdied b'19% għal €2.1 biljun u l-fond Ewropew għal investimenti strateġiċi li jogħla b’25% għal €2.7 biljun.

Aktar flus għaż-żgħażagħ

Minbarra ż-żieda sinifikanti għal Erasmus +, il-baġit tal-UE għall-2017 jagħti wkoll riżultati pożittivi f'għadd ta’ miżuri oħra li jibbenefikaw liż-żgħażagħ b’mod partikolari. Dan jinkludi l-inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ li għaliha huma disponibbli €500.00 miljun addizzjonali biex jgħinu liż-żgħażagħ isibu x-xogħol. Il-baġit tal-UE għall-2017 jippermetti wkoll lill-Kummissjoni tniedi inizjattiva biex tgħin liż-żgħażagħ jivvjaġġaw u jiskopru pajjiżi oħra Ewropej.

Agrikoltura

Il-baġit tal-UE għall-2017 jinkludi wkoll il-pakkett ta’ għajnuna ta’ €500 miljun imħabbar f’Lulju biex jingħata appoġġ lill-bdiewa fis-settur tal-ħalib u tat-trobbija tal-bhejjem.

 

Sommarju tal-baġit tal-UE għall-2017:

Approprjazzjonijiet skont l-intestaturabiljun €
impenjipagamenti

1. Tkabbir intelliġenti u inklużiv:

a) Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

b) Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

74.899

21.312

53.587

56.522

19.321

37.201

2. Tkabbir sostenibbli58.58454.914
3. Sigurtà u ċittadinanza4.2843.787
4. Ewropa Globali10.1629.483
5. Nefqa amministrattiva (għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE)9.3959.395
Strumenti speċjali534390
Approprjazzjonijiet totali           157.858134.490