Riflessjoni politika dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea

Kunsill Ewropew

Il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE ltaqgħu f’Ruma, l-Italja, fil-25 ta’ Marzu 2017, biex jiċċelebraw is-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma. Din kienet okkażjoni biex ikun hemm riflessjoni dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea u l-futur tal-proċess ta’ integrazzjoni.

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, adottata fi tmiem iċ-ċelebrazzjonijiet, il-mexxejja stabbilew viżjoni konġunta għas-snin li ġejjin. Huma wegħdu li jaħdmu għal:

  • Ewropa sikura u sigura: fejn iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jiċċaqilqu liberament; b'fruntieri esterni protetti u politika effiċjenti fil-qasam tal-migrazzjoni
  • Ewropa prospera u sostenibbli: li tippromwovi tkabbir sostnut u sostenibbli b'suq uniku b'saħħtu
  • Ewropa soċjali: li tiġġieled il-qgħad, id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-faqar
  • Ewropa aktar b'saħħitha fix-xena globali: li tiżviluppa sħubiji eżistenti u tibni sħubiji ġodda, impenjata biex issaħħaħ is-sigurtà u d-difiża komuni tagħha

Id-Dikjarazzjoni ta' Ruma kkonkludiet il-proċess ta' riflessjoni politika li kien beda fi Bratislava fis-16 ta' Settembru 2016, wara r-riżultati tar-referendum tar-Renju Unit f'Ġunju 2016.

2017

25 ta’ Marzu

Is-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma

Il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE ltaqgħu f’Ruma, l-Italja, fil-25 ta’ Marzu 2017, biex jiċċelebraw is-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma. Din kienet okkażjoni biex ikun hemm riflessjoni dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea u l-futur tal-proċess ta’ integrazzjoni.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjonijiet, il-mexxejja adottaw u ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma li tistabbilixxi viżjoni konġunta għas-snin li ġejjin. “Aħna ngħaqadna għall-aħjar. L-Ewropa hija l-ġejjieni komuni tagħna,” qalu fid-Dikjarazzjoni.

Il-mexxejja ddikjaraw li, konxji mit-tħassib taċ-ċittadini tal-UE, huma jimpenjaw ruħhom lejn l-Aġenda ta’ Ruma, u wegħdu li jaħdmu għal:

  • Ewropa sikura u sigura
  • Ewropa għanja u sostenibbli
  • Ewropa soċjali
  • Ewropa aktar b’saħħitha fix-xena globali

10 ta’ Marzu

Laqgħa informali tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern

Nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Marzu, is-27 mexxej iltaqgħu b’mod informali biex iħejju għas-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma u ddiskutew l-elementi ewlenin tad-Dikjarazzjoni ta’ Ruma

Id-dibattitu ffoka fuq il-futur tal-UE, inkluż l-idea ta’ Ewropa b’veloċitajiet differenti.

"Xi wħud jistennew bidliet sistemiċi li jillaxkaw ir-rabtiet intra-UE u jsaħħu r-rwol tan-nazzjonijiet fir-rigward tal-komunità. Oħrajn, għall-kuntrarju, qed ifittxu dimensjonijiet ta' integrazzjoni ġodda u aktar profondi," qal il-President Tusk, waqt li kkonkluda d-diskussjonijiet.

Huwa enfasizza li, waqt li jitqiesu l-interessi tal-komunità ta’ 27 pajjiż fil-kuntest tan-negozjati li ġejjin tal-Brexit u l-interessi strateġiċi fit-tul tal-UE, huwa ser iħeġġeġ lil kulħadd biex jistinka sabiex tinżamm l-unità politika fost is-27.

"Meta nkunu qed niddiskutu x-xenarji differenti għall-Ewropa, l-għan ewlieni tagħna għandu jkun li nsaħħu il-fiduċja reċiproka u l-għaqda fost is-27. U wara d-dibattitu tal-lum nista’ ngħid apertament li s-27 mexxej kollha jaqblu ma’ dan l-objettiv," huwa qal.

1 ta' Marzu

Il-White Paper dwar il-futur tal-Ewropa

Id-dokument ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea qabel is-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma. Huwa jistabbilixxi ħames xenarji, kull wieħed joffri ħarsa lejn il-qagħda potenzjali tal-Unjoni sal-2025 skont l-għażliet li ser tagħmel l-Ewropa.

Ix-xenarji jħarsu lejn kif l-Ewropa ser tinbidel fl-għaxar snin li ġejjin, mill-impatt ta' teknoloġiji ġodda fuq is-soċjetà u l-impjiegi, għad-dubji dwar il-globalizzazzjoni, it-tħassib dwar is-sigurtà u ż-żieda tal-populiżmu.

3 ta' Frar

Summit informali tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-UE f'Malta

Is-summit informali, ospitat mill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat u ppresedut mill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, kien opportunità biex is-27 mexxej iħejju għas-60 anniversarju li ġej tat-Trattati ta' Ruma fil-25 ta' Marzu 2017.

Id-diskussjonijiet komplew fuq ir-riflessjoni politika dwar il-futur tal-UE b'27 stat membru, li nbdew immedjatament wara li r-Renju Unit ivvota biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Ġunju 2016 u li tkomplew fi Bratislava fis-16 ta’ Settembru 2016.

31 ta' Jannar

Ittra dwar il-futur tal-Ewropa

"United we stand, divided we fall", qal Tusk qabel is-summit ta’ Malta.

Fl-ittra tiegħu mibgħuta lis-27 kap ta’ stat jew ta’ gvern, il-President tal-Kunsill Ewropew identifika tliet theddidiet ewlenin, li qed jheddu l-istabbiltà tal-Ewropa. Dawn jinkludu:

  • sitwazzjoni ġeopolitika ġdida: Ċina dejjem aktar assertiva, il-politika aggressiva tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna u l-ġirien tagħha, gwerer, terrur u anarkija fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika (bl-Iżlam radikali jassumi rwol prinċipali) u "dikjarazzjonijiet li jqanqlu tħassib" mill-amministrazzjoni Amerikana l-ġdida, kollha jrendu l-futur tagħna ferm imprevedibbli
  • sitwazzjoni interna: żieda fis-sentiment nazzjonalist kulma jmur aktar ksenofobiku, fl-UE nnifisha
  • l-istat mentali tal-elit pro-Ewropej: nuqqas ta’ fiduċja fl-integrazzjoni politika, sottomissjoni għal argumenti populisti u dubju fil-valuri fundamentali tad-demokrazija liberali

Fl-ittra, il-President Donald Tusk appella lill-mexxejja biex jibqgħu magħqudin.

"Irridu nagħmluha ċara daqs il-kristall li d-diżintegrazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma twassalx għar-restawr ta' xi sovranità mitika sħiħa tal-istati membri tagħha, iżda għad-dipendenza reali u fattwali tagħhom fuq is-superpotenzi l-kbar: l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina. Huwa flimkien biss li nistgħu nkunu għalkollox indipendenti", qal Tusk.

2016

13 ta' Diċembru

Il-Kunsill jaqbel fuq il-pożizzjoni tan-negozjar dwar l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) qabel dwar il-pożizzjoni tan-negozjar tal-Kunsill dwar proposta biex jiġu mmodernizzati l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE.

Ir-regolament propost jemenda r-regolamenti attwali kontra d-dumping u kontra s-sussidji għal rispons aħjar għal prattiki kummerċjali inġusti. L-għam huwa li l-produtturi tal-UE jkunu protetti mid-dannu kkawżat minn kompetizzjoni inġusta, bl-iżgurar ta’ kummerċ ħieles u ġust.

7 ta' Diċembru

Ftehim dwar il-verifiki sistematiċi fil-fruntieri esterni

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) approva test ta' kompromess miftiehem mal-Parlament Ewropew dwar emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex jissaħħu l-kontrolli bl-użu ta' bażijiet tad-data fil-fruntieri esterni.

7 ta' Diċembru

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tniedi riżerva ta’ reazzjoni rapida

Ir-riżerva ta’ reazzjoni rapida hija magħmula minn 1 500 uffiċjal impenjati mill-istati membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen. F’sitwazzjoni ta’ kriżi, huma ser ikunu disponibbli immedjatament għall-Frontex, li jista’ jimmobilizzahom fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol.

6 ta' Diċembru

Il-Kunsill jaqbel li jestendi l-fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi

Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar proposta li tiġi estiża l-ħajja tal-fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi (FEIS), l-inizjattiva ewlenija tal-UE fil-qafas tal-'Pjan ta' Investiment għall-Ewropa' tagħha.

Il-kompromess maqbul jinvolvi l-estensjoni tal-FEIS kemm fiż-żmien kif ukoll fil-kapaċità ta' finanzjament, bil-mobilizzazzjoni ta' mill-anqas nofs triljun euro f'investimenti sal-2020. Il-kompromess jintroduċi wkoll xi titjib operazzjonali li jieħu kont tat-tagħlimiet meħuda mill-ewwel sena ta' implimentazzjoni.

6 ta' Diċembru

Sett komuni ta' proposti biex tiġi implimentata d-dikjarazzjoni konġunta UE-NATO

Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO, fejn approva 40 proposta fis-7 oqsma. Dawn il-proposti qed jiġu approvati fl-istess jum mill-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana.

14 ta' Novembru

Pjan ta' implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża

Il-ministri tal-UE għall-affarijiet barranin u d-difiża jiddiskutu l-pjan ta' implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża skont l-istrateġija globali tal-UE. Huma jistabbilixxu l-livell ta' ambizzjoni u t-triq 'il quddiem dwar l-iżvilupp futur tal-politika tal-UE ta' sigurtà u difiża.

30 ta' Ottubru

L-iffirmar tas-CETA

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, u l-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau, iltaqgħu fi Brussell għas-16-il summit bejn l-UE u l-Kanada. Huma ffirmaw il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) u l-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika (SPA) bejn l-UE u l-Kanada u ħarġu dikjarazzjoni konġunta dwar is-sħubija bejn l-UE u l-Kanada.

20-21 ta' Ottubru

Kunsill Ewropew, 20-21 ta' Ottubru 2016

Il-mexxejja ħadu rendikont tas-sitwazzjoni attwali rigward il-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava. Il-Prim Ministru Fico informahom dwar ir-riżultati sa issa, inkluż ir-ratifika tal-Ftehim ta’ Pariġi u t-tnedija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

6 ta' Ottubru

Tnedija tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tnediet uffiċjalment fis-6 ta' Ottubru 2016. L-avveniment tat-tnedija sar fil-Punt ta’ Kontroll tal-Fruntiera Kapitan Andreevo, fil-fruntiera esterna Bulgara mat-Turkija.

“Qed noħolqu realtà ġdida fil-fruntieri esterni tagħna. Dan huwa eżitu tanġibbli tal-impenn konġunt li ntlaħaq qbil dwaru fil-Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava, kif ukoll wirja prattika ta’ għaqda bejn l-istati membri,” qal Robert Fico, Prim Ministru tas-Slovakkja u detentur tal-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill. “Ser jgħinna nerġgħu lura lejn Schengen,” huwa żied.

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ser tissorvelja mill-qrib il-fruntieri esterni tal-UE u ser taħdem flimkien mal-istati membri biex tiġi identifikata u indirizzata malajr kwalunkwe theddida potenzjali għas-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE.

5 ta' Ottubru

L-UE tirratifika l-Ftehim ta’ Pariġi

L-UE rratifikat uffiċjalment il-Ftehim ta’ Pariġi, li wassal ukoll għad-dħul fis-seħħ tiegħu. Ir-rappreżentanti tal-presidenza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea ddepożitaw id-dokumenti uffiċjali tar-ratifika mas-Segretarju Ġenerali tan-NU.

Il-ftehim jidħol fis-seħħ 30 jum wara li jkun ratifikat minn tal-inqas 55 pajjiż li jirrappreżentaw tal-inqas 55% tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Dan il-livell intlaħaq bir-ratifika mill-UE u 7 mill-istati membri tagħha.

Id-dħul fis-seħħ ser ikun qabel il-bidu tal-konferenza ta' Marrakech dwar it-tibdil fil-klima li ser issir bejn is-7 u t-18 ta’ Novembru 2016.

16 ta' Settembru

Is-summit ta’ Bratislava, 16 ta’ Settembru 2016

Il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tas-27 iltaqgħu fi Bratislava biex jagħtu bidu għal riflessjoni politika dwar l-iżvilupp ulterjuri ta’ UE b’27 pajjiż membru.

Il-mexxejja qablu dwar id-Dikjarazzjoni u l-Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava, li jistabbilixxu l-objettivi għax-xhur li ġejjin.

  • ir-ristabbiliment ta' kontroll sħiħ tal-fruntieri esterni
  • l-iżgurar tas-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu
  • it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà esterna u d-difiża
  • it-tisħiħ tas-suq uniku u l-offerta ta’ opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ Ewropej

18 ta’ Awwissu - 15 ta’ Settembru

Konsultazzjonijiet qabel is-summit ta’ Bratislava

F’Awwissu u Settembru 2016 il-President Tusk ikkonsulta lill-mexxejja kollha tal-UE qabel il-laqgħa ta’ Bratislava.

“M’għandi l-ebda dubju li t-tliet sfidi ewlenin huma l-migrazzjoni irregolari mhux ikkontrollata, it-terroriżmu, u l-biża’ mill-globalizzazzjoni,” qal il-President Tusk qabel il-laqgħa tiegħu mal-Prim Ministru Żvediż Stefan Löfven fi Stokkolma. "L-ambizzjoni tiegħi hi li fi Bratislava nkunu nistgħu naqblu dwar il-prijoritajiet ewlenin u x’jeħtiġilna nagħmlu dwarhom fil-ftit xhur li ġejjin."

Fit-8 ta' Settembru, il-President Tusk mar ukoll Londra biex jiskambja fehmiet mal-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May.

29 ta' Ġunju

Is-27 mexxej iltaqgħu informalment biex jiddiskutu t-triq 'il quddiem wara r-referendum fir-Renju Unit tat-23 ta' Ġunju 2016.

Fid-dikjarazzjoni konġunta, huma qalu li "Ninsabu determinati li nibqgħu magħqudin u naħdmu fil-qafas tal-UE biex nindirizzaw l-isfidi tas-seklu 21 u nsibu soluzzjonijiet fl-interess tan-nazzjonijiet u l-popli tagħna."

Il-mexxejja qablu dwar il-prinċipji li ġejjin:

  • ma jistax ikun hemm negozjati mar-Renju Unit qabel in-notifika tal-Artikolu 50
  • fil-futur, ir-Renju Unit għandu jkun sieħeb mill-qrib tal-UE
  • il-ftehimiet ser ikollhom ikunu bbażati fuq bilanċ bejn drittijiet u obbligi
  • l-aċċess għas-suq uniku jirrikjedi li jiġu aċċettati l-erba' libertajiet kollha kemm huma

Is-27 mexxej qablu li jerġgħu jiltaqgħu f'Settembru 2016 biex ikomplu t-taħditiet dwar il-futur tal-UE.